ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
IL -KAN. KANT. DUN KARM CINI
(19.05.1938 – 1.08.2014)
Iż-Żebbuġ Għawdex
Siltiet meħuda mill-intervista li l-Profs. Kav. Dr Horatio C.R. Vella O.L.J.
kien għamel ma’ Dun Karm Cini fl-2012
  Il-Kan. Kantur Dun Karm Cini, iben Gużepp u Reġina nee’ Cefai, twieled nhar id-19 ta’ Mejju 1938, f’42, Triq il-Madonna taċ-Ċiċri, iż-Żebbuġ Għawdex u ġie mgħammed l-għada minn Dun Ġużepp Masini, li kien qed iservi bħala Vigarju Ekonomu, fil-Parroċċa taż-Żebbuġ. Il-parrini tiegħu kienu zijuh minn naħa t’ommu, Franġisk Cefai u zitu minn naħħa t’ommu wkoll Maria Antonia Cefai, it-tnejn miż-Żebbuġ. Irċieva s-Sagrament tal-Konfirmazzjoni fid-19 ta’ Awwissu 1945, mill-Isqof Ġużeppi Pace fil-Knisja Parrokkjali taż-Żebbuġ.

Studja fl-iskola primarja taż-Żebbuġ. Wara, għal xi żmien minħabba esiġenzi familjari u nuqqas ta’ finanzi ħalla l-iskola u għen il-familja fir-raba, sakemm ispirat minn xi persuni fosthom Dun Ġużepp Masini li sadanitattant kien Rettur tal-Knisja ta’ San Pawl f’Marsalforn, il- Provinċjal Alfons M. Camilleri (OFM), Madre Ġemma tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu’, Frenċ tal- Għarb u San Ġorġ Preca, fundatur tas-Soċjeta’ tal-Museum, issokta l-istudji tiegħu l-ewwel fil-Kulleġġ tal- Franġsikani Minuri fil-Kunvent tagħhom f’Għajnsielem u mbgħad fis-Seminarju Minuri. Dawn l-istudji eventwalment wassluh biex jibda l-kors ta’ formazzjoni għas-Saċerdozju fis-Seminarju tad-Djoċesi ta’ Għawdex fejn kontemporanjament ir-Rettur kien Dun Ġużepp Mercieca li aktar tard sar Isqof ta’ Malta u l-Prefett tal- Istudji kien Dun Nikol Cauchi li aktar tard sar Isqof ta’ Għawdex.

Irċieva s-Sud-djakonat fl-1968 mill-Isqof Ġużeppi Pace u ġie ordnat Djaknu mill-Isqof Nikol Cauchi fit-23 ta’ Marzu 1968 fil-Kappella tas-Seminarju. Ordna Saċerdot flimkien ma għaxar presbiteri oħra fil-Katidral ta’ Għawdex fil-11 ta’ Mejju 1968. Iċċelebra l-ewwel Quddiesa solenni tiegħu fit-18 ta’ Mejju tal-istess sena fil-Knisja Parrokkjali taż-Żebbuġ.

Dun Karm beda jaqdi l-ministeru saċerdotali tiegħu bħala Viċi-Parrokku fil-Parroċċa tal-Mellieħa mal- Kappillan Dun Ġużepp Schembri. Il-ħidma pastorali tiegħu hawn kienet tinkludi fost l-oħrajn laqgħat ta’ grupp kbir ta’ xebbiet tal-Azzjoni Kattolika. Is-sena ta’ wara nsibuh Assistent Direttur fl-Istitut ta’ San Ġużepp t’Għajnsielem li kien jospita tfal orfni.

Fis-sena 1973, Dun Karm ġie maħtur Vigarju Sagristan tal-Knisja Parrokkjali taż-Żebbuġ biex jgħin lill-Arċipriet Luigi Vella. Kienu waqqaf il-grupp taż-Żgħażagħ u magħhom kien jorganizza diversi attivitajiet. Fis-sena 1974 insibuh mill-ġdid f’Malta bħala Viċi Parrokku f’Ħal Kirkop fejn il-Kappillan kien il-Kan. Dun Anġelo Vella. Darba fit-Tifkira tad-Duluri, Dun Karm għadda 17-il siegħa fil-Konfessjonarju jqarar. F’dik l-istess sena għamel il-paninġierku tal-festa ta’ San Leonardu patrun ta’ Ħal-Kirkop. Fl-1975 ġie maħtur Assistent Rettur tas- Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu fl-Għarb, u kien jieħu ħsieb il-Quddies u l-Qrar fost l-oħrajn. Baqa jaqdi din ilkariga sal-1982 meta ġie maħtur Assistent Viċi Parrokku fil-Parroċċa t’Għajnsielem. Fl-1985 beda jaħdem fl- Uffiċċju Missjunarju li dak iż-żmien kien jopera mill- Oratorju Don Bosco u f’Novembru tal-1986 ġie appuntat bħala Assistent Direttur u Teżorier tal-Missjoni l-Kbira fid-Djoċesi ta’ Għawdex.

Fl-1 ta’ Novembru tal-1999 ġie maħtur Kanoniku effettiv tal-Kolleġġjata tal-Bażilika tal-Għarb li kien ilu jservi bħala Kanoniku Onorarju sa mill-24 ta’ Diċembru tal- 1981. Fl-1991 ġie promoss għad-dinjita’ ta’ Kantur.

Dun Karm kien jagħti s-servizz tiegħu ta’ Konfessur fil-Parroċċi tal-Għarb u l-Għasri, kif ukoll lis-Sorijiet Agostinjani f’Għajnsielem għal aktar minn 40 sena. Dan minbarra s-servizz assidwu tiegħu fil-Parroċċa taż-Żebbuġ fejn kien iqaddes kulljum il-Quddiesa tas- 6.00a.m., iqarar, u Direttur Spiritwali ta’ tlett presidia tal- Leġjun ta’ Marija u l-fergħa tan-nisa tal-Azzjoni Kattolika. Dun Karm kien ukoll il-promotur tad-devozzjoni lejn is- Saċerdot Dun Karm Cachia u waħda mill-ikbar xewqat tiegħu kienet li l-fdalijiet ta’ dan is-Saċerdot jiġu trasferiti miċ-Ċimiterju għall-Knisja Parrokkjali – xewqa li saret realta’ fid-19 ta’ Ottubru 2013. Kien ukoll id-Direttur Spiritwali tas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija li kienet tant għal-qalbu.

Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2014
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini