ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
IT-TRANSLAZZJONI TAL-FDALIJIET TAS-SAĊERDOT DUN KARM CACHIA MIĊ-ĊIMITERJU GĦALL-KNISJA PARROKKJALI TAŻ-ŻEBBUĠ
  Sa minn qabel il-mewt tas-Saċerdot Dun Karm Cachia, in-nies kienet diġa` żżommu bi bniedem li għex il-virtujiet erojċi tal-qdusija fl-aqwa tagħhom. Din l-idea tan-nies kompliet tissaħħaħ wara mewtu, meta ħafna bdew jitolbu ‘l Alla bl-interċessjoni tiegħu u jaqilgħu l-grazzji li jeħtieġu. Infatti mhux ftit kienu dawk li kienu jirrikorru lejn iċ-Ċimiterju Parrokkjali taż-Żebbuġ biex jitolbu fuq il-qabar tiegħu, imissu xi oġġetti ta’ devozzjoni miegħu u jixegħlu xi xemgħa jew iħallu xi fjuri fuqu.

Fil-bidu l-fdalijiet ta’ Dun Karm Cachia kienu midfuna f’qabar komuni, imma meta tlestiet il-Kappella tal-istess ċimiterju fl-1964, il-fdalijiet tiegħu ġew trasportati u mqiegħda fil-qabar tas-Saċerdoti wara l-bieb prinċipali tal-Kappella. Dikjarazzjoni fir-Reġistru tal-Imwiet u parċmina bid-dettalji ta’ dan li tpoġġiet f’tubu tallanda fit-tebut il-ġdid li sar biex fih jitqiegħdu l-fdalijiet imsemmija f’dan il-post ġdid u aktar dinjituż, jixhdu dan.

Minkejja li għaddew is-snin ġmielhom mill-mewt ta’ dan is-Saċerdot, id-devozzjoni u l-interess lejn din irruħ twajba ma qatgħux biex ma ngħidux li żdiedu. Inkitbet il-ħajja tiegħu minn Mons. Ġian Andrea Vella u ġiet ippubblikata, ħarġet edizzjoni oħra u fi ftit żmien inħatfet. Ta’ spiss isiru santi bix-xbieha ta’ dan is- Saċerdot u t-talba għalihom dejjem tkun qawwija.

Ftit tas-snin ilu Saċerdot mill-Parroċċa tagħna, Dun Frankie Mallia li jinsab jaqdi l-ministeru saċerdotali tiegħu f’Ruma u li għamel ukoll it-teżi tad-dottorat tiegħu fuq l-ispiritwalita` ta’ Dun Karm Cachia, issuġġerixxa lill-Arċipriet preżenti l-Kan. Dun Reuben Micallef jistħarreġ dwar il-possibilita` li l-fdalijiet ta’ Dun Karm Cachia jittellgħu miċ-ċimiterju u jinstabilhom post fejn aktar jixirqilhom u jkunu aktar aċċessibbli – fil-Knisja Parrokkjali stess. L-Arċipriet mingħajr telf ta’ żmien ressaq din il-proposta quddiem il-Kunsill Presbiterali tal- Parroċċa li unanimament qabel u fi ftit ġranet bagħat rikors lill-E.T. Mons. Mario Grech Isqof t’Għawdex biex jikseb l-approvazzjoni tiegħu għal dan. Mons. Isqof wieġeb li ma jsib l-ebda oġġezzjoni anzi japprova l-ħsieb filwaqt li faħħar l-inizjattiva.

Minnufih bdew għaddejjin id-diskussjonijiet dwar fejn kellu jkun dan il-post li fih jilqa’ l-fdalijiet ta’ dan is- Saċerdot. Sar qbil li l-post l-aktar adattat ma kellu jkun imkien ħlief xi mkien qrib l-artal tar-Rużarju fejn Dun Karm kien iħobb tant iqaddes.

Ġie kkuntattjat id-disinjatur Emmanuel Cini, Żebbuġi li jgħix Malta, biex iħejji disinn ħalli jkun jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-Kummissjonijiet kompetenti fil- Kurja għall-approvazzjoni. Eventwalment l-ewwel idea li kellna ġiet imwarrba u għalhekk ħdimna fuq xi ħaġa aktar sempliċi: ħofra mgħottija b’lapida fit-tarġa tal-artal.

Ix-xogħol tat-tħaffir u l-bini tal-qabar żgħir sar minn Alfred Saliba u ibnu Paul. Ġie rrestawrat ukoll l-artal kollu li kellu bżonn ta’ manutenzjoni kemm fl-istruttura kif ukoll fl-istess irħam.

Sadanittant fil-Kappella taċ-ċimiterju, fil-preżenza tal- Arċipriet il-Kan. D. Reuben Micallef, tal-Kan. Dun Karm Cini, tal-Kav. Carmelo Saliba, ta’ xi familjari tal-istess Dun Karm Cachia fosthom żewġ neputijiet tiegħu u bilgħajnuna ta’ Bertu Mallia, Joey Saliba u Sammy Cefai saret ir-rikonjizzjoni tal-fdalijiet ta’ Dun Karm Cachia li kienu jikkorrispondu eżatt mad-deskrizzjoni annessa fir-Reġistru tal-Imwiet, li aktar tard imbagħad ġew imneħħija mit-tebut li fih kienu miġbura u mqiegħda f’urna żgħira tal-injam maħduma minn Bertu Mallia.

Intgħażlet il-ġurnata tad-19 ta’ Ottubru, 2013, lejlet l-Anniversarju tal-mewt ta’ Dun Karm Cachia. Il-fdalijiet tiegħu ġew esposti fil-Kappella taċ-ċimiterju sa minn kmieni wara nofsinhar fejn għadd kbir ta’ devoti marru biex jaraw u jitolbu bl-interċessjoni tiegħu filwaqt li ħafna messew mal-istess urna, biċċiet ta’ tajjar u oġġetti ta’ devozzjoni. Fl-4.30p.m. telaq Korteo mmexxi mill-Arċipriet u s-Saċerdoti tal-Parroċċa li refgħu l-urna bil-fdalijiet sal-Knisja Parrokkjali fejn wara saret Konċelebrazzjoni Pontifikali mmexxija minn Mons. Isqof Mario Grech, li għaliha attenda bi ħġaru l-poplu taż-Żebbuġ, flimkien ma’ numru kbir ta’ devoti li ġew minn kull rokna t’Għawdex għal din l-okkażjoni storika. Fi tmiem il-Quddiesa tqassmet ukoll santa ta’ tifkira b’talba fuqha.

Wara l-Konċelebrazzjoni, il-fdalijiet ta’ Dun Karm Cachia ġew inċensati u mniżżla fil-qabar ġdid imħejji apposta fl-artal tar-Rużarju.

Sa minn dakinhar, fuq il-qabar ġdid li tant kien jixraqlu, fil-post li kien tant għal qalbu, ix-xemgħa tixgħel dejjem - xemgħat li jġibuhom in-nies biex iżommu ħajja t-tifkira ta’ dan is-Saċerdot twajjeb u jitolbuh jidħol għalihom filħtiġijiet tagħhom.

Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2014
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini