ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Weekly Bulletin
13 August 2017
  BULETTIN TA' DIN IL-ĠIMGĦA INKOMPLU L- KWINDICINA TA’ SANTA MARIJA
Ninsabu fil-qofol tal-jiem tal-Kwindiċina. Ilkoll kemm aħna (kbar, żgħażagħ u tfal) għandna nħossu l’bżonn li nieħdu sehem f’dawn il-jiem importanti ta’ preparazzjoni spiritwali. Min ma jiħux sehem fil-funzjonijiet tal-knisja ma jistax iħoss il-ferħ veru tal-festa. Għalhekk ejjew nieħdu sehem ilkoll flimkien bħala familja waħda l-ewwel fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Kwindiċina filghaxija, b’mod partikulari għat-Tridu tal-Festa u wara nkomplu nifirħu fuq barra.

L-IKLA TRADIZZJONALI TAL-FESTA
Il-Ġimgħa 11 t’Awwissu fit-8.30p.m. Ikla Tradizzjonali fil-Pjazza bis-sehem ta’ Cini Brothers Band, Marisa D’Amato u gruppi oħra. Ikun hemm ukoll spettaklu ta’ kant u żfin. Inħeġġukom ħafna tieħdu sehem.

TQASSIM TAL KTIEB TAL-FESTA
Is-Sibt 12 ta’ Awissu filgħodu se nippruvaw inqassmu il-ktieb tal-festa. Kull kopja (136 paġna) ġiet tiswa madwar €4. L-offerti tagħkom għall-Ktieb jinġabru mat-tqassim.

IS-SIBT 12 T’AWWISSU: JUM IT-TFAL ĦRUĠ TAL-ISTATWA MINN-NIĊĊA
Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni ‘mmexxija minn Fr Geoffrey G. Attard, għat-Tfal kollha tal-Parroċċa li huma mistiedna jġibu magħhom xemgħa biex joffruha lil S. Marija. Il-ferta waqt il-Quddiesa ‘llum tmur b’risq il-‘Fundazzjoni Jason Azzopardi’, biex jiġu mgħejjuna tfal mill-Parroċċa li jkollhom bżonn ta’ kura medika speċjalizzata. Wara l-Quddiesa, fil-Pjazza t-Tfal jingħataw ġelat. Fit-8.00p.m. Marċ mill-Banda ‘Viżitazzjoni’ tal-Għarb minn ħdejn il-Każin sal-Knisja Parrokkjali, fejn l-istess Banda takkumpanja l-ħruġ tal-Istatwa ta’ Santa Marija minn niċċa fost il-kant tal-innijiet reliġjużi. Wara l-istess Banda tkompli iddoqq Marċi brijużi fit-toroq ewlenin tar-raħal.

IL-ĦADD 13 T’AWWISSU: JUM IL-FAMILJA
Fil-11.00a.m. Konċelebrazzjoni mmexxija minn Fr Louis Mallia Mssp, Direttur taċ-Ċ.A.M. fi ħdan is-Soċ. Missjunarja ta’ S.Pawl, li għaliha huma mistiedna l-familji kollha b’mod speċjali l-koppji li din is-sena qegħdin jiċċelebraw il-25 u l-50 Anniversarju taż-Żwieġ tagħhom. Wara l-koppji kollha jingħataw tifkira tal-okkażjoni. Fis-7.00p.m. ‘Trumpets Shall Sound’, Kunċert mill-Kurunettista Internazzjonali Helge Haukas (Norway) flinkien ma’ Jason Camilleri (Għawdex), akkumpanjati fuq l-Organ minn Mro. Franco Cefai fil-Knisja Parrokkjali. Dħul b’xejn.

IT-TNEJN 14 T’AWWISSU: JUM IL-MORDA U L-ANZJANI
Fil-5.00p.m. Konċelebrazzjoni minn Dun Gorġ Vella li fiha jiġi ammininistrat is-sagrament tad-Dilka tal-Morda lill-Anzjani u Morda mill-Parroċċa. (Min għandu bżonn trasport iċempel l-Uffiċċju Parrokkjali fuq 2155 4882). Wara jkun hemm refreshments fl-annexe tal-Knisja. Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni mmexxija mill-Kan. Dun Noel Saliba b’radd ta’ ħajr għall-20 sena ta’ servizz liturġiku mill-Kor ‘Regina Angelorum’ Fit-8.00p.m. Kunċert Korali miż-żewġ Korijiet tal-Parroċċa fl-okkażjoni tal-20 Anniversarju mit-twaqqif tal-Kor ‘Regina Angelorum’, bis-sehem ta’ Jacob Portelli fuq l-Arpa u Mro Franco Cefai fuq l-Orgni u Pjanu.

IT-TLIETA 15 T’AWWISSU: L-GĦID TAL-ASSUNTA. SOLENNITÀ TAT-TLUGĦ FIS-SEMA TA’ MARIJA. JUM IŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Filgħodu l-quddies ikun fil-5.30a.m.,fis-7.00a.m., fit-8.00a.m. u fl-10.00a.m. Illum il-Quddiesa ta’ filgħaxija ma’ ssirx. Fil-11.00a.m. Quddiesa mmexxija minn Dun Joseph Attard, bis-sehem attiv taż-Żgħażagħ tal-Parroċċa. Il-kant tal-Quddiesa jiġi animat mill-Kor Regina Angelorum tal-Parroċċa tagħna.

L-ERBGĦA 16 T’AWW: L-1 JUM TAT-TRIDU. JUM L-GĦAQDIET KATTOLIĊI
Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni Solenni tal-Ewwel Jum tat-Tridu, ‘mmexxija minn Mons Gużeppi Cauchi, Rettur tal-Knisja ta’ Pompej fir-Rabat, bl-Omelija minn Patri Joseph Formosa OFM Conv., li fiha jieħdu sehem attiv il-membri tal-Għaqdiet reliġjużi (Leġjunarji, Membri tal-Azzjoni Kattolika, membri tal-Museum, dawk li jiltaqgħu għall-Lectio Divina u l-Katekisti). Tieħu sehem l-Orkestra. Fit-8.30p.m. Programm Mużikali ’Assumptafest 2017’ mill-Banda Santa Marija fi ħdan is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija taż-Żebbuġ, fi Triq il-Knisja u wara Inawgurazzjoni tas-Sala tal-Arkivju fil-Każin.

IL-ĦAMIS 17 T’AWW: IT-2 JUM TAT-TRIDU. JUM L-ANIMATURI TAL-LITURĠIJA
Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni Solenni tat-Tieni Jum tat-Tridu minn Mons Carmelo Borg, Rettur tal-Knisja tal-Lunzjata, bl-Omelija minn Patri Joseph Formosa OFM Conv. Jieħdu sehem il-membri tal-Kor ta’ Santa Marija, il-Kor Regina Angelorum, l-membri tal-Orkestra, l-gruppi tal-kitarri, kif ukoll l-animaturi tal-liturġija u l-letturi. Wara Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Fit-8.30p.m. Barbeque kbir, ma’ ġenb il-knisja, organizzat miż-Żebbuġ Rovers.

IL-ĠIMGĦA 18 T’AWWISSU: IT-3 JUM TAT-TRIDU. IS-37 ANNIVERSARJU TAL-INKURUNAZZJONI. JUM L-EMIGRANTI U ŻEBBUĠIN LI JGĦIXU BARRA MILL-PARROĊĊA
Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni Solenni tat-Tielet Jum tat-Tridu mmexxija minn Mons Carmelo Gauci, Rettur tal-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu fix-Xlendi. L-Omelija ‘ssir minn Patri Joseph Formosa OFM Conv. Mistiedna speċjali l-Emigranti u ż-Żebbuġin li jgħixu barra mill-Parroċċa. Wara Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Fi tmiem il-funzjoni jkun hemm bibita. Fid-9.30p.m. Dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ Santa Marija ta’ barra (Kav. Agostino Camilleri. 1962) akkumpanjata mill-Banda ‘Santa Marija’ taż-Żebbuġ u mill-Banda ‘Victory’ tax-Xagħra li tibda minn Triq il-Kaċċaturi għal Pjazza l-Assunta. Fil-11.45p.m. Waqt il-kant ta’ l-Innu Popolari lill-Assunta, l-istatwa ta’ Santa Marija tittella’ fuq il-pedestall fil-Pjazza.

BUKKETTI TAL-FJURI QUDDIEM SANTA MARIJA
Jekk fadal xi persuni/familji li jixtiequ jagħmlu bukkett fjuri (li jiswa €35) quddiem S. Marija, fuq il-Presbiterju jew mal-pilastri tal-Knisja għall-jiem tal-Festa huma mitluba jkellmu lill-Arċipriet sa nhar it-Tlieta 15 t’Awwissu.

GRAZZI TAL-ĠENEROŻITA’ TAGĦKOM
* Lil dawk kollha li taw sehemhom fil-Ġabra l-kbira għall-Festa ta’ Santa Marija li telgħet għas-somma sabiħa ta’ € 4,022.
* Lil Persuna NN li tat €1000 għall-Proġett tar-Restawr tal-Knisja.
* Lil diversi Persuni NN li taw: €200, €150, €100, €50, €30, €20, €20, €20 u €10, €10 u € 5 għas-Sistema tac-CCTV Cameras u l-Alarm għall-Knisja
* Lil Persuna NN li tat €60 għall-ispejjeż tal-Kwindiċina. Lil 2 Persuni li taw €50 u €30 għal Santa Marija
* Lil Persuna NN li tat €50 għall-bżonnijiet tal-Knisja
* Miż-żewġ dawriet bit-Train kien fadal €325 li se jmorru għall-ispejjeż tal-Festa.

 

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Formosa