ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Il-Parroċċa: 50 Sena Arċipretali
Kitba ta' Dun Ġorġ Vella
  Ħamsin sena ilu, sewwasew fit-12 ta’ Marzu 1963, il-parroċċa matriċi taż-Żebbuġ ġiet mgħolliha għad-dinjita’ ta’ arċipretali. Kien wisq jixraq li din il-parroċċa jingħatalha dan il-ġieħ u l-unur meta nafu li ż-Żebbuġ sar parroċċa ma’ tliet parroċċi oħra, in-Nadur, ix-Xagħra u ta’ Sannat u dawn kien ilhom igawdu dan l-unur ħafna snin qabel u n-Nadur u x-Xagħra kienu wkoll mgħollija għall-unur ta’ kolleġġjata. Iżda ż-Żebbuġ donnu kien minsi għal kollox u baqa’ mingħajr din id-dinjita’ ta’ arċipretali sas-sena 1963. Naqraw fl-istorja ta’ din il-parroċċa li kien sar tentattiv fl-imgħoddi. Kien is-Sur Anġlu Mizzi, li kien malti u li kellu post ta’ villeġġjatura fiż-Żebuġ u fi żmienu kien tħabat biex il-parroċċa tingħata din id-dinjita’ iżda t-tħabrik tiegħu safa fix-xejn għaliex kollox baqa’ kif kien. Iż-żmien tal-għoti ta’ din id-dinjita’ arċipretali kien għadu fil-bogħod. Minn dakinhar ‘il quddiem, ma jissemma xejn dwar tlabiet lill-Awtorita’ tal-Knisja biex iż-Żebbuġ jingħata dan l-unur kif kien jistħoqqlu.

Kien il-Kappillan Dun Franġisk Mercieca li beda jmexxi l-parroċċa fis-sena 1938 u dan imexxiha b’żelu u impenn sa Novembru tas-sena 1964 jiġifieri sal-ġurnata tal-mewt tiegħu. jiena u ħija li trabbejna u għexna miegħu nafu sewwa kemm ħadem biex il-parroċċa jġibha ‘l quddiem f’kull aspett tagħha sal-ġurnata ta’ mewtu u baqa’ jitħabat allovalja saħħtu kienet marret ħafna lura speċjalment meta kien naqsu d-dawl ta’ għajnejh saħansitra f’dik is-sena stess li l-parroċċa saret arċipretali. Kellu jagħmel f’għajnejh operazzjoni u dakinhar ma kinitx operazzjoni ħafifa. Dun Franġisk kellu xewqa kbira li l-parroċċa taż-Żebbuġ jingħatalha l-unur u d-dinjita’ ta’ arċipretali. Min jaf kem-il darba smajtu jgħid: ‘Għaliex iż-Żebbuġ m’għandux jingħatalhu dak li jistħoqqlu ladarba t-tliet parroċċi sħabu ilhom igawdu dan il-ġieħ għal tant snin’. Jiena naħseb li Hu mhux darba u tnejn kien ressaq it-talba lil Mons. Isqof Ġużeppi Pace li dak iż-żmien kien l-isqof djoċesan ta’ Għawdex. Naf biss li darba smajtu kien li Mons. Isqof Pace kien bagħat għalih. Iz-ziju mar u qal lill-Isqof ‘Jaqaw sa tagħtini l-aħbar tant mixtieqa li l-parroċċa ser iżżejjinha bid-dinjita’ ta’ arċipretali’. Iżda l-Isqof dlonk wieġbu: ‘Jien bgħatt għalik biex nibgħatek arċipriet f’parroċċa oħra’. Iz-ziju wieġbu ‘Jien fejn qiegħed ninsab kuntent u għal qalbi. Jien tħabatt biex iż-Żebbuġ ikun mgħolli għad-dinjita’ ta’ arċipretali mhx biex insir arċipriet jien, iżda biex iż-Żebbuġ jingħatalu dak li jistħoqqlu’. Jiena naħseb li din it-tweġiba ta’ Dun Franġisk baqgħet iddur fil-widnejn u fil-qalb tal-Isqof Mons. Ġużeppi Pace.

Minn dan nistgħu naraw kemm dan il-kappillan kellu l-iħabba kbira lejn il-parroċċa Żebbuġija u kemm kellu qalbu marbut magħha. Kien bniedem ta’ prinċipji u min jaf kemm drabi ‘bata’ u sofra sabiex ma jċedix għal prinċipji li kienu jmexxuh ħalli jkun missier tajjeb u ħanin ma’ kulħadd u ma kulħadd kien jimxi kif suppost mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd. Fejn jidħlu d-drittijiet tal-parroċċa u tal-membri kollha tal-Komunita’ Parrokkjali kien dejjem jiddefendihom bl-ikbar serjeta’ u determinazzjoni. Ix-xewqa tiegħu kienet li ż-Żebbuġ ikun onorat kif jistħoqqlu. Għalhekk baqa’ jinsisti biex il-Parroċċa jingħatalha dak li jistħoqqilha. Kellha tkun is-sena 1963 li dik s-sena ħabtet ukoll għeluq il-100 sena tal-miġja tal-istatwa titulari tal-parroċċa. Mitt sena qabel, fis-sena 1863 il-Kappillan Dun Ġwann Camilleri, saċerdot mill-parroċċa arċipretali u kellġġjali tan-Nadur ġab l-isbaħ rigal lill-parroċċa taż-Żebbuġ – statwa l-iktar sabiħa li qatt ma tixba’ tħares lejha, statwa l-ġmiel tagħha li baqgħet sal-ġurnata tal-lum, ħamsin sena wara. Baqgħet kif kienet, qatt ma ntmesset għalkemm kultant kienu jinqala’ xi ħadd li jkun irid jagħmel xogħol ta’ restawr iżda kemm iż-żiju kif ukoll ħija qatt ma ried lil ħadd imissiha. Iż-Żebbuġ għandu dan il-ġojjell u j’Alla jibqa’ jkun ġojjell mhux biss għall-poplu tal-lum iżda wkoll għall-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu fil-ġejjieni. Mela s-sena wkoll din l-istatwa tagħlaq 150 sena fostna. Grazzi Mulej. Is-sena 1963 il-Kappillan Dun Franġisk kellu jiċċelebra għeluq il-25 sena kappillan taż-Żebbuġ, kwart ta’ seklu. Kellha tkun din is-sena straordinarja li l-Kappillan Mercieca jara xewqtu isseħħ.

Kienet il-ġurnata tat-12 ta’ Marzu tal-1963, Festa ta’ San Girgor Papa, Titular u Patrun tal-Parroċċa ta’ Kerċem. F’dak iż-żmien kienet issir il-purċissjoni mill-iktar sabiħa bis-sehem tal-parroċċi kollha ta’ Għawdex, purċissjoni mill-Knisja Katidrali għall-Knisja ta’ San Girgor f’ta’ Kerċem. Fil-għodu konna ħadna sehem f’din il-purċissjoni penitenzjali u ta’ radd il-ħajr. Fl-għaxija waslet l-aħbar sabiħa li l-paroċċa taż-Żebbuġ ingħatalha l-ġieħ u l-unur ta’ parroċċa arċipretali. Il-Kappillan Mercieca, ferħan fil-għaxija ħabbat lill-poplu tal-parroċċa li din kienet ġiet mgħollija għal din id-dinjita’ li żgur kien jixirqilha u jistħoqqilha. Il-poplu feraħ għal din l-aħbar u radd ħajr lil Alla għal dan il-ġieħ mogħti lill-parroċċa. Il-ħidma tal-kappillan Dun Franġisk tat il-frott mixtieq minnu u mill-membri tal-komunita’ parrokkjali.

Il-Kappillan Mercieca, issa l-ewwel arċipriet tal-parroċċa, ried li għal din il-ġrajja sabiħa jiġu organizzati festi speċjali fl-okkażjoni tal-festi titulari ta’ Santa Marija ta’ dik is-sena 1963. Għalhekk tħejja programm ta’ ġimgħa festi mit-18 t’Awwissu li laħqu l-qofol tagħhom il-Ħadd 25 festi esterni ta’ Santa Marija – il-ftuħ ta’ dawn il-festi kien il-Ħadd 18 tax-xahar, b’Akkademja Mużiko-Letterarja li saret taħt il-presidenza tal-Eċċ. Tiegħu. Mons. Isqof Ġużepp Pace. Fil-programm ta’ din l-akkademja sar diskors mill-W.Rev. Mons. Kantur Andrea Vella dwar l-istorja tal-parroċċa taż-Żebbuġ. Niftakar li Mons. Andrea Vella kellu jkun l-ewwel saċerdot miż-Żebbuġ li jikteb l-istorja tal-parroċċa li permezz ta’ tant tagħrif sirna nafu dwar dak li għaddiet minnu l-parroċċa. Għalhekk kien jixraq li f’dik l-okkażjoni Mons. Vella jinseġ diskors sabiħ sabiex juri kemm iż-Żebbuġ kien jistħoqqlu li jingħata dan l-unur u din id-dinjita’ ta’ parroċċa arċipretali. L-Arċipriet Mercieca ma naqasx li jagħmel ukoll diskors fejn l-ewwel u qabel kollox kellu radd ħajr lil Alla u l-Madonna għal dak kollu li għamlu mal-parroċċa taż-Żebbuġ sa mill-ewwel mument tat-twaqqif. Fakkar b’mod speċjali lill-Kappillani li mexxew il-parroċċa mill-ewwel kappillan Dun Franġisk Vella li beda jibni parroċċa ġdida taħt il-ħarsien tal-Verġni Marija Assunta. Irringrazzja lis-saċerdoti kollha, lajċi, benefatturi u dawk kollha li taw is-sehem tagħhom fil-bini kontinwu tal-parroċċa sal-ġranet tal-lum. Irringrazzja wkoll lill-Eċċ. Tiegħu Mons. Isqof Ġużeppi Pace li aċċetta t-talba tiegħu u ħadem sabiex iż-Żebbuġ jingħatalu din id-dinjita’ kif kien jistħoqqlu. F’din l-okkażjoni ħadet sehem l-orkestra tal-parroċċa taħt it-tmexxija ta’ Mro. Anton Mallia, fundatur ta’ din l-orkestra li fost kollox daqqet innijiet Marjani u l-Antifona ta’ Santa Marija, kompożizzjoni tiegħu stess . Il-festi speċjali komplew matul il-ġimgħa kollha. It-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa kien saru t-tlett ijiem tat-tridu. Il-Ħamis saret transulazzjoni tar-relikwija. Il-Ġimgħa u s-Sibt funzjonijiet speċjali u l-qofol tal-festa kien il-Ħadd. Fil-għodu l-Eċċ. Tiegħu Mons. Isqof iċċelebra Pontifikal Solenni u għamel l-omelija għall-okkażjoni. Niftakar li dak iż-żmien l-Isqof kien jassisti biss mit-tron għall-Quddiesa Solenni tal-festa. Il-Liturġija dak iż-żmien kienet issir mod ieħor. Iżda għal din l-okazjoni Mons. Isqof kien aċċetta t-talba tal-Arċipriet Mercieca li jmexxi l-Pontifikal u fil-għaxija bħala għeluq tal-festi sar il-kant tal-Għasar u l-Purċissjoni u wara tkanta l-innu ta’ radd il-ħajr ‘Te Deum’ u ngħatat il-barka ta’ Ġesu’ Ewkaristija. Matul dawn il-festi ħadu sehem kważi l-parroċċi kollha kolleġġjali, arċipretali u parrokkjali. Kienu festi sbieħ u li kien xieraq li jiġu ċċelebrati f’din l-okkażjoni. Fuq il-bieb il-kbir tal-faċċata tpoġġiet skrizzjonijiet kbira li kienet inkitbet minn Dun Ġorġ Vella li dakinhar kien seminarista li kien qiegħed jipprepara biex isir saċerdot. Kienu festi sbieħ u speċjali li qatt qabel il-parroċċa ma kienet rat bħalhom. Il-poplu ta sehem attiv u gġen kem seta’ sabiex jirnexxu l-festi kollha li saru u hekk jibqgħu tifkira dejjiema għall-ġenerazzjonijiet futura. Dun Franġisk Mercieca l-ewwel arċipriet kien sodisfatt b’dak kollu li sar għaliex ix-xewqa tiegħu saret realta’m jiġifieri li jara l-parroċċa li tant ħabb jingħatalha dan l-unur li tant kien jisħoqqilha. Iżda ftit kellu jgawdi dan li tant tħabat għalih. Dik is-sena stess f’Novembru qrib il-festi li ukoll kienu wisq għal qalbu, jiġifieri l-festa ta’ San Fortunatu Martri kellu jagħmel l-operazzjoni f’għajnejh billi d-dawl kien naqsu sew tant li ma setax jieħu sehem fil-festi billi kien l-isptar. Wara ġranet ħareġ mill-isptar u għalkemm kien mar xi ftit għall-aħjar ma kienx ġie f’tiegħu għal kollox tant li l-isqof kien tah il-permess li jiċċelebra l-Quddiesa d-dar. Wara xi żmien reġa’ beda l-ħidma tiegħu billi kellu l-għajnuna ta’ ħija u anke s-saċerdoti l-oħra . Baqa’ jagħmel dak kollu li seta’ sabiex il-poplu ma jkun nieqes minn xejn u l-parroċċa tkompli l-missjoni tagħha. Wasal iż-żmien li jitlob lill-Isqof biex jagħmillu kuġitur għaliex dak iż-żmien hekk kienet il-proċedura skont il-liġijiet tal-Knisja. L-Isqof laqa’ t-talba tiegħu u wara li ħija għamel l-eżami meħtieġ għal din il-kariga, hu ġie maħtur arċipriet kuġitur tiegħu. feraħ ħafna b’din l-aħbar iżda dan il-ferħ kien biss għal ftit ġranet. Il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru 1964 niżel ir-Rabat kif ġeneralment kien imdorri jagħmel kull nhar ta’ Ġimgħa. Meta kien ser jerġa’ lura lejn iż-Żebbuġ max-xarabank tal-10.00 am ħassu ħażin ħdejn il-Banca Giuratale, ingħatalu s-sagrament tal-Griżma tal-Morda u wara ftit ruħu marret għand il-Mulej għall-ħlas dejjiemi. Hekk dan l-ewwel arċpriet li tant ħadem għal din il-parroċċa temm il-ħajja tiegħu fuq din l-art u nisperaw li mar igawdu lill-Mulej u l-Verġni Mbierka. Mexxa din il-parroċċa għal madwar 27 sena. Intant, arċipriet kellu jkun in-neputi tiegħu Dun Alwiġ Vella li kompla din il-ħidma fil-parroċċa għal kważi 32 sena sakemm irriżejna minħabba li saħħtu bdiet sejra lura. It-tielet arċipriet ġie magħżul saċerdot mill-istess parroċċa taż-Żebbuġ Dun Noel Saliba li mexxa l-parroċċa għal 10 snin sakemm ġie magħżul bħala kap tal-iskola Sekondarja tas-Seminarju. Ir-raba’ arċipriet intagħżel l-arċipreit attwali l-Kan. Dun Reuben Micallef mill-parroċċa ta’ Kerċem li qiegħed ikompli l-ħidma tiegħu b’għaqal kbir u enerġija u jibni fuq il-preċedessuri tiegħu. hekk naraw matul dawn il-ħamsin sena li għaddew, snin li fihom il-parroċċa arċipretali taż-Żebbuġ kompliet il-mixja tagħha u hekk nisperaw li tkompli miexja ‘l quddiem billi taqdi l-missjoni tagħha għall-ġid tal-komunita’ parrokkjali għall-akbar glorja t’Alla u għall-ġieħ tal-Verġni Mqddsa Marija Assunta Inkurnata.

F’din l-okkażjoni l-Arċipriet Dun Franġisk Mercieca għamel salib pettorali tad-deheb. Ma kellux ix-xorti li jilbsu ħafna drabi billi kif rajna wara sena l-Mulej sejjaħlu sabiex imur għall-ħlas tiegħu fis-sema. Dawn is-salib għadda f’idejn is-suċċessur tiegħu l-arċipriet Dun Alwiġ Vella li mexxa l-parroċċa għal kważi 32 sena. Wara li spiċċa minn arċipriet u t-tmexxija tal-parroċċa għaddiet għand ir-Rev. Kan. Dun Noel Salibha u hekk sar it-tielet arċipriet, Mons. Arċipriet Emeritu Alwiġ Vella irregala lill-Knisja arċpretali dan is-salib sabiex dan jibqa’ tifkira dejjiema ta’ meta l-parroċċa rċeviet dan l-unur ta’ arċipretali. Is-salib huwa storiku għaliex fuqu hemm miktuba d-data tal-ġurnata ta’ meta l-parroċċa ġiet mgħolliha għal din id-dinjita’ jiġifieri t-12 ta’ Marzu 1963. Hemm ukoll isem l-Arċipriet Dun Franġisk Mercieca. Jalla dan is-salib jinżamm b’għożża kbira sabiex din il-ġrajja tibqa’ waħda mill-isbaħ ġrajjiet li l-parroċċa taż-Żebbuġ għaddiet minnhom.

Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2013
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini