ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Dun Frangisk Vella:
L-Ewwel Kappillan (1689 - 1743)

estratt mill-ktieb ta' Dun Guzepp Vella
"iz-Zebbug: il-Parrocca ta' Santa Marija" (1988)
  Inħass il-bżonn ta’ Saċerdoti
Għalkemm f’dawk is-snin bikrija, il-ħâra taż-Żebbuġ u l-Għasri kellhom ħafna kappelli, jidher li fis-seklu sbatax (1601 – 1700) kien hemm nuqqas kbir ta’ saċerdoti. IL-Kolleġġjata ta’ Santa Marija tar-Rabat kienet tagħmel kemm tista’ biex taqdi lin-nies tal-kampanja li kienu jiddependu minnha għall-kura spiritwali. Il-poplu taż-Żebbuġ ħass il-bżonn ta’ saċerdot biex iqaddsilhom fil-knisja ta’ Santa Marija u biex jgħallem id-duttrina fil-Ħdud u l-Festi. Kienu se jħallsuh bl-emożina li jiġbrulu. Għalhekk talbu lill-Isqof Fra Luca Bueno biex jipprovdilhom qassis. L-Isqof wegħidhom u tahom qassis fit-18 ta’ Ġunju 1667. Ma nafux min kien l-ewwel Vigarju li kienet afdata f’idejh, almenu sa ċertu punt, il-kura tal-erwieħ. Nafu li Dun Franġisk Vella kellu dan l-uffiċċju fil-Knisja ta’ Santa Marija taż-Żebbuġ qabel ma sar l-ewwel kappillan fis-sena 1688.

Jitwieled Dun Franġisk Vella
Dun Franġisk twieled iż-Żebbuġ fis-sena 1662, iben Ignatius Vella u Teresa u ġie mgħammed fil-knisja Matriċi, illum Katidral, fid-9 ta’ Marzu, 1662, mill-Wisq Rev.du Arċipriet Ġann Anton Camilleri. Dun Franġisk huwa persuna tant importanti fl-istorja tar-raħal tagħna, li kif twieled u kiber hu, twieldet ukoll il-parroċċa taż-Żebbuġ u minn dak iż-żmien bdiet epoka ġdida fl-istorja taż-Żebbuġ.

B’xorti tajba l-istoriku Kan. Agius De Soldanis ħallielna tifkira l-iżjed għażiża ta’ dan is-saċerdot fil-kitbiet tiegħu u li aħna sejrin inġibu kelma b’kelma. De Soldanis jikteb:

“Dun Franġisk Vella, kappillan taż-Żebbuġ”
Dan Dun Franġisk twieled iż-Żebbuġ madwar is-sena 1662 u billi deher sa minn żgħożitu quddiem il-għajnejn ta’ missieru u ommu li huwa mwieled xi ħaġa aqwa milli hu x-xogħol tar-raba’, tefgħuh jitgħallem l-iskola, l-ewwel f’Għawdex u imbagħad f’Malta. F’Malta kien jitgħallem għand il-Patrijiet ta’ San Duminku tal-Belt minn fejn ħareġ filosfu u teologu msemmi, imma wisq iżjed imsemmi għall-għerf li hemmhekk huwa tgħallem tal-biża t’Alla. Kien sar qisu mera tal-qaddisin.

Meta reġa’ ġie Għawdex, wara li kien ġie ordnat saċerdot, malajr is-Superjuri tiegħu tawh jaħdem fil-qasam t’Alla, bis-smigħ tal-qrar u bix-xandir tal-kelma mqaddsa. U għax wera għerf tassew fil-priedki tiegħu li għamel iktar minn darba matul il-kwareżimali hawn fil-knisja Kolleġjata u fi priedki oħra f’bosta knejjes ta’ din il-gżira ta’ Għawdex, kiseb il-fama ta’ predikatur għaref u msemmi ma’ kulħadd.

Imwaqqfa l-parroċċa taż-Żebbuġ mill-Isqof Cocco, dan lilu ħatar bħala l-ewwel kappillan tagħna, għalkemm Dun Franġisk kien għadu ħafna fiż-żmien.

Kienet din l-għażla ġejja minn Alla li għaliha Dun Franġisk medd għonqu bil-ferħ u beda jaħdem bil-qalb f’din il-merħla ġdida mqegħda taħt idejh.

U għax il-ħwejjeġ li jkunu ġejjin minn Alla jirnexxu tajjeb dejjem, tajjeb irnexxiet il-ħidma ta’ Dun Franġisk, għax baqa’ jaħdem bl-istess ħeġġa, ħerqa u mħabba li kien beda bihom, sal-aħħar ta’ ħajtu, jiġifieri sal-20 t’Ottubru 1743, jum tal-mewt tiegħu, meta kellu 81 sena, mibki min-nies tar-raħal tiegħu, bħalma jiġi mibki ragħaj tajjeb. U kellhom raġun jibkuh in-nies taż-Żebbuġ, għax lilhom paxxa mhux biss bl-għixien tar-ruħ, imma wkoll bil-karitajiet li huwa għamel magħhom ta’ somom kbar ta’ flus u bil-legati li ħalla għal wara mewtu; ragħaj tassew tajjeb li fittex il-ġid tal-merħla tiegħu.

Barra dan, jidhirli li diġà semmejt band’oħra, kemm ħadem fil-bini tal-knisja u kif għaniha b’relikwiji ta’ qaddisin, b’irħam u fided.

B’tifkira hawnhekk tiegħu, irrid inżid dan, li hu matul ħajtu kien jieħu gost wisq jgħallem lit-tfal u liż-żgħażagħ il-grammatika, il-filosofija u t-teoloġija u lil xi wħud minnhom il-poeżija latina wkoll.

Hekk kien iqatta’ żmienu u l-ħinijiet tal-jum dan il-qassis twajjeb u għaref. Fuq hekk li hu kien dejjem maħbub, imfaħħar u mżiegħel mill-Isqfijiet ta’ żmienu.

Meta l-Isqof li qiegħed irieġi dawn il-gżejjer b’imħabba u tifħir mar, fis-sena 1744, jagħmel it-tielet Vista tiegħu Pastorali f’din il-parroċċa taż-Żebbuġ, x’ħin sabha nieqsa minn dan ir-ragħaj twajjeb u fela l-virtujiet sbieħ li bihom kien imżejjen, amar lill-werrieta tiegħu li jgħattu qabtu b’irħama, u biex ismu ma jmut qatt żgur, kiteb dawn il-kelmiet:

D.OM.
“UT MEMORIA PRIMI PAROCHI HUIUS ECCLESIAE
D. FRANCISCI VELLA OMNIBUS INNOTESCERET OB EIUS
PIETATEM DOCTRINAM, ZELUM AC IN PAVPERES MIRAM
LARGITATEM, MANDAVIT ILLUST. ET REVEREND. DOM
FRATER PAULUS ALPHERAN DE BUSSAN EPISCOPUS
MELITENSIS IN DECURSU SUAE TERITAE VISITATIONIS
SEPULCHRUM HOC FIERI TANTO PROVIDO PAROCHO
QUIA ET TOTAM REDDI MARMOREAM. QUICUMQUE
PAROCHUS LEGERIT EPITAPHIUM
DE MORTUI EXEMPLUM IMITETUR ET ORET
PRO EO. ANNO DNI. MDCXLIV DIE XX MENSIS SEPT.”

Bil-Malti:
“Ikun ifaħħar il-Kbir Alla
Biex kulħadd jgħożż it-tifkira tal-ewwel
Kappillan ta’ din il-Knisja, Dun Franġisk Vella,
Għat-tjubija tiegħu, Għerf, Żelu u Ġenerożità
Kbira mal-foqra, l-Ill.mu u W. Rev.du Pawlu
Alpheran De Bussan, Isqof ta’ Malta,
waqt it- Tielet Vista Pastorali Tiegħu,
ordna li jsir dan il-Qabar
lill-Kappillan tant ħabrieki,
li bena dil-knisja mill-bidu sat-tmiem
u mliha Kollha rħam.

Kull kappillan li jaqra dan l-Epitafju,
Jimita l-Eżempju tal-Mejjet u jitlob għalih.
20 ta’ Settembru 1744”

Il-Poplu jitlob ‘l Isqof biex jaqta’ ż-Żebbuġ Parroċċa
L-Isqof David Cocco Palmieri sar Isqof ta’ Malta u Għawdex fis-sena 1681 u ġie kkonsagrat fl-1684. F’dawn is-snin kien ordnat saċerdot, Dun Franġisk Vella u dan kien dritt maħtur bħala Vigarju taż-Żebbuġ u tal-Għasri. Milli jidher in-nies ħadu r-ruħ minn meta l-Isqof ta’ qabel, Fra Luca Bueno kien sama’ talbtihom u tahom qassis biex iqaddsilhom. Issa kienu jħossu li kienu jistgħu jfendu għal rashom bil-qassis tagħhom u li jkunu jistgħu jgawdu ċerta indipendenza mill-parroċċa tal-Kolleġġjata. Għalhekk għamlu l-kuraġġ u meta l-Isqof Cocco Palmieri mar Għawdex għall-Vista Pastorali mit-18 t’ April sat-8 ta’ Mejju 1687, il-poplu taż-Żebbuġ u tal-Għasri talbu lil dan l-Isqof biex jaqta’ ż-Żebbuġ parroċċa.

L-Isqof meta mar Għawdex malajr sar jaf kemm kien sejjer tajjeb Dun Franġisk fl-apostolat tiegħu fil-ħâra taż-Żebbuġ. U billi ra wkoll kemm għamlu ġid fl-erwieħ iż-żewġ parroċċi li dan l-aħħar kienu twaqqfu: tax-Xewkija fl-1678 u l-Għarb fl-1679, allura ra li l-poplu ta’ dawn l-inħawi kellu raġun u hu stess ħass il-ħtieġa li jwaqqaf erba’ parroċċi oħra: ta’ Sannat, Nadur, Xagħra u Żebbuġ.

L-Arċipriet tal-Matriċi tar-Rabat, Dun Karlu Magri ma tantx għoġbitu l-affari tal-parroċċi l-ġodda. Inqalgħu xi diffikultajiet imma fl-aħħar l-Arċipriet Magri ta l-kunsens tiegħu bil-kundizzjoni li l-parroċċa ta’ San Ġorġ tiġi magħquda mal-Matriċi.

L-Isqof David Cocco Palmieri qata’ l-erba’ parroċċi ta’ Sannat, Xagħra, Nadur u Żebbuġ bid-digriet tat-28 ta’ April, 1688. Id-digriet iġib dawn ir-raġunijiet għaliex il-parroċċi għandhom jinqatgħu:

1. Il-parroċċi huma bogħod mill-Matriċi, bejn wieħed u ieħor 4 mili.
2. In-nies ta’ dawn l-inħawi jsibu diffikultà kbira biex jiffrekwentaw is-sagramenti fil-Knisja Matriċi, speċjalment fix-xhur tax-xitwa.
3. Ħafna qegħdin iħallu ta’ spiss il-quddiesa tal-Ħdud u l-festi.
4. It-tfal, bniet u subien, iħallu kważi dejjem it-tagħlim tad-duttrina.
5. Xi wħud qegħdin imutu mingħajr sagramenti u l-assistenza tal-qassis.

Fl-istess digriet l-Isqof Palmieri ordna l-preċedenza bejn dawn il-parroċċi: l-ewwel Sannat, it-tieni Xagħra, it-tielet Nadur u r-raba’ Żebbuġ. Il-parroċċa ta’ Sannat żammet din il-preċedenza sal-1895, meta n-Nadur sar Kolleġġjata u imbagħad ix-Xagħra ħadet il-preċedenza fl-1900 meta saret Kolleġġjata. Illum għandna: Nadur, Xagħra, Sannat u Żebbuġ.

L-Isqof ħatar lil Dun Franġisk Vella bħala l-ewwel kappillan tal-Parroċċa taż-Żebbuġ u l-popolazzjoni b’dik tal-Għasri kienet 544 ruħ.

Fl-istess digriet, l-Isqof Palmieri obbliga lill-kappillani tal-parroċċi l-ġodda, li ta’ kull sena kellhom jagħtu lill-Arċipriet tal-Kolleġġjata tar-Rabat, xemgħa bajda ta’ libbra u jagħtuhielu waqt l-Offertorju tal-quddiesa kantata ta’ nhar Santa Marija.

Fis-sena 1719 il-kappillani ta’ dawn il-parroċċi dehrilhom li ma għandhomx jagħtu din ix-xemgħa lill-Arċipriet waqt il-quddiesa ta’ nhar festa ta’ Santa Marija. Huma riedu jeħduhielu dakinhar, imma d-dar tiegħu. L-Arċipriet ma riedx hekk, qabad kawża magħhom u l-Qorti tal-Isqof qatgħetha li l-kappillani kellhom bħas-soltu jibqgħu jagħtu x-xemgħa lill-Arċipriet waqt il-quddiesa kantata.

Biż-żmien din id-drawwa nqatgġet u l-kappillani bdew jagħtu 2/6 lill-Arċipriet, kemm kienet tiswa xemgħa ta’ libbra dak iż-żmien. Illum, milli jidher, din id-drawwa nqatgħet ukoll.

Il-Prebenda tal-Parroċċa taż-Żebbuġ
L-Isqof Palmieri sab diffikultà kbira fuq il-prebenda li ried jagħti lill-kappillani l-ġodda. Għalhekk talab lill-Gran Mastru Gregorju Caraffa u dan tah bċejjeċ ta’ raba’ mhux maħduma biex jiġu rranġati mill-poplu.

Fl-1699, l-Isqof Alpheran de Bussan kiteb bħala renta lill-kappillan taż-Żebbuġ erbat itmiem raba’ fil-“Ħaġġarija”, jew fejn hemm il-forka. Minn fuq San Ġorġ, l-Isqof tal-għalqa “ Ta’ Għajn Abdul”, u għalqa oħra “ Tan-Nuffara”.

Il-limiti tal-Parroċċa meta twaqqfet
Jibdew minn xifer il-baħar imsejjaħ ta’ Wied il-Mielaħ, imissu mal-limiti tal-Għarb u jibqa’ tiela’ sa ta’ Sdieri min-naħa tax-xellug. Minn hawn igħaddu għat-triq li tieħu għall-muntanja ta’ Għammar li mal-ġenb tagħha tax-xellug tmur ma’ din il-parroċċa. Iduru mal-għolja ta’ Għammar sa Wied Sara. Jaqsmu t-triq li tieħu għaż-Żebbuġ sal-Ħarrax għall-Wied ta’ Marsalforn li max-xellug dejjem maż-Żebbuġ u l-istess jibqa’ nieżel mal-Wied ta’ Marsalforn. Dawn il-limiti jaħkmu fihom tal-Ġurdan, Wied il-Għasri, iż-Żebbuġ(għolja), Dabrani, Kuljat, il-Qolla s-Safra u s-Salvatur u l-Wied taż-Żebbuġ.

Dan sal-1921 meta l-Għasri nqata’ parroċċa. Illum il-limiti jibdew mill-Wied tal-Għasri, għat-Tafal, Wied Sara sal-Wied ta’ Marsalforn.

Il-Knisja Parrokkjali: Bini tal-Knisja l-Ġdida
Il-Kappillan Vella beda l-Knisja l-Ġdida fil-25 ta’ Marzu tal-1692 u tlestiet mill-bini fl-24 ta’ Marzu 1719. Id-disinn kien tas-Surġent Mikiel Agius, Għawdxi. Il-Parroċċa dak iż-żmien kienet tgħodd 544 ruħ.

Wieħed jammira l-fidi u l-kuraġġ tal-Kappillan u l-merħla tiegħu f’dawk iż-żminijiet imwegħra meta n-nies kienu foqra, kien hemm nuqqas ta’ għodda tal-bini u anke nuqqas ta’ toroq u toroq ħżiena. Il-Kappillan Vella ta kull ma kellu u l-istess għamel il-qassis mir-raħal Dun Franġisk Stivala. In-nies għenet bil-flus, fix-xogħol u fil-ġarr tal-ġebel.

Il-ġebel kien jinqata’ minn ta’ Ċejla, li tiġi fil-Wied taż-Żebbuġ, qrib il-Qbajjar u ftit minn Wied l-Għasri. Il-ġebel kien jinġarr fuq id-dahar tal-bhejjem, fuq il-karettuni u fuq il-karru.

Għadu jissemma fejqan tal-għaġeb fi żmien il-Kappillan Vella. Il-Kappillan kien tiela’ ma’ wieħed li kien qiegħed iġorr il-ġebel għall-bini tal-knisja fuq id-debba. Id-debba taqa’ u tikser sieqha. Sidha, mifxul x’sejjer jagħmel, iddeċieda li jidfinha hemmhekk. Għaliex huwa fatt li għall-ksur tal-għadam fil-bhejjem ta’ laħam il-kelb, ma hemm l-ebda fejqan.

“Le”, qallu l-Kappillan, “stenna ftit.” Il-Kappillan tela’ bilġri l-knisja, ġab ftit żejt mil-lampa tal-Kunċizzjoni, dilek bih is-sieq il-miksura tal-bhima, u ħaġa tal-għaġeb, bħallikieku qatt ma ġara xejn, il-bhima reġgħet bdiet iġġorr il-ġebel.

Ġrajjiet ta’ żmien il-Kappillan Vella
1. Fis-sena 1675, meta Dun Franġisk kellu erbatax-il sena, ħakmet fuq Malta l-marda tal-pesta. Din dejjem kienet xi ħaġa tal-biża u madwar 13,000 mietu f’dik il-ħabta fil-gżira ta’ Malta. F’Għawdex ma miet ħadd. Il-kummerċ ma’ Malta naqas wisq u f’Għawdex waqa’ għaks kbir.
2. Fl-1693, meta l-knisja taż-Żebbuġ kienet fl-ewwel filata tal-bini, fil-11 ta’ Jannar fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar, theżżet l-art u kexkxet lil kulħadd.
3. Fis-sena 1696, fil-25 ta’ Lulju, dehret kotra bla tmiem ta’ ġirati mal-kampanja kollha taż-żewġ gżejjer, li għamlu ħsara kbira fl-uċuh tar-raba’ u fis-siġar. Saħansitra qerdu z-zkuk. Tant kien hemm ġirati li l-poplu ma setax isib tarfhom. Il-gvern allura ħareġ avviż li jagħti erbgħajn – li kienet issarraf 40 ħabba jew 3 soldi u 4 ħabbiet – lil kull min joqtol tomna ġirati. In-nies f’Għawdex qatlu numru kbir ta’ ġirati. Il-ġirati nqerdu fit-30 ta’ Lulju meta saret purċissjoni bir-relikwija ta’ Sant’Orsla mill-Kolleġġjata għall-knisja ta’ San Ġorġ. Minn dakinhar ‘l hawn qatt iżjed ma dehru ġirati fi kwantita kbira.
4. Fis-sena 1725, il-klieb taż-żewġ gżejjer irrabjaw u bdew iduru u jigdmu ‘l kulħadd, anke lis-sidien tagħhom stess. Il-Gran Mastru ħareġ ordni biex ġo Malta u Għawdex ma jibqa’ l-ebda kelb ħaj.
5. Sena qabel miet il-Kappillan Vella, fl-20 ta’ Frar, 1643, inħasset theżżiża ma’ Malta u Għawdex li għamlet ħsara lil ħafna knejjes.

Opri u oġġetti Sagri ta’ żmien l-ewwel Kappillan
1. Żewġ lampieri. Wieħed magħmul fis-sena 1729 u l-ieħor fis-sena 1730. Dan ġie mogħti lill-knisja b’rigal minn Mikieli Farrugia li kien l-ewwel wieħed li tgħammed fil-parroċċa.
2. Statwa sabiħa tal-fidda tal-Madonna tar-Rużarju, li tinżamm miċ-Ċelebrant fil-purċissjoni li ssir fil-knisja kull l-ewwel Ħadd tax-xahar.
3. Relikwarju tal-fidda li jinżamm miċ-Ċelebrant fil-purċissjonijiet; Kalċi, pissidi, relikwarju ieħor, ċensier u navetta tal-fidda.
4. Il-pittura tal-kwadri tat-Titular, u ta’ San Franġisk Saverju, li jinsab fis-sagristija.
5. Biċċa mir-rħam tal-artali.
6. Il-Fonti tal-Magħmudija bl-istemma tal-Isqof Cocco Palmieri li qata’ ż-Żebbuġ Parroċċa fl-1688. Nistgħu ngħidu li dan il-Fonti hu ta’ dak iż-żmien u li dam iservi sas-sena 1962 meta sar ieħor. Il-qadim hu miżmum b’għożża kbira għand Wiġi Zahra. Dan il-Fonti dam iservi l-parroċċa għal 274 sena li min jaf kemm mijiet ta’ trabi tgħammdu fuqu. Opra għażiża bħall-fonti hi ta’ min jieħu ħsiebha u jgħaddiha lil ta’ warajna.
7. Antiphonarium tas-sena 1602 u Graduale Romanum tas-sena 1754.

Legati mħollija mill-Kappillan Franġisk Vella
Skond l-atti tan-Nutar Aloysio Cremona tal-15 ta’ Lulju 1737, il-Kappillan Vella ħalla dan it-testment.
1. Tletin skud jiġu mogħtija lil xebba li tiġi min-naħa t’ommu, bl-obbligu li tagħmel żewġ quddisiet skond l-intenzjoni tiegħu.
2. Żewġ skudi jingħataw lill-artal tal-Madonna tal-knisja ta’ Sant’Wistin, Għawdex.
3. Żewġ skudi lill-artal tal-Madonna tal-Kunċizzjoni li jinsab fil-knisja tal-Parroċċa.
4. Żewġ skudi għall-festa tad-Dedikazzjoni tal-Knisja li ssir kull sena.
5. Jingħata skud għas-servjenti tal-Knisja.
6. Ħalla d-dar tiegħu bil-ġnien magħha bil-piż fuqha li ssir il-Festa tal-Isem Imqaddes ta’ Ġesu’ u tal-Ispirtu s-Santu.
7. Fl-aħħar ordna li dak li jibqa’ mill-beni mħollija, għandhom iservu għall-manteniment tal-Knisja Parrokkjali.

Iż-Żebbuġ igħożż it-tifkira tal-Kappillan Vella
Dun Franġisk kien għaref u qaddis u huwa għallem u rawwam fil-qdusija lill-erwieħ fdati f’idejh bi bżulija u għaqal tas-sema għal aktar minn 54 sena bħala kappillan u fis-snin ta’ qabel bħala Vigarju. Għamel suċċess kbir fil-ħidma tiegħu. Il-knisja hija monument tiegħu u “taż-Żebbuġin ta’ żmienu.”

Il-Kappillan Dun Franġisk Vella miet fis-27 ta’ Ottubru 1743 fl-eta’ ta’ 81 sena. Il-poplu beka t-telfa tiegħu. L-għadam tal-kappillan jinsab fil-kappella tal-Kunċizzjoni taħt lapida b’kitba fuqha magħmula mill-Isqof Fra Pawlu Alpheran de Bussan, Isqof ta’ Malta.

Fis-sena 1988 fl-okkażjoni tat-300 sena mit-twaqqif tal-Parroċċa, il-fdalijiet tiegħu ġew miġbura u mqiegħda f’urna tal-irħam Onice Żebbuġi f’monument imwaqqaf fl-istess kappella tal-Kunċizzjoni fejn għadu jista’ jitwgawda sal-lum.

Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2013
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini