ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Iż-Żebbuġ imwaqqaf Paroċċa 325 sena ilu
– 1688-2013

Kitba ta' Joseph Bezzina
  Nhar il-21 ta’ April 1687, l-isqof Davide Cocco-Palmeri, l-isqof ta’ Malta u Għawdex, akkumpanjat fost l-oħrajn minn Dun Mattew Cini, il-prokuratur tal-kappelli tal-kampanja, għamel viżta lill-knisja ta’ Santa Marija tal-Virtut, iż-Żebbug (ara AAM-Arkivju Arċiveskovili Malta, VP-Visitatio Pastoralis (1687) 559v)

1. Davide Cocco-Palmeri
Davide Cocco-Palmeri, l-isqof li ismu jibqa’ marbut għal dejjem maż-Żebbuġ, twieled f’Borgo Pestocostanzo, qrib Monte Cassino, nhar it-23 ta’ Frar 1632. Kien ordnat qassis fl-24 ta’ Frar 1657. Nhar it-3 ta’ Ottubru 1664, rċieva d-dottorat fil-Liġi Ekkleżjastika u Ċivili mill-Università La Sapienza ta’ Ruma. Inħatar isqof ta’ Malta u Għawdex fil-15 ta’ Mejju 1684. Tliet snin wara beda l-ewwel viżta pastorali tiegħu f’Għawdex.

Il-viżta f’Għawdex ħadet sittax-il ġurnata: mill-20 ta’ April sal-5 ta’ Mejju 1687. Milli jidher, hu nnifsu żar l-inħawi kollha tal-gżira u għalhekk seta’ jifhem aħjar il-qagħda ġenerali u l-ħtiġijiet pastorali tal-Għawdxin. Minn diversi laqgħat li kellu ma’ Dun Karlu Magri, l-arċipriet tal-Matriċi, u mas-saċerdoti kollha tal-gżira, kompla ħa stampa iktar ċara tal-ħtiġijiet l-iktar immedjati. Xhieda ta’ dan hi l-aħħar deċiżjoni li ħa qabel telaq lura lejn Malta.

2. Il-Knisja ta’ Santa Marija tal-Virtut
Hu ta’ interess kbir li l-isqof jinnota fil-vista li l-knisja taż-Żebbuġ kienet tissejjaħ tal-Virtut. Il-kelma virtut, bil-Malti pur, tfisser mirakli. Ma għandha x’taqsam xejn ma’ virtù, il-kelma opposta ta’ vizzju, u li tirreferi għall-kwalitajiet tajbin fil-bniedem. Il-fatt li Santa Marija taż-Żebbuġ tissejjaħ tal-Virtut ifisser ħaġa waħda. L-inkwatru titulari l-qadim, li għadu jeżisti, kien meqjus bħala wieħed mirakuluż. In-nies kienu rrikkorew lejn Santa Marija u qalgħu mingħandha grazzi li kienu meqjusa daqs miraklu.

Kif wasal iż-Żebbuġ, l-Isqof Cocco-Palmeri kien milqugħ minn Dun Konsalvu Muscat, il-prokuratur. L-isqof dlonk qaddes lin-nies u wara beda ż-żjara fil-knisja. Hu nnota li kienet knisja mdaqqsa u miżmuma tajjeb ħafna. Kellha tliet bibien b’zuntier quddiem il-bieb maġġur li kien iħares lejn nofsinhar. Fuq iz-zuntier kien hemm qanpiena mdendla bejn żewġ kolonni għoljin seba’ filati.

Il-knisja minn ġewwa wkoll kienet f’kundizzjoni tajba. L-artal maġġur kellu kull ma kien meħtieġ għas-sagrifiċċju tal-quddiesa. Kien hem, fost l-oħrajn, kalċi bil-patena, missa, u l-kumplament. Fuq ir-riħ tiegħu kien hemm l-inkwatru ta’ Santa Marija imdawwar bi gwarniċ u mwaħħal mal-ħajt. Kien hem lumpier li n-nies tal-post kienu jixgħelu kull nhar ta’ Sibt.

Il-festa kienet issir fil-15 ta’ Awwissu bil-kant tal-Ewwel Vespri u b’quddiesa letta mqaddsa mill-prokuratur tal-knejjes tal-kampanja. Fit-tmiem kienu jitqassmu żewġt itmiem qamħ f’ħobż. Kien Dun Pietru Cini li b’donazzjoni reġistrata min-Nutar Alessju Apap ħalla somma flus biex mill-imgħax tagħha jitħallas dan il-ħobż f’jum il-festa. Il-knisja kellha dħul ieħor mill-beni ta’ Ġwanni-Anġlu Cefai, mħollija b’att għand in-Nutar Tumas Debono, nhar is-27 ta’ Lulju 1682 (ara VP (1687) 560r).

Dun Konsalvu Muscat, fi tmiem il-viżta, talab lill-isqof biex il-festa ma tibqax tiġi ċċelebrata fil-15 ta’ Awwissu, għax qassisin u nies kienu jmorru kollha għall-festa fil-Knisja Matriċi u kien jispiċċa bla qassis min igħinu, u bla nies. L-isqof laqa’ talba u tah permess biex il-festa ssir il-Ħadd fl-ottava ta’ Santa Marija (ara VP (1687) 560v). Ifisser li ilha ssir bħalma ssir daż-żmien 326 sena.

3. It-Talba għat-twaqqif tal-paroċċa
L-isqof Cocco-Palmeri ħa impressjoni tajba taż-Żebbuġ. Imkien, fil-kampanja ta’ Għawdex, ma sab knisja spazjuża, ma jonqosha xejn, u miżmuma tant tajjeb. Innota wkoll li n-nies fil-faqar tagħhom kienu jgħinu mill-aħjar li jistgħu.

Xi Żebbuġin ħatfu l-okkażjoni biex jitolbuh ħalli jwaqqfilhom parroċċa. Min kienu dawn iż-Żebbuġin ma nafux, iżda nistgħu nobsru x’qalulu. It-tagħrif hu mislut mid-Digriet Considerans suo paterno zelo tal-4 ta’ Mejju 1687 – imsemmi iktar ‘l isfel (ara VP (1687) 602v-603r).

Semmewlu, l-ewwelnett, id-diffukultajiet li kellhom biex jirċievu s-Sagramenti. Il-knisja Matriċi, il-parroċċa tagħhom, kienet ‘il bogħod – qalulu li kellhom mixja ta’ tliet mili sal-Matriċi; barra dan, bil-lejl, il-bibien taċ-Ċittadella kienu jingħalqu u għalhekk lanqas f’każ ta’ bżonn ma setgħu jitolbu s-sagramenti. Fix-xitwa, xi drabi, anqas nhar ta’ Ħadd ma kien jirnexxilhom imorru l-quddies minħabba l-istat ħażin tat-toroq.

Qalulu wkoll li t-tfal tagħhom ftit li xejn setgħu jmorru għat-tagħlim tad-duttrina. Dik il-ħabta, id-duttrina kienet tiġi mgħallma aktarx f’xi kappella tal-Matriċi nhar ta’ Ħadd u wieħed jifhem malajr li kien ferm diffiċli għat-tfal li jmorru d-duttrina. Għaldaqstant, uħud kienu jibqgħu bla ma jirċievu s-sagramenti tat-tqarbin u l-qrar.

Qalulu, fl-aħħarnett, li kienu ħafna dawk li kienu qed imutu mingħajr ma jirċievu l-Griżma tal-Morda u l-Vjatku Mqaddes.

Dawn id-diffikultajiet kienu qegħdin jiltaqgħu magħhom mhux biss in-nies tal-kontrada ta’ Santa Marija tal-Virtut, iż-Żebbuġ, iżda wkoll, kif igħidilna l-isqof nnifsu, dawk li joqogħdu fl-inħawi ta’ Sannat, ta’ Sant’Anton tax-Xagħra, u ta’ Santa Marija tal-Qala. L-Isqof tant ikkonvinċa ruħu mill-ħtiġijiet tan-nies ta’ dawn l-erba’ kontradi li dehrlu li għandu jagħmel xi ħaġa għalihom qabel jitlaq minn Għawdex.

4. Dun Ewġenju Azzupardu: kważi kappillan għall-kampanja
Tul il-viżta tiegħu, mat-tliet diffikultajiet li sema’ mingħand in-nies, l-isqof ittenda bi tnejn oħra. L-arċipriet Karlu Magri tal-Matriċi kien imdaħħal fiż-żmien u, minħabba l-età u saħħtu, b’ebda mod ma seta’ jlaħħaq mal-estensjoni tal-parroċċa tiegħu.

Dun Karlu, wieħed mill-arċiprieti l-iktar eminenti tal-Matriċi ta’ Għawdex, kien imwieled il-Belt Valletta, iżda għadda żgħożitu u parti kbira minn ħajtu f’Ruma. Għal xi żmien kien il-bibljotekarju tal-Università La Sapienza ta’ Ruma. Kiteb il-Hierolexicon, dizzjunarju ta’ termini ekkleżjastiċi, u kotba oħra, stampati mill-aqwa djar ta’ pubblikazzjoni tal-Ewropa. Meta beda jikber xtaq li jerġa lura art twelidu. Fit-3 ta’ Diċembru 1680, irnexxielu jikseb l-arċipretura tal-Matriċi. Kellu allura 63 sena. Ħa l-pussess bil-prokura, għax kien għadu Ruma, nhar il-25 ta’ Frar 1681. Għaddew iktar minn sentejn qabel ma ħalla ‘l Ruma għal Għawdex u ftit wara beda jonqsu d-dawl ta’ għajnejh. Sal-1687 aktarx li ftit li xejn kien għadu jara.

Kien hem raġuni gravi oħra. Dak iż-żmien peress li Malta u Għawdex kienu djoċesi waħda, ġara kemm-il darba li xi kappillani u kanonċi f’Għawdex ikunu Maltin. Il-postijiet li kienu l-iktar jirrendu kienu aktarx jagħtuhom lill-qassisin Maltin. Dawn il-Maltin kien jinteressahom biss il-flus li kien jirrendilhom il-benefizzju jew il-kanonikat u kienu jaqgħu u jqumu mill-ħtiġijiet pastorali tal-Għawdxin.

L-Isqof Cocco-Palmeri ittenda b’dawn in-nuqqasijiet li bihom kienu qegħdin ibatu n-nies u ħa deċiżżjoni immedjatament. Nhar l-4 ta’ Mejju 1687, il-Ħadd ta’ qabel Lapsi, l-isqof qaddes solennament fil-Matriċi fit-tmiem tal-viżta pastorali. Fl-istess għodwa, hu ħareġid-Digriet Considerans suo paterno zelo, imsemmi iktar ‘l fuq, li permezz tiegħu ħatar lil Dun Ewgenju Azzupardu viċi-parroku ta’ Dun Karlu biex jieħu ħsieb in-nies tal-kontradi fuq imsemmija (ara VP (1687) 602v-603r).

Dun Ewgenju, saċerdot żagħżugħ min-Naxxar, Malta, kien wieħed mill-missjurnarji tal-viżta. Kienet drawwa, li qabel viżta pastorali, jintbagħtu xi patrijiet jew qassisin ħalli bħala missjunarji jippreparaw in-nies għaż-żjara ta’ l-isqof u jressqu lil kulħadd għas-sagramenti imqaddsa. Wisq probbabli kien permezz ta’ Dun Ewgenju u missjunarji oħra li ż-Żebbuġin wasslu l-ilmenti tagħhom lill-isqof, li qajla kien jitkellem bil-Malti.

Id-Digriet, li hu d-dokument li fih jissemmew it-talbiet tan-nies tal-erba kontradi, igħid ċar u tond li Dun Ewgenju qed jinħatar bħala viċi ta’ Dun Karlu. Iżda jagħtik x’tifhem ukoll li qed jinħatar daqs kważi kappillan għall-kontradi tal-kampanja. L-isqof infatti jordnalu biex imur joqgħod fis-subborg tar-Rabat, ‘il barra miċ-Ċittadella, biex f’kull ħin ikun jista’ jagħti l-għajnuna tiegħu lil dawk li jitolbuhielu. Bħala rikumpens tal-ħidma tiegħu, l-arċipriet Magri kellu jagħtih ħames skudi fix-xahar mill-prebenda arċipretali. Barra dan, kellu wkoll joħroġlu l-ispejjeż biex iżomm karrozzella u żiemel ħalli jkun jista’ jasla malajr anki sa l-ibgħad postijiet tal-parroċċa.

L-istess Digriet jagħmilha ċara li dan l-arranġament hu wieħed temporanju; kellu jibqa’ jseħħ sakemm jintrebħu xi diffikultajiet u jintemmu l-prattiċi rikjesti mil-liġi tal-Knisja biex dawk l-erba’ inħawi jsiru parroċċa.

Dan id-Digriet hu l-ewwel dokument storiku li jsemmi flimkien l-inħawi li kien hemm il-ħsieb li jitwaqqfu parroċċi. Jissemmew preċiż f’din l-ordni: Santa Marija tal-Virtut taż-Żebbuġ, fl-ewwel post; Sant’Anton tal-Caccia (Xagħra); Santa Margerita ta’ Sannat; u Santa Marija tal-Qala. Santa Marija taż-Żebbuġ tissemma l-ewwel għax, nifhem mir-rapport tal-vista, li kienet l-iktar kontrada li kienet imħejjija biex issir parroċċa. Din l-ordni kellha eventwalment tinbidel.

Dun Ewgenju kien ordnat qassis f’Katanja nhar il-25 ta’ April 1684. Kien qassis żagħżugħ mimli enerġija li ma damx ma ntefa’ b’ruħu u b’ġismu biex jaqdi pastoralment in-nies fdati f’idejh. Nistħajjel li l-quddies fil-kappella ta’ Santa Marija tal-Virtut sar iktar spiss u ż-Żebbuġ bdiet issir għall-ewwel darba xi ħidma pastorali.

5. Il-kundizzjonijiet għat-twaqqif tal-paroċċa
Din kienet soluzzjoni temporanja sakemm titwitta t-triq biex il-kontradi jsiru parroċċi. Kienu erbgħa l-kundizzjonijiet li riedu jitwettqu sabiex dan iseħħ.

L-ewwelnett, kienet meħtieġa causa iusta, jiġifieri raġuni pastorali siewja li turi l-ħtieġa tat-twaqqif ta’ parroċċa oħra. It-tieni, kien hemm ħtieġa ta’ locus congruous, jiġifieri ta’ kappella jew knisja li setgħet taqdi l-ħtiġijiet pastorali tal-kommunita’. It-tielet, kien meħtieġ il-consensus parochi, jiġifieri l-isqof kien obbligat jisma’ l-parir tal-kappillan li taħtu taqa’ il-kontrada li ser titwaqqaf parroċċa, għalkemm imbagħad seta’ ma joqgħodx għal dan il-parir. Ir-raba’, u l-aħħar, kien meħtieġ li jkun hemm dos congrua, jiġifieri li jinstabu l-mezzi ħalli l-kappillan tal-parroċċa l-ġdida jkollu biex igħix kif jixraq: fi kliem ieħor, qabel titwaqqaf parroċċa kien meħtieġ titwaqqaf dik li tissejjaħ il-prebenda għall-għajxien tal-kappillan.

Fil-każ tal-erba’ kontradi ma kien hemm ebda dubju ta’ kawża ġusta. Tul il-viżta’ pastorali, l-isqof kien ra b’għajnejh il-ħtieġa tat-twaqqif ta’ parroċċa fiż-Żebbuġ u fl-inħawi l-oħra. Is-soluzzjoni għat-tieni kundizzjoni lanqas kienet diffiċli: temporanjament setgħu jintużaw il-kappelli li kien hemm, ‘il quddiem kellhom jibnew knejjes aħjar. Iżda dwar it-tielet u r-raba’ kundizzjoni kien hemm diversi ntoppi. U nibdew mill-aħħar waħda.

6. Il-Petizzjoni lill-Gvern għat-twaqqif tal-prebenda.
Fl-imsemmi Digriet ta’ l-4 ta’ Mejju, 1687, l-Isqof jinnota li d-diffikulta’ ewlenija għat-twaqqif immedjat tal-paroċċi kienet propju n-nuqqas ta’ dos congrua.

In-nies kienu fil-maġġoranza tagħhom fqar u għalhekk li ftit li xejn setgħu jgħinu għat-twaqqif tal-prebenda. L-isqof fehmha din il-ħaġa u ddeċieda li jitlob l-għajnuna lill-Gvern tal-Kavallieri . U ma tilifx żmien. Ftit jiem wara li reġa’ lura Malta, qabbad lil Promotur Fiskali tal-Kurja tiegħu fil-Belt Valletta biex jindirizza petizzjoni lill-Granmastru Gregorio Carafa ħalli jitolbu l-għajnuna tiegħu għat-twaqqif tal-prebendi (ara NAG-Arkivju Nazzjonali Għawdex, UG-Universitas Gaudisi, Suppliche 1 (1682-1704) 73r-v).

Il-petizzjoni, mibgħuta nhar it-12 ta’ Mejju 1687, tiftaħ billi tagħti stampa ċara ta’ dak kollu li nnota l-Isqof tul il-viżta pastorali fil-gżira ta’ Għawdex u tagħfas fuq il-ħtieġa mmedjata li jitwaqqfu iktar parroċċi għall-ġid spiritwali tal-Għawdxin. Igħarrfu li dal-bżonn kien ilu jinħass tant li l-predeċċessur tiegħu l-Isqof Mikiel Molina kien ftit snin qabel waqqaf il-parroċċi tax-Xewkija u tal-Għarb. Qallu li l-ħtieġa issa kienet qed tinħass ħafna f’erba’ kontradi oħra (ibid, 73r).

Il-petizzjoni ssemmi l-faqar kbir li fih kienu jinsabu ħafna familji Għawdxin. Il-membri ta’ l-istess familja, tgħarrafna l-petizzjoni, ma setgħux imorru jisimgħu l-quddies flimkien għax ma kellhomx ħwejjeġ biżżejjed. L-ewwel kienu jmorru uħud, imbagħad wara li jiġu lura, jagħtu ħwejjiġhom lill-membri l-oħra biex ikunu jistgħu jmorru l-knisja huma wkoll (ibid, 73r).

Fit-tmiem, l-oratur jitlob lill-Granmastru ħalli – għall-glorja kbira ta’ Alla u għall-ġid spiritwali tas-servi fidelissimi tiegħu f’Għawdex – jogħġbu jagħti biċċa art tal-Gvern f’Għawdex għat-twaqqif tal-prebendi tal-parroċċi li hemm il-ħsieb li jitwaqqfu (ibid, 73v).

Il-petizzjoni tal-isqof twasslet il-Palazz tal-Granmastru fl-istess jum tat-12 ta’ Mejju. Imħabba l-urġenza tagħha, l-awditur, speċi ta’ Segretarju privat, qatagħha li dlonk jgħarraf biha lill-Granmastru Carafa. Il-Granmastru ma sab ebda oġġezzjoni għat-talba ġusta tal-Isqof Cocco-Palmeri u fl-istess jum, Masimillianus Balsamo, l-awditur, bagħat jgħarraf lill-membri tal-Universita’, il-Gvern Reġjonali ta’ Għawdex fi żmien il-Kavallieri, bit-talba li saret lill-Granmastru. Mal-ittra hemeż lista ta’ disa’ biċċiet ta’ artijiet pubbliċi, aktarx suġġerita lill-Isqof tul il-viżta tiegħu f’Għawdex, u talab fuqhom il-kummenti tagħhom (ibid, 73v-74r).

Onorat Carbone, Giovanni-Maria Cumbo, u Felice Bonnici, it-tliet ġurati tal-Gvern f’Għawdex, fehmu l-urġenza tal-petizzjoni. Sas-19 ta’ Mejju ħejjew ir-rapport tagħhom lill-Granmastru (ibid, 74r). Sabu xi oġġezzjonijiet dwar uħud mid-disa’ biċċiet ta’ artijiet, iżda l-problemi rnexxielhom jirbħuhom. Aloisio Venato, il-Gvernatur ta’ Għawdex, wera li hu ma setax ma jaqbilx perfettament ma’ dik il-għotja. U nhar is-17 ta’ Jannar 1688, il-Granmastru Carafa ta l-approvazzjoni tiegħu għall-għotja ta’ l-artijiet għat-twaqqif ta’ l-erba’ prebendi (ibid, 74v).

7. Il-kunsens kundizzjonat tal-arċipriet tal-Matriċi
Kien meħtieġ ukoll il-consensus Parochi, il kunsens ta’ Dun Karlu Magri, l-arċipriet tal-Matriċi. Din intalbet hekk kif il-kwistjoni tal-prebenda qorbot lejn it-tmiem. Milli jidher, l-isqof kien ġa kiseb b’mod informali da nil-kunsens fl-aħħar jum tal-viżta tiegħu f’Għawdex.

Il-kunsens formali ngħata quddiem in-Nutar Giovanni-Battista Dorbes, il-Kanċillier tal-Kurja, nhar it-13 ta’ Jannar 1688 (ara NAV-Arkivju Notarili Valletta, R 792/10, Atti tan-Nutar Giovanni-battista Dorbes (13 Jan 1688) 1r-2r). Il-kunsens ingħata b’dawn il-kundizzjonijiet:
1 - Il-persuni kollha fil-limiti tal-paroċċi li ser jitwaqqfu kellhom igħaddu taħt ir-responsabbilta’ tal-kappillani rispettivi;
2 - Il-kappelli tal-kampanja fil-limiti ta’ l-erba’ kontradi flimkien mal-ewwel frott tar-raba’, id-drittijiet parrokkjali u kull dħul ieħor kellhom ukoll igħaddu lill-kappillani rispettivi;
3 - Id-deċimi u l-beni mmobbli tal-arċipretura tal-Matriċi fl-imsemmija limiti kellhom iżda jibqgħu bla mimsusa;
4 - Il-persuni kollha li kienu joqogħdu l-Belt (iċ-Ċittadella) u dawk kollha barra l-limiti tal-parroċċi li ser jitwaqqfu kellhom jibqgħu taħt il-kura tal-arċipriet tal-Matriċi u flimkien man-nies kellhom ukoll jibqgħu tiegħu l-ewwel frott tar-raba’ id-drittijiet parrokkjali, u kull dħul ieħor;
5 - Il-kappillani li ser jinħatru kellhom jiġu obbligati mill-isqof biex darba fis-sena jħallsu taxxa lill-arċipriet tal-Matriċi bħala att ta’ sottomissjoni lejh;
6 - L-arċipriet tal-Matriċi seta’ jorganizza purċissjonijiet lejn il-parroċċi ġodda u l-kappelli li jagħmlu magħhom, mingħajr ma seta’ jinżamm mill-kappillani l-ġodda;
7 - Il-parruċċani kollha tal-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ fis-subborg (ir-Rabat) tal-Belt, kellhom ‘l quddiem igħaddu taħt l-arċipriet tal-Matriċi u flimkien man-nies id-drittijiet kollha (ibid, 1r-v).

Dwar l-ewwel erba’ kundizzjonijiet ma kienx hemm problem fihom l-arċipriet qiegħed jafferma dak li kien dejjem isir meta titwaqqaf parroċċa ġdida. Il-ħames u s-sitt kundizzjoni setgħu jiġu konċessi mill-isqof. Iżda ma tantx kienet ħaġa faċli li titwettaq l-aħħar kundizzjoni. L-arċipriet kien preokkupat li bit-twaqqif ta’ sitt parroċċi mill-limiti tal-Matriċi f’temp ta’ għaxar snin, id-dħul tal-Matriċi f’temp ta’ għaxar snin, id-dħul tal-Matriċi kien ser jonqos sostanzjalment. Il-Matriċi kienet allura ser isibha diffiċli li tgħajjex in-numru kbir ta’ qassisin li kienu jiddependu minnha. Biex tgħaqqad, dak iż-żmien hu kien ġa beda jħejji l-pjanti tal-knisja Matriċi l-ġdida – il-Katridal tal-lum.

Iżda, wara ħidma sħiħa, nstabet soluzzjoni li, pero’ ma kinitx ta’ għoġba għal kulħadd – il-parroċċa ta’ San Ġorġ, ir-Rabat, kienet trasferita taħt l-arċipretura tal-Matriċi.

8. 28 ta’ April, 1688: Iż-Żebbuġ imwaqqaf parroċċa
L-isqof Davide Cocco-Palmeri kien fehem tajjeb il-ħtieġa tat-twaqqif tal-erba’ parroċċi u rnexxielu jirbaħ kull problema. Nhar it-28 ta’ April 1688, permess tad-Digriet Cum in prima, miktub u rreġistrat min-Nutar Giovanni-Battista Dorbes, hu waqqaf erba’ parroċċi ġodda (NAV, R 792/10, Atti tan-Nutar Giovanni-Battista Dorbes (28 Apr 1688).

Iż-Żebbuġ ma baqax fl-ewwel post. Id-Digriet stabilixxa din l-ordni: Santa Margerita ta’ Sannat, Sant’Anton tal-Caccia, Santa Marija tal-Qala, u Santa Marija tal-Virtut jew l-Assunta taż-Żebbuġ (ibid, 1r).

Id-Digriet jibda billi jsemmi l-viżta pastorali tas-sena ta’ qabel li matulha dehru ċari ħafna l-ħtiġijiet pastorali tal-Għawdxin tal-kampanja. Dawn il-ħtiġijiet ġiegħlu lill-isqof biex mill-iktar fis iwaqqaf erba’ parroċċi ġodda. Isemmi l-għajnuna li nstabet mingħand il-Granmastru Gregorio Carafa għat-twaqqif tal-prebendi u kif mal-proprjeta mogħtija mill-Gvern kien ser igħaqqad xi beni tal-kappillan ta’ San Ġorġ.

L-isqof jiġi mbagħad għat-twaqqif formali tal-parroċċi. Jibda billi jgħid li wasal għal dik id-deċiżjoni wara li talab lil Ġesu’ Kristu, lil Ommu Marija dejjem Verġni, lil San Pawl Appostlu, Patrun ta’ dawn il-gżejjer. Dawn huma l-kelmiet preċiżi ta’ l-erezzjoni ta’ l-erba’ parroċċi, l-aħħar fosthom taż-Żebbuġ (ibid, 2v).

Declarantes ex tunc in antea, et in perpetuum Ecclesias praefatas S[anc]tae Margeritae ta’ Sannat, S[anc]ti Antonii dela Caccia, S[anc]tae Mariae dela Cala, et S[anc]tae Mariae Virtutum sive Assumptionis del Zebug seu alias in locis a Nobis infra designandis de novo constuendas esse vere, et cum effectu Parochiales, et Curatas distinctas, et ad invicem separatas cum Populo, et Populis ibidem respective habitantibus, et a Matrice Ecclesia Collegiata eiusque Archipresbyteratu perpetuo dismembratas, seu verius disiunctas et divisas.

L-isqof imbagħad igħaddi għall-ħatra tal-kappillani.

9. Dun Franġisk Vella: l-ewwel kappillan
Il-ħatra ta’ l-erba’ kappillani ġodda tibda billi l-isqof jagħmilha ċara, bħalma għamel fil-kelmiet tal-erezzjoni tal-parroċċi, li qed jagħmilhom kappillani tal-knejjes imsemmija jew inkella ta’ dawk li kellhom jinbnew ġodda. Il-ħatra ta’ l-ewwel kappillan taż-Żebbuġ (ibid, 6r) hi magħmula b’dawn il-preċiżi kelmiet:

In Parochum et Rectorem Regionis, sive Contratae S[ANC]TAE MARIAE VIRTUTUM SIVE ASSUMPTIONIS DEL ZEBUG, eiusque Ecclesiae Par[ochia]lis sub eodem titulo sacerdotem D[on] Franciscum Vella, ultimumin presbiteratu promotum, pro cuius Populi commoditatem eamdem Ecclesiam ampliari mandamus.

Jiġifieri:
Naħtru bħala Kappillan u Rettur tar-Reġjun jew Kontrada ta’ Santa Marija tal-Virtut jew tal-Assunzjoni taż-Żebbuġ u tal-Knisja Parrokkjali tagħha taħt l-istess titlu, lis-saċerdoti Dun Franġisk Vella, l-aħħar wieħed li kien ordnat qassis, u nordnawlu bix, għal iktar kumdita’ tal-poplu, ikabbar l-imsemmija Knisja.

Ta’ min jinnota hawn żewġ ħwejjeġ importanti.
L-ewwel, huma proprju l-aħħar kelmiet tal-ħatra. Lill-ewwel kappillan, l-isqof jordnalu ħalli għall-kumdita’ tal-poplu jagħmel ħiltu kollha ħalli jkabbar il-Knisja Parrokkjali (ibid, 6r). Għalkemm kienet knisja miżmuma tajjeb ħafna, il-knisja taż-Żebbuġ ma kinitx kbira biżżejjed għall-popolazzjoni dejjem tikber. Nafu, li Dun Franġisk ma damx ma ntefa’ b’ruħu u ġismu ħalli jkabbar il-knisja fdata f’idejh.

It-tieni, huma l-kelmiet ultimum in Presbyteratu promotum, jiġifieri, l-aħħar fost l-erba’ kappillani ġodda li rċieva l-Ordni Sagri. Dun Franġisk kien fil-fatt qassis novell. Hu kien ordnat nhar il-15 ta’ Marzu 1687. Dawn il-kelmiet jispjegaw l-għala l-parroċċi tqiegħdu f’dik l-ordni – tagħrifa ppubblikata għall-ewwel darba fis-sena 1988.

Kienet drawwa qadima tal-Knisja, li meta xi qassisin jirċievu xi ħatra jew xi benefizzju ekkleżjastiku fl-istess jum jieħu l-preċedenza dak fosthom li jkkun ilu l-iktar ordnat. Fi ftit kliem, l-erba’ parroċċi mwaqqfa mill-isqof Cocco-Palmeri ngħataw il-preċedenza li għandhomi imħabba d-data tal-ordinazzjoni tal-ewwel kappillani. Inserta li l-iktar li kien ilu jqaddes kien Dun Lazzru Camilleri, il-kappillan ta’ Sannat, ordnat qassis nhar it-13 ta’ Marzu, 1655. Warajh kien jiġi Dun Bernard Formosa, kappillan tax-Xagħra, ordnat Terranova, Sqallija, fil-21 ta’ Diċembru 1669. It-tielet, kien Dun Bernard Haber, li dejjem qies lilu nnifsu bħala kappillan tan-Nadur, ordnat meta kellu fuq erbgħa u erbgħin sena aktarx nhar is-17 ta’ Diċembru 1678. Iż-Żebbuġ, għaldaqstant, mill-ewwel post fl-ewwel dokument, spiċċa l-aħħar.

10. Għeluq
Wara l-ħatra tal-kappillan Dun Franġisk Vella, l-isqof jispjega fiex ser tkun tikkonsisti d-dos congrua, il-prebenda tiegħu.

Din tinqasam fi tnejn: id-dħul mill-beni mħollija għal dan il-għan, fosthom l-art mgħotija mill-Gvern, u l-offerti tal-fidili. l-ikbar tama tal-isqof kienet li ż-Żebbuġin ikunu ġenerużi mal-kappillan tagħhom fl-offerti li jagħmlu fuq il-prodotti tar-raba’ u għas-servizzi li jirċievu, fosthom it-tberik fi żmien l-Għid. Kien maħsub li permezz ta’ b’dan kollu, il-kappillan taż-Żebbuġ seta’ jgħix mhux ħażin u jaqdi sewwa d-dmirijiet pastorali tiegħu.

L-erba’ parroċċi tal-kampanja mwaqqfa mill-isqof Cocco-Palmeri nqatgħu mil-limiti tal-Matriċi ta’ Għawdex. L-isqof dehrlu li tkun ħaġa xierqa li tinżamm xi rabta bejn il-parroċċi ġodda u l-Knisja Omm li minnha nqatgħu. Għalhekk isemmi xi obbligi li l-kappillani ġodda kellhom lejn il-Matriċi. Ried ukoll li din r-rabta tiġi mġedda darba fis-sena. Għaldaqstant ordna lill-erba’ kappillani u s-suċċessuri tagħhom biex nhar Santa Marija, huma joffru xemgħa bajda ta’ libbra lill-arċipriet tal-Matriċi (ibid, 3v). Din l-offerta ta’ xemgħa bħala sinjal ta’ għaqda mal-Knisja-Omm, kienet issir waqt l-offertorju tal-quddiesa solenni ta’ nhar Santa Marija. Din l-offerta kienet baqgħet sas-seklu dsatax.

Id-Digriet Cum in prima jagħti wkoll il-limiti tal-parroċċa. Kienu jibdew minn xifer il-baħar imsejjaħ ta’ Wied il-Mielaħ imissu mal-limiti tal-Għarb, min-naħa waħda, u jkomplu sal-wied li jieħu għall-Marsalforn sal-baħar, min-naħa l-oħra. It-territorju tal-parroċċa baqa’ hekk sat-twaqqif tal-parroċċa tal-Għasri fis-16 ta’ Diċembru 1921.

L-erba’ parroċċi ġodda bdew jiffunzjonaw is-sena ta’ wara. Id-digriet formali tal-ħatra ta’ Dun Franġisk bħala l-ewwel kappillan taż-Żebbuġ inħareġ nhar is-6 ta’ Ġunju 1689. Hu ngħata l-pussess tal-parroċċa nhar il-Ħadd, 12 ta’ Ġunju 1989. Dam imexxi l-parroċċa sa mewtu li ġrat nhar is-27 ta’ Ottubru 1743.

Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2013
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini