ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Il-Kapillan Dun Ġwann Camilleri
(1830-1910)
Kitba u ricerka ta' Dun Duminku Camilleri
  Din is-sena jaħbat il-150 sena mill-miġja ta' l-istatwa titulari tal-parroċċa taż-Żebbuġ, ta' Santa Marija Assunta Reġina. Statwa tassew artistika maħduma fil-kartapesta fil-belt ta' Marlisja ġewwa Franza fis-sena 1863. Għalkemm ma nafhux minn ħadem din l-istatwa singulari fil-gżira tagħna, nafu żgur li nħadmet mid-ditta ġewwa l-fabrika Galard Statuaire Marseille. Għalhekk bix-xieraq li f'din is-sena niftakru wkoll fit-tmien kappillan taż-Żebbuġ, Dun Ġwann Camilleri (1863-1865) li ħadem u stinka biex tinġab din l-istatwa devota fil-parroċċa tant għażiża f'dam ir-raħal.

Dun Ġwann twieled fid-9 ta' Diċembru 1830 fin-Nadur minn Martin Camilleri u Margerita née Bajada. Il-Kappillan Dun Nikol Spiteri (1828-1853) għammdu 'l għada, fejn kellu bħala l-parrinijiet lil Ġużeppi Camilleri u Marija Xuereb. Tawh l-ismijiet ta' Mikiel, Ġwanni u Ġużeppi. Beda jiġi msejjaħ bit-tieni isem tal-magħmudija.

Sa minn ċkunitu kien wera x-xewqa għall-iskola. Kif kienet l-użanza dak iż-żmien, kienu jmorru għand xi saċerdot ħalli jitgħallem dak li huwa baziku. Nafu l-iskola primarja fin-Nadur bdiet fis-sena 1842 meta Ġwanni kellu tnax-il sena. Huwa kompla l-istudji tiegħu għas-saċerdozju fis-Seminarju ġewwa Malta peress li Għawdex kien għadu mhux djoċesi.

Irċieva t-Tonsura nhar il-25 ta' Frar 1853. Imbagħad nhar l-4 ta' Diċembru 1853 ħa erba' Ordnijiet oħra f'daqqa, dawk ta' l-Ostjarjat, Lettorat, Eżorċistat u l-Akkolitat. L-ewwel ordni maġġuri tas-Suddjakonat ħadu fit-18 ta' Diċembru 1854. Sena wara rċieva l-aħħar żewġ ordnijiet, dak tad-Djakonat nhar it-22 ta' Diċembru 1855 u jumejn wara ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof Pubblju Sant (1847-1864) fil-20 ta' Diċembru 1856, fl-età ta' 26 sena. Ma nafux xkien ix-xogħol tiegħu fil-parroċċa tan-Nadur fl-ewwel snin tiegħu bħala saċerdot iżda wieħed jista jissuponi li kien ukoll viċi-parroku. Dan kien fi żmien il-kappillan Dun Ġwannbattista Grech (1855-1881).

Seba' snin wara, fl-età ta' 32 sena, eżattament fit-8 ta' Marzu 1863, l-istess Arċisqof Sant ħatru bħala t-tmien Kappillan taż-Żebbuġ. L-ewwel magħmudija kienet tat-tarbija Rosa Cini fil-10 ta' Marzu 1863. Bħala kappillan stinka biex rega daħħal it-tradizzjoni antika tal-quddiesa kmieni u fil-ħin. Il-parroċċjani kienu iħobb din id-drawwa antika u għalhekk Dun Ġwann mill-ewwel kellu simpatija tajba. Kien ukoll kappillan ta' serjeta, iżda kellu tattika għaqlija, ħabrieki, dħuli u fuq kollox kien dejjem ifettex biex igħin iż-Żebbuġien mill-aħjra li seta. L-ewwel ħaġa li għamel kien li jiġbor ħalli jordna l-istatwa titulari ta' Santa Marija, l-ewwel waħda ta' din ix-xorta f'Għawdex. Kif diġa ktiebna din ġiet ordnata ġewwa Franza f'Marsilja. Nafu li din l-istatwa ħarġet għall-ewwel darba għal festa f'Awissu 1863.

Kemm dam bħala kappillan kellu l-ommu Margerita tieħu ħsiebu. Iżda l-marda kifra tal-kolera li kienet sikwiet iżżur il-gżejjer maltin minħabba nuqqas ta' ndafha, għalhekk fis-sena 1865 reġet tfaxxat din l-imxieja. Bdiet f'Malta fl-Lulju u spiċċat fis-17 ta' Novembru 1865 u ħalliet 1,873 vittma, ekwivalenti ta' 15-il persuna kuljum. F'Għawdex daħlet fl-20 ta' Lulju fejn bdiet mix-Xewkija u tferxet f'ħakka ta' għajn fejn mietu madwar 256 ruħ.

Fiż-Żebbuġ bdiet fit-23 ta' Awissu u damet sal-10 ta' Ottubru 1865. Dun Ġwann kien bil-qlubija u mħabba kbira jassisti mal-morda minn filgħodu sa bil-lejl. Miż-Żebbuġ insibu li mietu dsatax ir-ruħ fejn waħda mill-vittmi kienet omm il-kappillan stess. Margerita mietet fl-eta ta' 63 sena nhar is-27 ta' Awissu 1865 fejn ġiet midfuna ż-Żebbuġ stess. Iżda naraw li wara 16-il sena, mis-sena 1881, meta Dun Ġwann issa kien laħaq kappillan tan-Nadur, huwa ġabar il-fadlijiet ta' l-għażiża ommu u difinha fil-knisja tan-Nadur.

Il-Kappillan Camilleri dam fil-parroċċa taż-Żebbuġ fuq sentejn, sat-30 ta' Ottubru 1865. L-ewwel Isqof ta' Għawdex, Mons. Mikiel F. Buttigieg (1864-1866) ħatru bħala d-disa' Kappillan tal-parroċċa tax-Xagħra, fejn dam għal 16-il sena sas-sena 1881. Hawn naraw li l-Kappillan tax-Xagħra, Dun Franġisk Buttigieg (1817-1863), li kien ukoll mill-parroċċa tan-Nadur u kien jiġi l-kuġien ta' l-istess l-Isqof Buttigieg, kien għadu kemm miet bil-kolera fit-3 ta' Ottubru 1865 fl-eta ta' 47 sena, vittma ta' l-imħabba lejn il-morda tal-parroċċa tiegħu. Wieħed jista jissuponi li l-għażla waqgħet fuq Dun Ġwann peress li dan ukoll ma beżgħax idur bil-morda tal-kolera b'riskju kbir għal ħajtu. Jingħad din li l-marda li tittieħet messetu fejn wara għaddieha lil ommu Margerita. Iżda wara li huwa ħeliesha, iżda ommu marret quddiem il-Mulej.

F'din il-parroċċa tal-Bambina, sintka wkoll biex jordna l-istatwa titulari mill-istess Ditta tal- Galard Statuaire Marseille. Din waslet ix-Xagħra fis-sena 1873 u ħallas għalieha ċertu Anġlu Bonello u ġiet tqum 100 skud (€19.40). Kif ukoll fis-sena 1879 ordna għand l-istess ditta l-istatwa ta' San Ġużepp fejn ħallas għalieha Wiġi Cini. Kien dan il-kappillan li fis-26 ta' Mejju 1978 ikkonsagra l-knisja tal-Bambina flimkien ma l-altar maggur ta' l-irħam, mill-Isqof Mons. Pietru Pace (1877-1888).

Minn hawn, fl-età ta' 51 sena, fl-1 ta' Marzu 1881, l-Isqof Pietru Pace ħatru bħala d-disa' Kappillan tal-parroċċa fejn twieled, dik tan-Nadur. Dun Ġwann kien l-ewwel Kappillan Naduri għal din il-parroċca. Għalhekk f'raħal twelidu l-ewwel ħaġa li għamel kien li bħaż-żewġ parroċċi l-oħra ordna l-istatwa titulari ta' l-Appostli San Pietru u San Pawl għand l-istess ditta. L-istatwa ta' San Pietru tħalset mil-qarib tiegħu Mikieli Caruana u ta' San Pawl mill-parroċċjani kollha. Ġiet tqum 300 skud (€58.2), u mżanżna fl-Imnarja tas-sena 1882. J

ibqa' jissemma wkoll għaliex kien hu l-ewwel li beda jissejjaħ bit-titlu ta' Arċipriet tan-Nadur, fid-19 ta' Diċembru 1893. Iżda ma kienx biżżejjed, għaliex dlonk wara beda jitħabat biex jgħolli l-parroċċa għad-dinjità ta' Kolleġġjata, it-tielet waħda f'Għawdex, wara tal-Katidral u ta' l-Għarb. Fil-fatt hekk sar mill-Papa Ljun XIII (1878-1903) bil-bolla Sanctæ Romanæ Ecclesiæ tad-19 ta' Settembru 1894. Dun Ġwann kien l-ewwel saċerdot li ħa l-pussess ta' Kanonku flimkien ma' l-oħrajn fid-19 ta' Mejju 1895. Fil-bolla tal-Kolleġġjata kien ġie ordnat li l-Arċipriet kellu jkun wieħed bid-dottorat jew liċenzjat fit-teoloġija jew fil-liġi tal-Knisja u Ċivili, u Dun Ġwann ma kellux. Għaldaqstant talab li jkun dispensat minn dan minħabba li kellu 65 sena. Din it-talba ġiet milqugħa mill-Papa Ljun XIII, fid-19 ta' Novembru 1895.

Kemm dam ragħaj tal-parroċċa tan-Nadur huwa rnexxielu wkoll iżejjen it-tempju tiegħu, minbarra bl-istatwa titulari, billi għamel diversi opri. F'Ġunju 1894 kien diġa beda jaħseb biex jibni knisja oħra żgħira li din tkun iddedikata lill-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù. Iżda din l-idea kellha titwarrab minħabba l-ispejjeż kbar li ġabet magħha l-erezzjoni tal-Kolleġġjata sena wara. Iżda l-ħolma tiegħu saret realtà għaliex saċerdot twajjeb, Dun Ġużepp Vella (1854-1906, flimkien ma' ħutu ħarġu l-ispejjez huma, fejn ġiet imbierka u kkonsagrata nhar it-22 ta' Mejju 1910, ftit jiem qabel ma miet. Lejn is-sena 1908, stinka ħafna biex iħajjar il-Frères ta' De la Salle ħalli jinfetaħ f'Għawdex orfanotrofju, iżda bla suċċes. Dan kellu jinfetaħ snin wara fis-sena 1923 bil-kollaborazjoni tal-kappillani kollha ta' Għawdex.

Fl-età ta' kważi 80 sena, wara li kien ilu jmexxi l-parroċċa fejn twieled għal 29 sena, l-Arċipriet Kan. Ġwann Camilleri miet fil-31 ta' Mejju 1910. Il-funeral ta' dan l-Arċipriet kien verament kbir għaliex fih, barra l-parroċċa tan-Nadur, ħadu sehem ukoll iż-żewġ parroċċi l-oħra li fihom kien kappillan qabel, dawk taż-Żebbuġ u tax-Xagħra. Iċ-ċerimonja funebri saret minn Mons. Alfons Hili (1865-1943). L-Arċipriet Camilleri ġie midfun fil-Kolleġġjata tan-Nadur fil-qabar numru 18 li hu nnifsu kien lesta għalih. Wara, kif kienet l-użanza f'dak iż-żmien, il-fdalijiet tas-saċerdoti kienu jinġabru u jitqiegħdu fil-kanerja tal-qassisin li tinsab taħt il-Kor, wara l-altar maġġur.

Biex dan l-ewwel Arċipriet jibqa' mfakkar, in-neputi tiegħu l-Arċipriet Dun Martin Camilleri (1910-1921) , kien qiegħed iħejji li fil-knisja Kolleġġjata jitwaqqaf monument f'ġieħu. Sar mezzo-bust ta' l-imsemmi Arċipriet, iżda dan għal xi raġuni jew oħra baqa' ma sarx. Dan jista' jkun li ġara minħabba l-mewt bikrija ta' neputih. Iżda fis-sena 1926 erba' neputijiet oħra ordnaw u ħallsu r-ritratt ta' dan l-Arċipriet li tqiegħed fl-Awla Kapitulari nhar l-1 ta' Jannar 1927. F'għeluq l-ewwel ċentinarju ta' l-istatwa titulari, 1882-1982, fuq l-inizjattiva tiegħi, ġie inawgurat monument f'gieħ l-Arċipriet Kan. Ġwann Camilleri li tqiegħed fin-navata tan-nofsinhar, faċċata tan-niċċa bl-istatwa titulari ta' San Pietru u San Pawl. Il-bust u dekorazzjonijiet saru minn Alfred Camilleri Cauchi u l-irħam inħadem mid-Ditta Ellies filwaqt li l-iskrizzjoni saret mill-Kan. Pen. Dun Anton Borg. Fis-sena 1984, flok ir-ritratt, il-parroċċa ordnat kwadru pittura ta' dan il-benefattur li ġie mpitter mill-pittur il-Kav. Pawlu Camilleri Cauchi. Fl-aħħarnett fis-sena 1997, l-awtur ħa ħsieb biex jissuġġerixxi lill-Kunsill Lokali biex tiġi msemmiha triq għalih fil-parroċċa li tant kien iħobb kif fil-fatt hekk sar.

Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2013
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini