|
Mons. Luigi Vella twieled
fil-parroċċa tal-Qalb
ta’ Ġesu`, fil-Fontana.
Ta’ ħames snin beda
l-Iskola Primarja tal-Gvern fir-Rabat.
Fis-sena 1937 iz-ziju Dun Franġisk
Mercieca, wara 20 sena servizz
fil-parroċċa mal-ewwel kappillan
Dun Ġużepp Hili, sar kappillan
tal-parroċċa tal-Għasri. Luigi mar
miegħu f’din il-parroċċa u kompla
l-iskola f’dan ir-raħal. Sena wara,
jiġifieri fis-sena 1938, Dun Franġisk
ġie msejjaħ sabiex imur kappillan
fil-parroċċa taż-Żebbuġ u Luigi mar
miegħu u kompla l-iskola primarja
f’dak ir-raħal. Meta spiċċa l-iskola
primarja beda l-iskola sekondarja
fis-seminarju minuri. Luigi mqanqal
mill-eżempji sbieħ ta’ zijuh il-
Kappillan Dun Franġisk ħass issejħa
li kien qed jagħmillu l-Mulej
biex ikompli l-istudju tiegħu ħalli
jsir saċerdot. Wara li spiċċa s-sitt
snin tal-iskola sekondarja, għadda
sabiex jibda l-kors ta’ seba’ snin tassaċerdozju.
Waslet is-sena 1955 u
Luigi sar saċerdot. Mons. Isqof Pace
ordnah saċerdot flimkien ma’ sħabu.
Dun Alwiġ, saċerdot ġdid, iddedika
l-ħajja tiegħu saċerdotali jgħin
kemm jista’ jkun lil zijuh Dun Franġisk
Mercieca. Dakinhar il-parroċċa
kienet nieqsa minn saċerdoti u
għalhekk iktar kienet importanti
l-ħidma pastorali f’din il-parroċċa.
Intefa’ b’ruħu u b’ġismu fil-ħidma
għall-ġid tal-komunita` parrokkjali.
Mimli enerġija u entużjażmu għallglorja
t’Alla, ħadem sabiex il-poplu
t’Alla jkun moqdi f’dak kollu li
kien meħtieġ għall-ħajja spiritwali
u morali. Il-Mulej kien qiegħed
isejjaħlu għal iktar ħidma f’din
il-parroċċa, wara disa’ snin viċi-Parrokku jagħti s-sehem kollu tiegħu
f’ħidma pastorali. Il-Kappillan Dun
Franġisk kien qed iħoss li sejjer lura
fis-saħħa fiżika tiegħu u għalhekk
talab lil Mons. Isqof biex jagħmillu
kuġitur ħalli jerfa’ r-responsabilta`
fil-ħidma parrokkjali. Mons. Isqof
Ġużeppi Pace ħatar lil Dun Alwiġ
wara li għamel eżami bħala kuġitur
sabiex imexxi l-parroċċa. Ġara iżda
li fis-27 ta’ Novembru, 1964, meta
Dun Franġisk kien ir-Rabat, ħassu
ħażin u l-Mulej sejjaħlu għall-ħajja
ta’ dejjem. Wara din il-ġrajja ta’
niket Mons. Isqof għażel lil Dun
Alwiġ sabiex ikun is-suċċessur ta’
zijuh u hekk ikun it-tieni Arċipriet
tal-parroċċa taż-Żebbuġ. Il-ġurnata
tat-8 ta’ Diċembru kienet festa
solenni tal-Immakulata Kunċizzjoni u
l-ġurnata uffiċjali tal-bidu tal-ħidma
tiegħu, ħidma li kellha tieħu madwar
32 sena bħala mexxej spiritwali ta’
din il-komunita`, taħt il-ħarsien tal-Verġni Marija Assunta Inkurunata.
L-Arċipriet Vella beda l-ħidma tiegħu
bil-kooperazzjoni tal-poplu. Niftakru
li f’dawk is-snin kien qiegħed isir il-Konċilju Vatikan II. L-Arċipriet kellu
jkompli l-ħidma tiegħu għad-diversi
opri li kellhom isiru għall-ġid tal-komunita`
parrokkjali.
Kappella għaċ-Ċimiterju u opri
ewlenija
L-ewwel opra kellha tkun il-kappella
ġdida taċ-ċimiterju tal-parroċċa.
Mons. Isqof Pace irrakkomandalu li
l-ewwel opra li jagħmel kellu tkun il-kappella.
L-Ewwel Ġebla għal din il-kappella
tbierket u tqegħdet fil-festa
tal-Tlugħ fis-sema tal-Madonna,
fis-sena 1965. Din tlestiet sena
wara u fl-1 ta’ Novembru tas-sena
1966 l-istess Mons. Isqof bierek
u kkonsagra din il-kappella li ġiet
iddedikata lill-Madonna Sultana
tal-Erwieħ tal-Purgatorju. Fl-istess
żmien bdiet l-iskultura tal-koppla u
tas-saqaf tal-Knisja. L-iskultur kien
is-Sur Karmnu Cini, iben il-parroċċa.
L-Arċipriet ried iqajjem id-devozzjoni
lejn il-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesu’ u
talab lill-Isqof Pace ħalli jagħtih ilpermess
li jorganizza l-purċissjoni
tal-passjoni fil-festa tal-Ġimgħa
l-Kbira (li kienet issir qabel għal xi snin
u kienet inqatgħet u diversi statwi
kienu spiċċaw). L-Arċipriet għalhekk
beda din il-Purċissjoni fis-sena 1966
bl-istatwi li kien fadal. Il-poplu ħa
pjaċir b’din il-purċissjoni li fi ftit
żmien inqalgħu diversi benefatturi
biex jagħmlu l-istatwi li kien jonqos.
Dawn saru mill-istatwarju Għawdxi
l-Kom. Agostino Camilleri (li kien
għamel ukoll l-istatwi ta’ qabel). Fis-sena
1967 l-istatwi kollha tlestew
u matul l-istess sena, fil-purċissjoni
kien hemm l-istatwi l-ġodda. Matul
is-sena l-benefatturi tħajru biex
jagħmlu l-istatwa taċ-Ċena ta’
Ġesu`. L-Arċipriet ordnaha għand
l-istess statwarju u f’sena għamilha.
Dawn l-istatwi kollha kienu bl-ilbies
tal-bellus u wara 28 sena dan l-ilbies
inbidel f’ilbies tan-newl. Mela fis-sena
1968 din l-istatwa taċ-Ċena
tbierket minn Mons. Nikol Cauchi.
L-istatwi l-oħra kienu tbierku mill-predeċessur
tiegħu Mons. Pace.
L-Arċipriet Vella kien il-promotur ta’
din il-purċissjoni li baqgħet issir sa llum.
L-Arċipriet ukoll ried li l-parroċċa
jkollha ċentru parrokkjali biex ikun
ċentru ta’ tagħlim u formazzjoni
għal kull kategorija tal-poplu. Kien
diġa` ħaseb biex dan jinbena ħdejn
id-dar tal-Arċipriet. Iżda fis-sena
1967, ġara inċident ikrah meta fid-dar
li kienet isservi bħala ċentru,
kien hemm in-nar għall-festa
titulari u dan sploda. Parti minn
din id-dar iġġarrfet. Għalhekk ġie
deċiż li ċ-Ċentru Parrokkjali ġdid
jinbena f’dan il-post. Il-poplu kollu
ħadem kemm seta’ b’tant ħeġġa u
b’dedikazzjoni biex jinbena matul
is-sena u f’Awwissu 1968 l-Isqof
Cauchi bierku u fetħu uffiċjalment
sabiex jerġa’ jaqdi l-missjoni tiegħu.
Pavaljun ġdid għall-Assunta
L-Arċipriet Vella kellu x-xewqa li
jżejjen l-istatwa sabiħa u devota
ta’ Santa Marija b’pavaljun sabiħ
għall-ġranet tal-festa. Fis-sena 1969
ġie nkarigat Mons. Mikelangelo
Apap mix-Xagħra għal din l-opra.
Toni Mallia li kien is-sagristan ġie
nkarigat biex jaħdem il-kuruna u din
ġiet indurata bid-deheb f’Malta. Il-pavaljun
tal-bellus inġab mill-Italja
permezz tas-Sur Ġorġ Zammit, Malti
u r-rakkmu bid-deheb sar mill-aħwa
Pizzuto Maltin. Dan ġie inawgurat
fis-sena 1970 u hekk ix-xbieha
ta’ Marija Assunta ġiet imżejna
b’din l-opra sabiħa. ‘Il quddiem ġie
anke mġedded il-bankun u anke
rrestawrata n-niċċa fejn tinżamm
b’għożża kbira matul is-sena kollha.
Uffiċċju Parrokkjali ġdid
L-Arċipriet kellu l-ħolma li jara
t-tempju mżejjen b’damask ġdid.
Il-ftit damask li kien hemm kien
adattat għall-Knisja antika imma
mhux għall-ġdida. Għalhekk wara
li sar il-pavaljun għall-istatwa ta’
Santa Marija, beda jaħseb biex issir
din l-opra tad-damask. Ġie nkarigat
ukoll Mons. Mikelanġ Apap biex
jieħu ħsieb. Inġieb id-drapp u bil-għajnuna
ta’ ħafna benefatturi, fi
żmien sentejn sar id-damask kollu
barra dak tan-navi. Ġie mbierek
u inawgurat mill-Isqof Cauchi
f’Awwissu 1972.
Wara li saru dawn l-opri l-Arċipriet
beda jaħseb sabiex il-parroċċa
jkollha uffiċċju parrokkjali sabiex
minnu ssir l-amministrazzjoni
kollha tal-parroċċa u jinġabru fih ir-reġistri
u l-kotba kollha tal-parroċċa
u l-arkivju parrokkjali. Għalhekk
l-Arċipriet inkariga lil Ġużepp
Żammit sabiex jieħu ħsieb il-bini
u fi ftit żmien dan l-uffiċċju nbena
ħdejn id-dar parrokkjali, parti mill-mandra
li kien hemm mad-dar. Dan
ukoll ġie inawgurat u mbierek mill-
Isqof Nikol Cauchi fl-aħħar tas-sena
1974. Hekk dan l-uffiċċju beda jkun
ta’ servizz għal kull min kien ikun irid
ikellem lill-Arċipriet f’ħinijiet fissi
mal-ġurnata.
Waħda mix-xewqat li l-Arċipriet Luigi
Vella kellu, kienet li jara x-xbieha ta’
Marija Assunta, Titular tal-Parroċċa,
jkun inkurunat solennement skont
ir-riti liturġiċi. Dan il-kwadru,
xogħol tas-saċerdot Dun Franġisk
De Dominicis, sar fi żmien l-ewwel
kappillan Dun Franġisk Vella,
meta tkabbret il-knisja u jurina
l-inkurunazzjoni tal-Madonna fis-sema
mit-Trinita`. Kemm-il darba
konna nitħaddtu u ngħidu kemm
kien jixraq li din ix-xbieha tiġi
nkurunata b’kuruna tad-deheb u bi
stellarju ta’ tnax-il kewkba. Kienet
qed toqrob is-sena 1975, sena
mqaddsa li fiha titfakkar id-domma
tat-tlugħ fis-sema bir-ruħ u bilġisem,
għeluq il-25 sena minn meta
l-Immortali Papa Piju XII iddefinixxa
din id-domma ta’ fidi. Għalhekk
jiena u ħija morna fejn l-Isqof Nikol
Cauchi u urejnieh ix-xewqa tagħna
f’isem il-komunita` parrokkjali.
L-Isqof Cauchi qalilna li Hu ma jsib
ebda oġġezzjoni jew diffikulta`, iżda
qalilna li ser issir l-inkurunazzjoni
tax-xbieha tal-Assunta fil-Knisja
Katidrali. Issuġġerielna li nsibu xi
okkażjoni oħra ‘l quddiem u din
ix-xewqa qaddisa tkun tista’ ssir
realta`. Ilqajna bil-ferħ dak li qalilna
l-Isqof. Dejjem hekk għandu jkun. Ilkelma
tal-Isqof mhux biss għandna
nilqgħuha imma ngħożżuha.
Il-mixja lejn l-Inkurunazzjoni
Din is-sena 1975 waslet. L-Arċipriet
Vella ried li din is-sena tkun tassew
sena li fiha nfakkru l-ġrajja glorjuża
tad-domma ta’ fidi tal-Assunzjoni
tal-Verġni Mqaddsa Marija. F’din
is-sena l-festa ta’ Santa Marija taż-Żebbuġ
kienet festa wisq ikbar u
aqwa minn tas-snin ta’ qabel. Saru
festi kbar u ġew mistiedna diversi
parroċċi u personalitajiet distinti
biex jieħdu sehem. L-Arċipriet
organizza festi li bihom ingħataw
ġieħ u qima kbira lill-Verġni Assunta.
Intant ix-xewqa tal-Arċipriet Vella li
ssir l-Inkurunazzjoni tax-xbieha tal-
Madonna baqgħet ħajja fih. Meta
kienet qed toqrob is-sena 1980,
l-Arċipriet ħa l-okkażjoni u mill-ġdid
ressaq it-talba tiegħu lill-Isqof
Cauchi. Konna kkalkulajna li l-Kwadru
titulari kien jagħlaq 270 sena minn
meta tpitter mill-imsemmi Dun
Franġisk De Dominicis. Is-sena 1980
kienet ukoll sena li tfakkar għeluq
it-30 sena tad-Domma tal-Assunta.
Allura Mons. Isqof meta ra x-xewqa
kbira li kellu l-Arċipriet kif ukoll li
l-Poplu tal-Parroċċa ta l-kumpens
tiegħu, ġie deċiż li l-funzjoni solenni
ssir f’Awwissu, ġimgħa qabel il-festa
titulari. L-Arċipriet ferħan għal
din id-deċiżjoni ħabbar lill-poplu
Żebbuġi fil-festa tal-Immakulata
Kunċizzjoni tas-sena 1979 u minn
dakinhar bdew il-preparazzjonijiet
għal din il-ġrajja kbira u storika. Sar
ħafna tagħlim permezz ta’ laqgħat
għal kull kategorija. Kuljum kien
isir it-talb biex din l-okkażjoni tkun
ta’ ġid kbir u qawmien spiritwali
għall-poplu kollu u biex iktar nersqu
f’riġlejn il-Verġni Mqaddsa Marija,
ħalli b’fiduċja kbira nitolbuha
tbierek kull inizjattiva li tkun ta’ ġid
għal kulħadd. Wasal il-jum solenni
tat-18 t’Awwissu, 1980 u f’dan il-jum
ta’ ferħ l-Isqof Cauchi inkuruna
solennement fil-pjazza lix-xbieha
tal-Madonna bis-sehem ta’ diversi
isqfijiet u saċerdoti. Żgur li dan il-jum
kien ta’ ferħ kbir għall-Arċipriet
Vella, għax hekk ra sseħħ ix-xewqa
kbira tiegħu li tkompli tkabbar ilfesta
u kellna x-xorti li naraw fostna
lill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal
Marjoloġiku Mario Lungo Ciappi
O.P., li kompla mexxa l-funzjonijiet
solenni b’tant ferħ u entużjażmu talpoplu.
Xogħlijiet ta’ rħam fil-Parroċċa
Il-ħidma tal-Arċipriet ma waqfitx
hemm. Kien f’din is-sena tal-Inkurunazzjoni li l-Arċipriet Vella
wera li jixtieq li l-artal mejda ma
jibqax aktar artal proviżorju imma
jsir artal tal-irħam fiss, kif titlob
il-liturġija fir-Riforma ta’ wara
l-Konċilju Vatikan II. Il-laqgħat tal-presbiterium
waqt id-diskussjoni
dwar dan is-suġġett issemma’
l-alabastru li fl-istorja tal-parroċċa
jingħad li kien jeżisti f’xi għelieqi
fl-inħawi tas-Sagħtrija. L-Arċipriet
Vella ħa l-okkażjoni bla telf ta’ żmien
u malajr ikkuntattja lil Salvu Cefai,
bniedem li kellu mħabba kbira lejn
il-Knisja u lil dan qallu jekk kienx
irid li nfittxu fl-għelieqi tiegħu, jekk
hemmx tassew dan il-materjal u
jekk jistax isir l-artal mejda. Salvu
flimkien ma’ martu Katerina, mhux
biss taw il-kunsens tagħhom biex
jaraw jinstabx dan il-materjal iżda
qal li hu ċert li hemm xi blata kif
kienu jgħidulu l-antenati tiegħu
u għalhekk feraħ ħafna u qal lill-Arċipriet sabiex malli jrid hu, jagħti
bidu għal din il-ħidma li kellha tkun
suċċess.
L-Arċipriet ferħan b’din id-deċiżjoni
malajr sab lil min jista’ jibda dan
ix-xogħol, jiġifieri lil Ċensu Saliba,
bniedem li l-Arċipriet kellu fiduċja
kbira fih. Dan mgħejjun minn
volontiera, fosthom Salvu u wliedu,
beda din il-ħidma. Kien sewwa sew
qrib il-festi speċjali li kienu qed isiru
tal-inkurunazzjoni meta nstab dan
l-alabastru. Skont il-marmista artist
Ronald Pisani dan kien irħam oniċe
sabiħ. Beda jidher fil-wiċċ u dan kien
jindika li kien hemm blata kbira.
L-Arċipriet infurmat b’dan kollu
beda jara lil min kien ser jinkariga
ħalli jkun jista’ jsir ix-xogħol tal-altar.
Żgur li l-Providenza t’Alla, mal-Verġni
Mqaddsa Marija kienu ta’ għajnuna
kbira f’din il-ħidma li ma kinitx xi
ħaġa ħafifa. Il-bniedem providenzjali
għal dan ix-xogħol kellu jkun is-
Sur Ronald Pisani minn tas-Sliema,
Malta. L-ewwel darba li rajnieh
fostna kien meta konna nħejju
għall-festi li kienu resqin, il-festi
tal-inkurunazzjoni. L-ewwel ħaġa li
għamel kien li qata’ parti żgħira mill-blata
biex jara xi kwalita` ta’ rħam hu
u jekk jistax jinħadem. Malajr qalilna
li hija blata ta irħam tassew li jispera
li jkun tajjeb u sabiħ u li minnu tista’
ssir opra li kellna x-xewqa li nagħmlu.
Malli għaddiet il-festa, din il-blata,
għalkemm b’ħafna diffikultajiet ġiet
meħuda lejn Malta u s-Sur Ronald
Pisani beda x-xogħol biex isir l-artal
fuq disinn tiegħu stess.
L-altar tlesta f’Mejju tas-sena 1981
u fl-24 ta’ Ġunju, dan l-altar fost ilferħ
tal-Arċipriet flimkien mal-poplu
kollu, ġie kkonsagrat solennement
mill-Isqof Cauchi. Din kienet
okkażjoni oħra ta’ ferħ kbir għall-
Arċipriet Vella, kif ukoll għal Salvu
Cefai, benefattur kbir u l-familjari
tiegħu. Ħolma oħra tal-Arċipriet issa
ġiet imwettqa. Żgur li l-Madonna
riedet turi rikonoxximent tagħha
lejn l-Arċipriet u l-poplu kollu
għal dawk il-festi kbar li saru, biex
permezz tagħhom il-poplu juri
l-għaqda intima tiegħu ma’ din
l-Omm qaddisa, Sultana tas-sema u
tal-art. L-artal huwa ċ-ċentru ewlieni
għaliex fuqu kuljum jiġi mġedded
is-sagrfiċċju tal-Imgħallem Divin, il-Feddej tagħna Sidna Ġesu’ Kristu.
Aktar opri fis-Santwarju tal-
Madonna
L-Arċipriet ried ikompli l-ħidma
tiegħu u b’tama kbira li l-Providenza
t’Alla ma tieqaf qatt tagħtina
kulma neħtieġu, issa ried li jekk
ikollna aktar materjal, ikomplu jsiru
iktar opri f’dan is-santwarju tal-
Verġni Mqaddsa Marija Assunta
Inkurunata. Is-sena ta’ wara, fl-
1982, sar il-fonti mill-istess irħam,
fonti li tqiegħed ħdejn il-presbiterju
biex il-funzjoni tal-Magħmudjia ssir
skont ir-Riforma Liturġika, quddiem
l-Artal. Sena wara, fl-1983, saru
żewġt iħwat għall-ilma mbierek
mal-pilastri ħdejn il-bieb prinċipali
tal-Knisja. Matul is-sena 1984 ġiet
irrestawrata n-niċċa għall-istatwa ta’
Santa Marija. Inxtara ġeneratur biex
meta d-dawl elettriku jinqata’, allura
l-Knisja tkun tista’ tiddawwal bid-dawl
permezz tiegħu.
L-Irħam ‘Oniċe’ taż-Żebbuġ
t’Għawdex
Fis-sena 1985, sar l-ambone tal-irħam,
dejjem permezz tas-Sur
Ronald Pisani fuq disinn tiegħu
innifsu. L-Arċipriet qatt ma kien
jaqta’ qalbu għaliex dejjem kien
isib il-poplu jgħinu f’dawn l-opri
li kien jagħmel. F’din is-sena ukoll
l-Arċipriet ried iżejjen l-istatwa ta’
Santa Marija, bil-bankun sabiħ tal-kewkba
maħdum minn Ġużeppi
Mallia u ibnu Toni. Saru ukoll iż-żewġ
antiporti ġodda għaż-żewġ bibien
tal-ġenb, maħduma mill-istess
Ġużeppi.
Waslet is-sena 1986 u din kienet
anniversarju t’għeluq il-250
sena mill-konsagrazzjoni tal-
Knisja. L-Arċipriet ried li jsiru festi
speċjali biex jitfakkar kif xieraq
dan l-anniversarju. Fis-sena 1987
l-Arċipriet ried li ssir tifkira xierqa
f’għeluq il-50 sena mill-mewt tal-kompajżan
tagħna l-Qaddej t’Alla Fra
Baskal, Kapuċċin Żebbuġi. B’tifkira
ta’ dan l-anniversarju, twaħħlet
irħama mal-Knisja.
Minn din is-sena ‘l quddiem,
bdejna naraw l-opra tal-irħam mal-pilastri
kollha tal-Knisja. L-Arċipriet
b’kuraġġ kbir talab lil Salvu Cefai
jekk iridx inkomplu naraw jekk
hemmx iżjed irħam. Salvu bil-qalb
kollha aċċetta kulma ried l-Arċipriet
u għalhekk reġa’ beda x-xogħol firraba’
ta’ Salvu. Għall-grazzja t’Alla
x-xogħol kien suċċess u nstab ilmaterjal
neċessarju biex il-Knisja
tinkesa b’dan l-irħam. Hekk tintlibes
b’libsa li titgawda s-sena kollha. Kien
meħtieġ issa li jinstabu l-benefatturi
u rnexxielu jsib Żebbuġin ġenerużi
li jħobbu lill-Knisja u li bi flushom
setgħet issir din l-opra hekk kbira.
Wara li nksiet il-korsija kollha
b’dan l-irħam Żebbuġi, imbagħad
saru s-siġġijiet tal-Kor, is-siġġu
taċ-ċelebrant prinċipali fuq il-presbiterju,
li anke seta’ jitqiegħed
mat-tron tal-Isqof fil-festa titulari u
żewġ banketti madwar is-sedja.
Wara dan kollu, li sar minn benefatturi
ġenerużi, fl-aħħar ukoll saru l-erba’
konfessjonarji fejn jiġi ċċelebrat
is-sagrament tal-Qrar. L-Arċipriet
Vella promotur ewlieni ta’ din
l-opra grandjuża tal-irħam kien wisq
ferħan u sodisfatt li kellu jħalli dan
il-wirt sabiħ frott tal-istess parroċċa
Żebbuġija. Barra dan, l-Arċipriet
ukoll ried li jsiru żewġ monumenti,
wieħed lill-ewwel kappillan tal-parroċċa
Dun Franġisk Vella li beda
jibni l-parroċċa iktar minn 300 sena
ilu u li ħalla ġidu lill-parroċċa. Dan
il-monument tqiegħed fil-kappella
tal-Immakulata Kunċizzjoni u li fih
fdalijiet tal-għadam tiegħu, li b’xorti
kbira kienu kkonservati f’kaxxa
żgħira. Dan kien ġie inawgurat fil-festi
triċentinarji. L-Arċipriet ried
ukoll li jsir monument li jfakkar lill benefattur
Salvu Cefai li kien tant
ġeneruż li mar jagħti dan l-irħam
kollu lill-Knisja li tant kien iħobb.
Dan il-monument sar fil-Kappella
ta’ San Fortunatu li hu kellu ukoll
mħabba u devozzjoni kbira lejh. Il-Monument tbierek mill-Isqof Nikol
Cauchi f’għeluq is-sena tal-mewt.
Fuq lapida ma’ dan il-monument
huma ukoll imfakkra l-benefatturi
kollha li permezz tagħhom saret din
l-opra kbira tal-irħam.
Tliet Mitt Sena Parroċċa
Okkażjoni ta’ ferħ kbir għall-Arċipriet kienu l-festi li hu organizza
flimkien ma’ kumitat magħżul biex
jiġi mfakkar għeluq it-300 sena talparroċċa
fl-1988. Kważi għal matul
sena sħiħa saru diversi funzjonijiet
li l-qofol tagħhom intlaħaq filfesta
titulari f’Awwissu, 1988. Għal
din l-okkażjoni l-Arċipriet stieden
lill-parroċċi kollha biex jieħdu
sehem u jorganizzaw pellegrinaġġ
u l-Arċiprieti u l-Kappillani kollha
offrew is-sehem tagħhom.
Mons. Isqof Cauchi mexxa diversi
funzjonijiet matul din is-sena
triċentinarja.
L-Arċipriet Vella ħadem bis-sħiħ
biex isebbaħ is-santwarju għażiż ta’
Marija, iżda dejjem stinka kemm
felaħ biex il-ħidma pastorali fil-komunita`
parrokkjali titwettaq
skont in-normi u d-duttrini tal-
Knisja u tad-djoċesi. Ħadem id f’id
mal-isqof u kien jinfurmah b’dak
kollu li jsir fil-parroċċa. Sar ħafna
tibdil u tiġdid biex it-tagħlim tal-
Konċilju Vatikan ikun imwettaq.
L-Arċipriet dejjem għamel kulma
seta’ sabiex jimxi mat-tagħlim tal-
Knisja mġedded u aġġornat matul
iż-żmien.
L-MSSP fiż-Żebbuġ
L-Arċipriet laqa’ bil-ferħ fil-parroċċa
lill-komunita` reliġjuża tal-patrijiet
tas-Soċjeta` Missjunarja ta’ San
Pawl. Kien fil-bidu tas-snin 70 meta
s-Superjur Ġenerali tas-Soċjeta`
l-mibki Fr. Stanley Tomlin MSSP, ġie
fejn l-Arċipriet biex jara jekk jistax
jagħti bidu għall-bini tad-Dar Stella
Maris u hekk is-Soċjeta` tkun tista’
tibda taħdem anke fil-parroċċa.
L-Arċipriet mhux biss laqa’ bil-ferħ
dak li xtaq Fr. Tomlin iżda wegħdu
kull għajnuna, kemm minnu kif
ukoll mill-Komunita` Parrokkjali tażŻebbuġ.
Malajr inbeda x-xogħol.
Is-soċjeta` lestiet id-Dar Stella
Maris. Bdiet il-ħidma tagħha bil-kooperazzjoni
sħiħa tal-Arċipriet u
għadha sal-lum. J’Alla ‘l quddiem
tibqa’ taħdem mhux biss għall-parroċċa
iżda anke għad-djoċesi
u għall-Knisja Universali. Nistgħu
ngħidu li l-ħidma tas-Soċjeta` tat il-frott,
għaliex erba’ saċerdoti fi ħdan
is-Soċjeta` MSSP huma ulied din il-parroċċa
li qegħdin jaħdmu fi ħdan
il-Knisja Universali.
Is-Soċjeta` Mużewmina fil-Parroċċa
L-Arċipriet Vella ukoll laqa’ fil-parroċċa
s-Soċjeta` tal-M.U.S.E.U.M.
Is-Superjuri ta’ din is-soċjeta` ukoll
urew ix-xewqa lill-Arċipriet li jibdew
jagħtu s-sehem tagħhom fil-ħidma
pastorali tal-parroċċa. L-Arċipriet
ukoll bil-ferħ laqagħhom u wiegħed
il-kooperazzjoni u l-ħidma tiegħu
sabiex din ix-xewqa ssir realta`.
Għall-aħħar tas-snin 80, persuna
mill-parroċċa, Kostanza (Zanza)
Galea offriet parti mid-dar tagħha
biex din is-soċjeta` tkun tista’
tibda l-ħidma tagħha fil-parroċċa.
L-Arċipriet ħa pjaċir u fit-8 ta’
Mejju 1989 bierek l-ewwel laqgħa li
s-superjur tal-M.U.S.E.U.M. għamel
għal żgħażagħ u tfal. Hekk bdiet il-ħidma
Mużewina, li sal-lum għadha
magħna u nisperaw li tkompli. Is-soċjeta`
rnexxielha tibni dar sabiħa
fi Triq il-Madonna taċ-Ċiċri, bil-għajnuna
kontinwa tal-Komunita`
Parrokkjali b’tant benefatturi
ġenerużi Żebbuġin.
Orkestra għall-Parroċċa
L-Arċipriet kellu mħabba kbira u
għożża lejn l-Orkestra tal-parroċċa
li l-fundatur tagħha kien Toni
Mallia, sagristan għal iktar minn 50
sena fi ħdan il-knisja u l-parroċċa.
L-Arċipriet kien jammira l-ħidma
mingħajr interessi personali tiegħu.
Kien jitgħallem il-mużika u jagħti
s-sehem tiegħu fil-funzjonijiet
liturġiċi li jsiru matul is-sena.
Meta Toni Mallia wasal fi tmiem
ħajtu, l-orkestra għaddiet f’idejn
ibnu Ġużeppi u dan ukoll ħadem
kemm seta’ biex din tibqa’ tagħti
s-sehem tagħha. Ġieli kienet fi kriżi
u fi żminijiet diffiċli għaliha. Iżda
l-Arċipriet Vella kien għamel minn
kollox biex l-orkestra tibqa’ tagħti
sehemha u bil-kuraġġ tiegħu nistgħu
ngħidu li baqgħet ħajja. L-Arċipriet
kien jieħu pjaċir meta l-funzjonijiet
kienu jkunu animati u msebbħin
biha. Kien ukoll waqqaf il-Kor Santa
Marija biex dan ikun ta’ għajnuna
kbira għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.
It-tnissil tal-Banda ‘Santa Marija’
L-Arċipriet ukoll kellu xewqa kbira
li l-parroċċa jkollha l-banda tagħha
sabiex tgħin fl-organizzazzjonijiet
tal-festa titulari u okkażjonijiet
oħra. Kemm-il darba pprova sabiex
titwaqqaf soċjeta` filarmonika. Iżda
dejjem sab ostakli u oġġezzjonijiet.
Kellu jkun fl-aħħar sentejn tal-parrokat
tiegħu li anke b’ħidmietu
twaqqaf kumitat għal dan il-għan
u fl-1995 dan beda l-ħidma
intensa tiegħu sabiex jekk isib il-kooperazzjoni
titwaqqaf il-banda.
L-Arċipriet ħeġġeġ lill-Kumitat
u wiegħed kull għajnuna sabiex
jaħdem u b’kuraġġ titwaqqaf malajr
banda u l-parroċċa jkollha l-unur li
għandha soċjeta` li tieħu ħsieb il-festi
prinċipali. L-Arċipriet qiegħed
jara li x-xewqa tiegħu sseħħ. Il-Banda
twaqqfet u llum irnexxielha tibni
każin sabiħ u maestuż. Malli titfaċċa
fir-raħal, l-ewwel li tara huwa dan il-każin
li nfetaħ uffiċjalment u tbierek
f’Awwissu li għadda 2013. Tassew
feraħ meta ra dan il-monument jibda
l-ħidma tiegħu. Il-Każin huwa l-bejta
tas-soċjeta` filarmonika li tiġbor fiha
tant żgħażagħ li jridu jitgħallmu u
jkunu bandisti li jagħmlu isem lill-parroċċa
tagħna. Dawn iż-żgħażagħ
jingħaqdu flimkien għalenija u flistess
ħin jitgħallmu jkunu tassew
ħaddiema fi ħdan il-komunita` li
dejjem kellha għal qalbha l-imħabba
u l-għożża lejn Alla u l-Verġni Marija
Assunta Inkurunata.
Ħidmiet fiċ-Ċentru Parrokkjali
L-Arċipriet Vella kellu wisq għal
qalbu l-attivitajiet soċjali, kulturali,
rikreattivi u teatrali. Kemm
attivitajiet saru fuq il-palk taċ-ċentru
parrokkjali u lill-Arċipriet kont tarah
dejjem hemm jgħin kemm jista’ jkun
sabiex dawn jirnexxu u jħallu ħafna
frott u fuq kollox isir it-tagħlim.
Wasalna saħansitra sabiex b’tant
ħidma u stinkar isir id-dramm tal-Passjoni ta’ Ġesu’ Kristu u tant
drammi oħra li kienu jkunu għall-ġid
tal-komunita`. Kemm attivitajiet
bil-ħidma tal-Arċipriet kienu jsiru
għaż-żgħażagħ u laqgħat rikreattivi
għat-tfal. Ta’ kull sena fil-Milied kien
jaħseb minn kmieni biex it-tfal kollha
tal-parroċċa jagħtihom xi grotta tal-Bambin jew xi tifkira sabiħa li jkollha
x’taqsam mat-twelid ta’ Ġesu’.
Tim tal-Futbol
Meta xi żgħażagħ kkuntattjaw lill-Arċipriet Vella u xtaqu li jwaqqfu tim
tal-futbol, l-Arċipriet ukoll ferħilhom
u offrielhom li meta jkollhom bżonn
jinqdew biċ-ċentru parrokkjali, anke
għal xi attivitajiet ta’ fund raising.
L-Arċipriet kien jilqa’ lil kulħadd
b’idejh miftuħa, basta dak li jkun
irid jaħdem għall-ġid tal-parroċċa u
tal-komunita`. Anke dawk li kienu
jħobbu l-armar tal-festa kienu
jikkooperaw u kien jgħinhom u
jipprova dejjem iżid u jżejjen ittoroq
tal-parroċċa għall-okkażjoni
tal-festa. Anke lil dawk id-dilettanti
tal-logħob tan-nar, kemm kien
iwissihom sabiex joqogħdu attenti
ħalli kollox imur tajjeb. L-Arċipriet
kellu l-esperjenzi koroh tal-inċident
li diżgrazzjatament seħħew fil-parroċċa
u nafu kemm kellu jbati
u jgħaddi minn mumenti diffiċli.
Għalhekk dejjem kien jipprova jagħti
pariri siewja lil kull min kien jindaħal
għal dan ix-xogħol tant delikat.
L-Arċipriet kien jikkoopera ma’
kulħadd u jgħin f’kulma jsir għall-ġid
tal-parroċċa. L-Arċipriet
Vella għamel kulma seta’ biex il-
Komunita` Parrokkjali jkollha dak
kollu li hu neċessarju fil-mixja ta’ fidi
lejn il-glorja dejjiema. Kemm laqgħat
kien jagħmel mal-Presbiterium
Parrokkjali, mal-Kunsill Parrokkjali
sabiex flimkien jiġu organizzati
attivitajiet diversi u ssir ħidma ta’
fejda għall-ġid tal-poplu u biex ix-xogħol
pastorali jkun jista’ jsir ma’
kull kategorija tal-komunita`.
Tmiem il-Parrokkat u Riżenja
L-Arċipriet baqa’ sal-aħħar sa
meta wasal iż-żmien li tintemm il-ħidma
pastorali tiegħu bħala ragħaj
spiritwali tal-parroċċa. Is-sena 1996,
kellha tkun l-aħħar sena tat-tmexxija
tal-parroċċa li fiha l-Arċipriet talab
ir-riżenja lill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi
minħabba raġunijiet personali,
fosthom dik tas-saħħa fiżika, li
kienet qed tagħfas fuqu. Meta
għaddiet il-festa titulari ta’ Santa
Marija, Mons. Isqof aċċetta r-riżenja
tiegħu u għażel lis-suċċessur tiegħu
saċerdot mill-parroċċa stess, il-Kan.
Dun Noel Saliba. L-Arċipriet Vella
dam jieħu ħsieb il-parroċċa sakemm
is-suċċessur tiegħu ħa l-pussess
fid-29 ta’ Settembru. Mons.
Isqof, sabiex juri r-rikonoxximent
u l-apprezzament tiegħu lejn il-ħidma
twila tiegħu fil-parroċċa taż-Żebbuġ,
għażel lill-Arċipriet Vella
bħala Monsinjur Onorarju tal-Knisja
Katidrali, kif ukoll Arċipriet Emeritus
tal-istess parroċċa taż-Żebbuġ.
Ħidma pastorali fil-Fontana
L-Arċipriet flimkien mal-familja
tiegħu kompla l-ħidma tiegħu
saċerdotali fil-parroċċa tal-Qalb
ta’ Ġesu’ fil-Fontana. Hemm għal
dawn l-aħħar sbatax-il sena u nofs
kompla jagħti s-servizz tiegħu
kważi sal-aħħar ta’ ħajtu. Kien
jgħin mill-aħjar li jista’ skont kemm
saħħtu tippermettilu u kien jgħin
lill-Kappillan li fis-sena 1996 kien il-
Kan. Dun Ġorġ Bezzina. Dan laqa’
bil-ferħ u b’qalb kbira lilu, lil ħuħ li
qiegħed jikteb u lin-neputi tiegħu u
mal-Komunita` Parrokkjali għamel
festa kbira ta’ merħba. Wara dan il-kappillan
ġie fostna l-Kan. Dun Lino
Vella, l-Amministratur Parrokkjali
l-Kan. Dun Alex Refalo, il-Kappillan
Kanonku Dun Joseph Bajada u issa
l-Kanonku Dun John Muscat li lkoll
f’għaqda sħiħa wettaq u għen kemm
seta’ fil-ħidma tal-parroċċa sal-aħħar.
Għalkemm il-ħidma tal-Arċipriet
Vella fiż-Żebbuġ waslet fit-tmiem
tagħha, kellu x-xewqa li jibqa’ jagħti
xi servizz lill-parroċċa. Għalhekk
bi ftehim mas-suċċessur tiegħu
l-Kan. Dun Noel Saliba, l-Arċipriet
wegħdu li jibqa’ jitla’ ż-Żebbuġ kull
nhar ta’ Ġimgħa filgħodu għall-Qrar.
Dan baqa’ jagħmlu sakemm issaħħa
ppermettietlu u ħafna drabi
kien jagħmel sagrifiċċju kbir. Barra
dan, hu kien jipprova jieħu sehem
f’diversi festi fosthom l-festa titulari
u festi u ċelebrazzjonijiet oħra,
funerali u spiss kien jieħu sehem
fil-Quddiesa li ssir kull ġimgħa fiċ-ċimiterju.
B’dan kollu naraw kemm
tassew il-qalb tiegħu baqgħet
marbuta mal-parroċċa li tant
ħadem għaliha u mal-poplu li tant
kien iħobb. L-imħabba tal-poplu
taż-Żebbuġ intweriet fl-okkażjoni
tal-funeral tiegħu li kellu jsir f’din
il-parroċċa. Il-poplu allavolja fil-maltemp
u fil-ksieħ li kien, ħareġ bi
ħġaru biex jagħti tislima minn qalbu
u jurih l-imħabba tiegħu avolja
għaddew is-snin mindu kien spiċċa
minn Arċipriet. Hu kien maħbub u
rrispettat mill-poplu kollu, kemm
f’ħajtu kif ukoll f’mewtu.
Ġieħ iż-Żebbuġ
Jixraq ukoll li nżidu, li l-Kunsill Lokali
taż-Żebbuġ ried li l-Ewwel Persunaġġ
li jiġi onorat b’ġieħ iż-Żebbuġ ikun
l-Arċipriet Vella u anke s-sena li
għaddiet reġa’ wera r-rikonoxximent
tiegħu lejh billi tah it-tifkira tat-325
sena tal-parroċċa, tal-150 sena talistatwa
ta’ Santa Marija u t’għeluq
il-50 sena mill-Arċipretura.
Ngħidu ukoll li l-Banda Santa
Marija tal-Parroċċa ħatret l-ewwel
president onorarju lill-Arċipriet
Luigi Vella u f’Awwissu li għadda filfesti
li saru fil-ftuħ uffiċjali u tberik
tal-Każin tal-Banda, ingħata Ġieħ
il-Banda flimkien mal-Arċipriet
attwali l-Kan. Dun Reuben Micallef
u l-Kan. Dun Noel Saliba. Dan kollu
juri kemm it-tifkira tal-Arċipriet Vella
baqgħet sħiħa u qawwija u r-rabta
tiegħu maż-Żebbuġ ma nħallet
qatt sal-mewt tiegħu. Issa l-fdalijiet
tiegħu jinsabu fil-qabar taċ-ċimiterju
tal-parroċċa flimkien mal-familjari
tiegħu.
Fl-aħħarnett inżidu ukoll li filparroċċa
tal-Fontana l-Arċipriet Vella
kien ukoll maħbub u rispettat. Il-
Kunsill Lokali tal-parroċċa ried iżejjen
lil Mons. Vella b’Ġieħ il-Fontana
għax kien qed jara kemm kien jagħti
sehmu kollu kif jista’ fil-ħidma tal-parroċċa.
Il-ħajja tal-Arċipriet Vella
kienet eżempju għalina lkoll sabiex
dejjem u kemm nistgħu nagħtu
s-sehem kollu tagħna fil-ħidmiet
li l-Mulej jagħżlilna biex inwettqu
tul ħajjitna, li nkunu sodi u ġenwini
fil-fehmiet kollha ħalli ma nħallu lil
ħadd ifixkilna fil-qadi ta’ dmirijietna.
Issa Mons. Luigi Vella m’għadux
magħna, il-Mulej sejjaħlu għal
ħajja li ma tintemm qatt li nisperaw
tkun ħajja wisq isbaħ fid-dar tal-
Missier tas-sema. Imma nafu mill-esperjenza
tagħna li aħna bnedmin
dgħajfa u faċilment nonqsu minn
dmirijietna u ma nwettqux sewwa
dak li għandna nagħmlu. Għalhekk
hu dmir tagħna li nitolbu ħafna għal
dawk kollha li jħalluna. Għalkemm
ma narawhomx iktar b’għajnejna,
narawhom bil-fidi tagħna u t-tama
kbira f’Alla li dawn ħutna jitnaddfu
u jinħelsu minn kull tebgħa u jsiru
denji li jibdew it-tgawdija ta’ dejjem
fil-glorja mal-qaddisin tal-Ġenna.
Mulej agħti l-Mistrieħ ta’ Dejjem
lil Mons. Luigi Vella u lil Ħutna
Mejtin Kollha
Daħħalhom fid-Dar Tiegħek il-Ġenna
Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2014 |
|