ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Dun Anton Dimech
~ ħajtu u ħidmietu ~
Kitba ta' Dr Anthony Dimech
  Meta ġejt biex nikteb ftit kliem dwar il-ħajja taz-ziju Dun Anton, ħassejtni fid-dmir sabiex nikkomunika mal-qarrejja b’mod ċar il-karattru u l-persuna ta’ dan ilbniedem, li kien meqjus minn bosta nies bħala saċerdot eżemplari, kalm u onest. Għal dawk li kienu jafuh personalment, nispera li din il-kitba ġġedded diversi memorji sbieħ.

Dun Anton, iben Ġużeppi u Roża Dimech, twieled fiż-Żebbuġ Għawdex, fit-12 ta’ Ġunju, 1940, fejn ġie ukoll mgħammed l-għada fil-Knisja Parrokkjali taż-Żebbuġ. F’dan l-istess żmien, id-dinja kienet maqbuda f’tempesta qalila ta’ gwerer u sofferenzi. Għaldaqstant, il-bidu tal-ħajja ta’ Dun Anton ma kinitx faċli u sa mill-bidu tat-tfulija tiegħu kienu diġa` jispikkaw elementi ta’ dixxiplina u sagrifiċċju.

Dun Anton ingħata l-edukazzjoni primarja fl-iskola tal-Għasri, fejn kien jaħdem missieru. Wara li spiċċa l-primarja, beda s-sekondarja fil-Liċeo r-Rabat. F’dak iż-żmien ma kinitx ħaġa ħafifa li wieħed jattendi l-iskola regolarment meta trasport pubbliku kien ineżistenti. Hu kien iħobb isemmi kif ta’ kuljum kien jipprepara l-bagalja u jirkeb ir-rota għall-iskola, xemx jew xita. Fl-adoloxxenza, Anton skopra l-vokazzjoni tiegħu għas-saċerdozju. Għalhekk kompla jistudja fis-seminarju tal-Qalb ta’ Ġesu`, fir-Rabat Għawdex. F’dak iż-żmien, id-direttur spiritwali ta’ din l-istituzzjoni kien qassis Żebbuġi, bl-isem ta’ Mons. Andrea Vella. Dan is-saċerdot kien pilastru importanti fil-formazzjoni ta’ Dun Anton. L-għajnuna u l-pariri tiegħu dejjem għinuh biex jibqa’ jħares lejn din il-vokazzjoni b’kuraġġ u entużjażmu.

Fil-5 ta’ Ġunju, 1964, Dun Anton ġie ordnat saċerdot mill-Isqof Giuseppe Pace, fil-Katidral t’Għawdex, fleta` ta’ 24 sena. Is-saċerdozju tiegħu kien ta’ siwi kbir għall-parroċċa taż-Żebbuġ. Fil-fatt, hu kien attiv kemm spiritwalment kif ukoll materjalment fix-xogħol tal-knisja. F’ħajtu dejjem għamel minn kollox biex jaqdi lill-parruċċani. Ta’ kull xahar kien iwassal l-Ewkaristija lill-morda u x-xjuħ fi djarhom. Kellu mod kif jgħallem il-Kelma t’Alla liż-żgħażagħ, filwaqt li jħeġġiġhom sabiex jgħixuha. L-Azzjoni Kattolika u l-qima lejn Santa Marija kienu għal qalbu wisq u fost affarijiet oħra, ta’ kull ġimgħa kien imexxi l-laqgħa għan-nisa adulti. Kmieni kull filgħodu kien iqaddes il-quddiesa tal-ħamsa u filgħaxija jispiċċa l-ġurnata bil-barka sagramentali.

Apparti l-knisja, kellu għal qalbu ukoll l-edukazzjoni. Kien għalliem fis-seminarju t’Għawdex għal sitta u tletin sena u editur tar-rivista “Il-Ħajja f’Għawdex” għal diversi snin. Apparti dan, hu kien jipprovdi tagħlim volontarju lill-istudenti tas-sekondarja tar-raħal tagħna bi preparazzjoni għall-eżamijet akkademiċi. Ġieli kont nqatta' sigħat sħaħ ma’ sħabi naħdmu karti tal- Malti, Reliġjon u Taljan flimkien maz-ziju. Dan kien ikun meħud mill-ħin fejn hu seta’ jmur jistrieħ jew jagħmel xi xogħol ieħor. Ma ninsa qatt il-Pacenzja u t-tbissima li kien ikollu meta jarana nfittxuh minħabba xi problema fix-xogħol tal-iskola jew għal kwalunkwe parir ieħor. Iz-ziju dejjem kien jisħaq mal-ġenituri biex jinvestu fledukazzjoni ta’ uliedhom. L-akbar sodisfazzjon għalih kien meta jara l-istudenti, speċjalment dawk tar-raħal tagħna jiksbu suċċess f’ħajjithom.

Dun Anton kellu diversi passatempi ukoll, fosthom is-sajd u l-biedja. Meta jara li kien se jkun temp bnazzi, hu u ħuh Anġlu kienu jaħsbulu biex dritt wara l-quddiesa ta’ filgħodu jibqgħu sejrin għal sajda bil-frejgatina “Santa Marija” jew iż-żgħira “Giuseppina”. Is-skiet u l-ħemda li jafu jagħtu l-ibħra Maltin, ma kienu jibdluha ma’ xejn. Meta ma jkunx temp tajjeb għas-sajd, lil Anton kont issibu fl-għelieqi jiżra’ u jħawwel xi ħxejjex għall-borma. Kienet l-għaxqa tiegħu jara r-raba’ tieħu l-ħajja meta tagħmel l-ewwel xita. Imbagħad la jasal Awwissu, kont tarah idaħħan ħdejn il-kaxxi tan-naħal sabiex ikun jista’ jneħħi l-frejms tal-għasel mimlijin u ssiġillati bix-xemgħa. Niftakarni meta kont iżgħar nikkompeti ma’ ħuti fuq min ħa jdawwar il-magna tal-għasel l-aktar. Fil-ħin li kont inqatta’ maz-ziju, bdejt aktar napprezza kemm il-ġenerożita`, is-sempliċita`u l-ħajja nnifisha, huma rigali mogħtijin lilna sabiex ngħixuhom u ngawduhom. Ma ninsa qatt l-aħħar tgħanniqa li tajna lil xulxin, fejn iz-ziju baqa’ jżomm mal-prinċipji li dejjem saħaq fuqhom – biex inkomplu ngħinu lil ħaddieħor, filwaqt li qatt ma nħallu l-pjaċir u l-ġid tad-dinja jirbaħna. Kienu propju l-istess idejn li bierku u għallmu tant nies, għamlu bosta sagrifiċċji u ħadmu f’isem ir-raħal tagħna u r-reliġjon nisranija.

Wara sebgħin sena ta’ qadi fuq din l-art, il-Mulej sejjaħlu għal għandu. Għalkemm m’għadux magħna fis-sura tal-ġisem, jiena nemmen li minn hemm fuq, hu għadu u jibqa’ jeżisti qalb iż-Żebbuġin bħala xempju ħaj ta’ umilta` u sempliċita`.

Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2014
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini