ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Salvu Cefai
Benefattur tal-Irħam tal-Knisja
Għeluq l-għoxrin sena mill -mewt tiegħu
Kitba ta' Fortunato Cefai
  Kien is-sittax ta’ Diċembru, tas-sena elf disa’ mija u ħdax, meta Mikieli u Karmena tal-Fiesa, tweldilhom it-tieni wild tagħhom – Salvu Cefai. B’kollox, Salvu kellu tliet ħutu oħra subien. Il-kbir kien iġib l-isem ta’ Martinu u ħutu ż-żgħar kienu Frenċ u Pawlu. L-għejxien tagħhom kien jiġi ta’ kuljum permezz tas-sengħa ta’ ħajjat li kellu missierhom. U bħalma jgħidu li bin is-sengħa għandu nofsha, għax propju tlieta minn ulied Mikieli komplew bis-sengħa ta’ ħajjat.

Hekk kif it-tfal bdew jitfarfru, Mikieli ddeċieda li jemigra lejn l-Awstralja. Warajh, iż-Żebbuġ, ħalla lil martu b’erba’ subien. Dan il-perjodu ma kienx wieħed twil u wara ftit taż-żmien reġa’ lura lejn Għawdex, għax il-firda ħassha wisq. Iżda mbagħad ġara dak li ħadd ma kien qed jistenna. Omm Salvu, Karmena, mardet u fl-għomor ta’ tnejn u erbgħin sena marret tiltaqa’ mal-Ħallieq. Ħalliethom wisq żgħar lil uliedha. Dak iżżmien, Salvu kien għad kellu biss tnax-il sena. Wara dan l-episodju ikrah li għaddiet minnu din il-familja, Salvu spiċċa l-Qbajjar, fejn hemm beda jgħix man-nanna tiegħu l-Flawta li kienet tiġi omm ommu. Quddies kien jisma’ ta’ kuljum; daqqa kien imur iż-Żebbuġ u drabi oħra kien imur il-KapuċCini bir-rota.

Ta’ tnejn u għoxrin sena, Salvu, li ħafna jafuh bħala ta’ Ġakki, iżżewweġ lil Marija Agius u b’kollox kellhom seba’ ulied. Huma għamlu pjan, iżda kif jgħidu l-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi. Marija mardet u uliedha bdew jimirdu ukoll, u wieħed wara l-ieħor spiċċaw mietu lkoll. Salvu reġa’ spiċċa waħdu mill-ġdid. Dakinhar fehem sewwa x’ried jgħid ħabib tiegħu, Grezzju Camilleri mlaqqam taċ-Ċappira, meta qallu, “Salv, damdima jew fl-ewwel jew fl-aħħar, trid teħodha”.

Iżda Alla jagħlaq bieb u jiftaħ mija, għax wara ftit tażżmien ingħaqad fis-sagrament taż-żwieġ ma’ Katerina Cini u b’kollox taw lid-dinja disa’ ulied – żewġ bniet u seba’ subien. Salvu kien jaħdem iebes fl-għelieqi tiegħu sabiex imantni l-familja. Biex ilaħħaq max-xogħol, kien iħaddem xi nies miegħu. Forsi ħafna jiftakruh jgħid: min għandu t-tfal u l-bhejjem fil-għali dejjem!

Iż-żmien kompla għaddej u għalkemm kien dara jibqa’ sod quddiem kull sfida tal-ħajja, xorta waħda kien iħoss qalbu muġugħa għal kull esperjenza kerha li kien jgħaddi minnha. Ħafna jiftakru l-isplużjoni li ddiet mar-raħal taż-Żebbuġ kollu fil-Ġimgħa tal-festa talelf disa’ mija sebgħa u sittin. Propju dakinhar tar iċ-Ċentru Parrokkjali taż-Żebbuġ. Salvu ħaseb li tilef is-sitt subien tiegħu għal darb’ oħra. Iżda b’xorti tajba, Santa Marija dakinhar żammet idejha fuqhom u salvathom: ma kinux laħqu waslu ċ-ċentru. Tlieta mill-aħwa, flimkien ma’ tfal oħra mir-raħal, raw l-isplużjoni sseħħ hekk kif ħallew iz-zuntier fi triqithom lejn iċ-ċentru wara li daqqew il-qniepen.

Salvu kien iħobb ħafna l-Knisja u kellu rispett kbir lejn is-saċerdoti. Id-devozzjoni li kellu lejn Santa Marija kienet waħda kbira. B’kollox, Salvu refa’ disgħa u erbgħin darba fl-istatwa ta’ Santa Marija. F’ diversi okkażjonijiet refa’ ukoll ma’ uħud minn uliedu. Illum hemm ukoll xi neputijiet li jerfgħu.

Bla dubju ta’ xejn, Salvu huwa wieħed mill-benefatturi l-kbar tal-Knisja taż-Żebbuġ. Dan nistgħu narawh b’għajnejna stess ilkoll kemm aħna kull darba li nidħlu fil-Knisja. Hija opra mill-isbaħ li rnexxielu jlibbes il-Knisja taż-Żebbuġ b’irħam lokali li kien instab kollu kemm hu ġol-għalqa tiegħu. Mingħajr ma ħasibha darbtejn, Salvu ddeċieda li jagħti kulma jinstab f’dik l-għalqa lill-Knisja. Kien jinsab ċert minn dak li kien iddeċieda, għax dan ilfatt kien ilu żmien twil jidwi ġo moħħu.

Dan jista’ jingħad b’ ċertezza. Darba, meta ibnu Fortun kien għad kellu xi ħmistax–il sena, kien qiegħed jagħmel xi xogħol flimkien ma’ missieru Salvu ġo għalqa, l-istess għalqa li snin wara nstab l-irħam ġo fiha. Dakinhar qallu li hemmhekk kien hemm irħam u li jrid jagħtih lill-Knisja. Ixxewqa tiegħu seħħet tlieta u tletin sena ilu, għax waħda mill-isbaħ opri fost l-irħam li hawn ġo din il-Knisja, huwa l-artal mejda, li kien tant għal qalb Salvu.

Għalkemm fis-snin bikrin, il-ħajja tatu fuq wiċċu u għadda minn tbatija kbira, Santa Marija rat l-imħabba u l-fiduċja li kellu fiha u pprovdietlu li jkollu familja u jsir nannu ta’ għoxrin. Il-quddiesa u r-rużarju ta’ kuljum qatt ma tilifhom. Iżda meta mbagħad naqsitu s-saħħa u ma kienx għadu jasal sal-Knisja bil-mixi, bdew iwassluh uliedu.

Salvu kien jemmen ħafna fil-għajn. Mhux l-ewwel darba li kienu jiġu għalih xi nies sabiex imur ibaħħarhom. Kien jaqbad ftit weraq taż-żebbuġ li kien ikun imbierek f’ Ħadd il-Palm u waqt li jaħarqu, kien jitlob b’devozzjoni kbira flimkien ma’ min kien ikun mgħajjen.

Kull bidu għandu t-tmiem. Wara marda qasira, Salvu mar jiltaqa’ mal-Mulej fit-tlieta u għoxrin ta’ Ġunju, talelf disa’ mija erbgħa u disgħin, fl-eta` sabiħa ta’ tlieta u tmenin sena, sewwasew għoxrin sena ilu. Hu ġie midfun fiċ-ċimiterju taż-Żebbuġ (Għawdex).

Bħala tifkira tal-ġenerożita` ta’ Salvu, fil-kappella ta’ San Fortunatu, tinsab lapida, maħduma mill-istess irħam li bih ġiet imżejna l-Knisja.

Informazzjoni miġbura minn Fortunato Cefai (iben Salvu Cefai) u l-mibkija Karmena Cefai; miktuba minn Fortunato u uliedu.

Partijiet minn din il-kitba nqraw nhar lejlet il- Festa ta’ Santa Marija fiż-Żebbuġ, tas-sena 2011, waqt preżentazzjoni ta’ tmien muzzetti li jintlibsu mill-fratelli reffiegħa tal-istatwa titulari. Dawn ilmuzzetti kienu ppreżentati minn Fortunato, flimkien ma’ martu Grace u uliedhom fl-okkażjoni tal-mitt sena mit-twelid ta’ Salvu u f’għeluq it-tletin sena mit-tberik tal-artal mejda.

Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2014
 
  Previous    

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini