ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Dun Franġisk Manueli u Niesu
miktub minn: Horatio Caesar Roger Vella
Professur tal-Latin u tal-Grieg fl-Università ta’ Malta.
 
~ It-Tieni Parti ~

Is-sena l-oħra tkellimna fuq Dun Franġisku Manueli, il-familja tiegħu u l-antenati tiegħu. Tkellimna wkoll fuq il-familja Manueli fis-seklu ħmistax, mill-1401 sal-1463. F’din il-ħarġa ser inkomplu nħarsu lejn il-familja Manueli mill-1470 sal-1527. F’dan ir-rakkont joħroġ ċar kemm artijiet jissemmew f’konnessjoni ma’ din il-familja, u x’pożizzjonijiet għolja kellha fis-soċjetà Maltija u dik Għawdxija. Fl-aħħar nett, ser nuri kif jien niġi minn Dun Franġisk Manueli, u kif il-kunjom “Manueli” inbidel maż-żmien.


Il-Familja Manueli fis-Sekli Ħmistax u Sittax
11. Antonju Manueli,
li nħatar wieħed minn erba’ Ġurati fl-Università ta’ Għawdex għas-snin 1470-1471, skont digriet li ħareġ minn Palermo fit-23 ta’ Ġunju, 1470, u għas-snin 1473-1474, skont digriet li ħareġ minn Palermo fit-28 ta’ Settembru, 1473.

12. Anġlu Manueli, li kien eżiljat għal sentejn minn Malta u Għawdex talli għajjar u sawwat lil Mikiel Grech minn Għawdex, bin Ilaġja, armla; iżda b’digriet tal-Viċi-Re ta’ Sqallija, tal-20 ta’ April, 1480, minn Palermo, Anġlu Manueli reġa’ tħalla jiġi lura f’artu minħabba l-maħfra li qala’ mill-akkużanti tiegħu, u minħabba l-interċessjoni ta’ membri tal-familja Rjali fi Spanja għan-nom tiegħu. Dan il-każ kien imur lura sas-sena 1475, meta anke n-Nutar Gulielmu Sansone kien akkużat li ma ġabx ruħu meta kien Imħallef fil-Qorti tal-Kaptan ta’ Għawdex. B’riżultat ta’ dak li ġara, Ġwanni Grech, bin ieħor ta’ Ilaġja, miet allegatement b’riżultat tad-daqqiet li qala’. Din l-akkuża fuq l-Imħallef ħarġet minn Katanja b’digriet tat-13 ta’ Mejju, 1475. Tliet snin wara, dan Anġlu Manueli nħatar minn Ferdinandu, Re ta’ Kastilja, Aragona u Sqallija, Kaptan ta’ Għawdex, skont id-digriet li huwa ħareġ f’Polizzi fid-19 ta’ Awwissu, 1483.

13. Ġwanni Luqa Manueli, li nħatar wieħed miż-żewġ Akatapani fl-Università ta’ Għawdex għas-snin 1480-1481, skont digriet li ħareġ minn Palermo fil-25 ta’ Awwissu, 1480.

14. In-Nobbli Anġlu Manueli, li fl-1 ta’ Diċembru, 1486, deher bħala xhud f’kuntratt ta’ qbiela ta’ art imsejħa “Riħana” jew “Taraħan” fl-inħawi ta’ Daħlet Qorrot, minn Beatriċi de Aragona u binha Pawlu lil Nikola Caxaro. F’dik l-istess sena, in-Nobbli Manueli kien xhud fil-Qorti Ċivili ta’ Għawdex f’kawża ppreseduta min-Nutar Ġakbu Zabbara li Katald De Rigio għamel kontra l-Università ta’ Għawdex peress li fortifikazzjonijiet ġodda fiċ-Ċittadella għalqu tieqa fir-residenza tiegħu.

15. Il-Kanonku Neriku Manueli, bin il-mibki [Nobbli] Nutar Anġlu Manueli (ara fil-ħarġa tas-sena l-oħra, nru. 3) u Imperja, u ħu Pinu. Dan kien Kanonku tal-Katidral ta’ Malta u benefiċċjarju tal-prebenda msejħa “Santa Venera” jew “Għar Barka” fl-inħawi ta’ San Bastjan fir-Rabat ta’ Malta. Kien ukoll Rettur ta’ dawn il-prebendi: Ta’ Licata, mogħtija lilu fl-1445, San Bartilmew tat-Torba, Ta’ Ċawla u Il-Wieleġ ta’ Dun Ġorġ. Il-Kanonku Neriku Manueli deher bħala xhud f’kuntratt tal-20 ta’ Ottubru, 1467, fejn Andreotta Navarra, minn Għawdex, kien qiegħed iqabbel għal ħames snin l-artijiet li kellu f’Malta lil Pietru De Cantore, mill-Imdina. L-għada, huwa jidher bħala xhud f’stqarrija li Martin Bugeja, skjav illiberat, għamel, fejn qal li kellu jagħti ħames fjorini lil Ġwanni Vidal, milli-Imdina. Tlett ijiem wara, jiġifieri, fl-24 ta’ Ottubru, 1467, huwa jidher bħala xhud fl-għażla ta’ Rettur ġdid ta’ benefiċċju f’Ħal Kirċipulli, ħdejn San Martin u Ta’ Qali. L-għażla waqgħet f’idejn il-Kjerku Andreotta Saviet, li għalih deher jagħti garanzija Pinu Manueli [ħu l-Kanonku] (ara isfel). Dan il-benefiċċju kien imwaqqaf mill-mibki Pietru De La Barba, u għat-tfal orfni, minorenni u eredi tiegħu, Pawla u Litterju, deher il-kustodju tagħhom, Mattew Manueli (ara fil-ħarġa tas-sena l-oħra, nru. 9). Il-Kanonku Neriku Manueli kellu tifla miżżewġa lil wieħed kunjomu Seychell, u din kellha tifel li ssemma għall-nannuh, il-Kanonku. Lil dan in-neputi, dan il-Kanonku għamillu għotja permezz tal-kuntratt tal-20 ta’ Diċembru, 1486, u oħra li kienet tinkludi dwieli f’Għariexem, ir-Rabat, jew Funtana tar-Rixa, bil-kuntratt tal-5 ta’ April, 1487. Barra dan in-neputi, il-Kanonku Manueli kellu neputi ieħor, din id-darba bin oħtu miżżewġa lil Zullu Sillato, u l-isem ta’ dan in-neputi kien Nikola. Sa din l-epoka, jidher li l-qassisin, għalkemm ta’ Rit Latin minn żmien il-Konti Ruġġieru, baqgħu għal mijiet ta’ snin jipprattikaw ir-Rit Ortodoss, fejn il-qassisin jistgħu jiżżewġu. Fl-20 ta’ Diċembru, 1486, dan il-Kanonku jidher f’kuntratt qed jagħti dar li kellu fl-Imdina, fl-inħawi ta’ Ħaret il-Mwieli, quddiem il-Knisja ta’ Sant’ Agata, lil dan l-aħħar neputi. Imbagħad, fil-5 ta’ April, tas-sena ta’ wara, l-istess Kanonku jidher f’kuntratt ieħor qed jagħti dar oħra f’Ħaret il-Mwieli, it-triq prinċipali, l-Imdina, lill-istess neputi. Din id-dar kellha dawn il-konfini: id-dar tan-Nobbli Anġlu Manueli (ara fil-ħarġa tas-sena l-oħra, nru. 3), is-swar tal-belt, u d-dar ta’ Pawlu Vaccaro. Dan il-Kanonku kien benefiċċjarju ta’ Ġuspatronat imwaqqaf minn Franġisku Licata, u minħabba f’hekk kellu jieħu xi rikompens mis-Sinjura Ġakoba Vaccaro, armla tan-Nobli Lanċea. Dan għamlu b’kuntratt tas-26 ta’ Mejju, 1486. Kien benefiċċjarju wkoll ta’ Ġuspatronat imwaqqaf minn Antonju De Laurerio, mill-Imdina, li kien jikkonsisti f’tliet artijiet, “Ta’ San Pietru” f’Binġemma, Il-Qlejgħa u Wied ir-Ragħax, f’Malta. Fit-28 ta’ Novembru tal-istess sena, huwa għadda bi qbiela permezz ta’ kuntratt artijiet tal-prebenda tiegħu f’Bir it-Twil, jew Tabirtauille, bejn l-Imqabba u l-Qrendi, għal tliet snin lil Nuċju Stagno, minn Ħal Kirkop. Dawn l-artijiet kienu għal xi żmien amministrati minn Orlandu Ellul, kif jidher f’kuntratt ta’ paċifikazzjoni tas-27 ta’ Ġunju, 1487. Il-Kanonku Manueli kellu għalqa oħra qrib l-Imqabba, prebenda oħra tiegħu, kif jidher fil-kuntratt tal-11 ta’ Jannar, 1497. Għalqa oħra kienet tinsab fl-inħawi ta’ Għoxx il-Ħida, il-Pwales, prebenda tiegħu, li mal-Punent tagħha kien hemm għalqa oħra msejħa “Id-Dukkiena ta’ Bonann” li fit-23 ta’ Settembru, 1467, Pietru Feriolo u martu Żuna, minn Malta, biegħu lil Marċjanu Deif minn Ħal Millieri. Għalqa oħra, prebenda tiegħu, imsejħa “L-Irqajja’ tal-Bajjada”, kienet tinsab f’Ħal Millieri, u din kienet tmiss ma’ għalqa min-naħa tal-Punent, li fid-9 ta’ Ottubru, 1467, Wistin Ellul, miż-Żurrieq, biegħ lil Dun Orlandu Tabone. Għalqa oħra tiegħu kienet tinsab f’Dejr Ħandul qrib iż-Żejtun, kif jidher f’kuntratt tas-6 ta’ Marzu, 1488. Ħdejha kien hemm id-dwieli ta’ ħuh, Pinu, li kien ġa miet f’Awwissu, 1487. Fl-istess Dejr Ħandul kien hemm għalqa msejħa “Ġebel l-Isfar”, u proprju ħdejha kien hemm għalqa oħra li fil-kuntratt tal-20 ta’ Jannar, 1495, kienet tgħajjat lil missierhom, in-Nutar Anġlu Manueli. Jista’ ikun li din kienet l-istess għalqa li uliedu kienu jamministraw. Il-Kanonku Manueli imbagħad jidher f’kuntratt tat-23 ta’ Novembru, 1487, ta’ bejgħ ta’ tliet għelieqi, tnejn f’Ħal Tigan, in-naħa t’isfel tal-Kappara lejn il-Gżira, u waħda fl-inħawi ta’ Buskieken, għalqa magħrufa bħala “Ta’ Kostantin” u “Ta’ Qalgħa” f’ “Ta’ Wied Kosta”, bejn il-Lhudi Xalum Ħakem sive Cagliares u Ġilju Balzan. Huwa jerġa’ jidher f’kuntratt tad-9 ta’ Frar, 1495, u ieħor tal-5 ta’ Lulju, 1496.

16. L-Onorabbli Pinu Manueli [ħu l-Kanonku Neriku Manueli], mill-Imdina, li nħatar wieħed miż-żewġ Akatapani fl-Università tal-Imdina għas-snin1462-1463, skont digriet li ħareġ minn Palermo fl-1 ta’ Awwissu, 1462. Fit-23 ta’ Ottubru, 1467, huwa kera dar fl-Imdina għal erba’ snin mingħand Bartilmew De Messina, ukoll mill-Imdina. Fl-10 ta’ Novembru, 1467, Pinu Manueli kien xhud ta’ stqarrija mill-Imħallef Caxaro, li tgħid li l-Kaptan kien qed iżomm fil-ħabs lil Monfron talli nqabad iġorr armi kontra proklamazzjoni pubblika.

17. Il-Kanonku Antonju Manueli, li fit-13 ta’ Jannar, 1494, deher bħala xhud fin-nominazzjoni mill-Ġurat Diegu Zavaglos ta’ Dun Ġilju Lombardo minflok il-Kjerku Nikola Niachor.

18. Bartilmew Manueli. Nafu li dan Bartilmew kellu skjav mill-kuntratt tal-25 ta’ Settembru, 1495.

19. Luqa Manueli, missier Ġwanni u Patri Franġisku (ara isfel).

20. Ġwanni Manueli u ħuh, Patri Franġisku Manueli O.S.A., ulied Luqa, li kien minn Għawdex. F’kuntratt stramb ta’ paċifikazzjoni tas-17 ta’ Ġunju, 1495, jidher li Margerita Dato, bint Ġwanni, kienet qed taħfer lil dawn iż-żewġt aħwa talli qatlu lil missierha. Seta’ kien li l-mewt kien aċċidentali. Lil dan Patri Franġisku, Nella Saliva [=Saliba], armla tan-Nutar Ġakbu, ħalliet fit-testment tagħha tat-18 ta’ Awwissu, 1534, benefiċċju ta’ nofs salma ta’ art bil-kundizzjoni li jqaddes quddiesa fil-kappella ta’ ħuwa, Antonju Platamone, fil-Matriċi ta’ Għawdex. Huwa kien ukoll Rettur ta’ benefiċċju msejjaħ “Ta’ Raff” jew “Rafficano f’Sieq it-Tarġa ħdejn Ta’ Sannat. Huwa kien miżmum li jqaddes quddiesa darba fil-ġimgħa fuq altar li l-istess Antonju Platamone bena fl-istess Matriċi. Kien ukoll benefiċċjarju ta’ post imsejjaħ “Għejjun ta’ Santa Margerita”, u ta’ Ta’ Mwieġ il-Baħar.

21. Lazzru Manueli, li kien il-fundatur tal-benefiċċju msejjaħ “Ta’ Lazzru” fl-inħawi tal-Għasri f’Sieq Tarġa, li minnha kienet tgawdi l-Knisja ta’ San Bartilmew fir-Rabat t’Għawdex, li kienet tagħmel miċ-ċimiterju tal-istess belt.

22. Pawlu Manueli, missier Dun Antonellu (ara isfel).

23. Dun Antonellu Manueli, li kien Viċi-Parroku u li amministra l-magħmudija ta’ Ġovanna Siracusa fit-12 ta’ Mejju, 1561. Kien in-neputi ta’ Kjara, armla ta’ Tuċju Balestrera, mart Ġwanni Garaffa, li fit-testment tagħha tad-19 ta’ Awwissu, 1510, ħalliet benefiċċju lin-neputi tagħha biex jużah biss meta jqaddes. Sa dak iż-żmien, il-benefiċċju kellu jkun f’idejn Dun Anġlu Garaffa. Dan il-benefiċċju kien jikkonsisti f’tmien tomniet ta’ artijiet imsejħa “Wied tal-Ħafura” fl-inħawi tal-Qala. Dun Antonellu kien ukoll Rettur tal-Knisja ta’ Santa Marija tal-Idrija li kienet ħdejn il-Palazz tal-Gvernatur fir-Rabat ta’ Għawdex imwaqqfa minn Antona Navarra, miżżewġa lil ħuh, Anġlu Manueli (ara isfel). Il-benefiċċju ta’ din il-knisja kien jiġi minn art fl-Għasri imsejħa “Ta’ Godla” jew “Ras il-Bajjada”. Fit-28 ta’ Jannar, 1547, Dun Antonellu, qabel ma sar qassis, kien mixli u kkundannat li pprova jistupra lil Ġovanna Calavà, bint il-mibki Lawrenz, u lil ommha. Fid-29 ta’Novembru, 1559, Dun Ġużepp Manduca, Vigarju Ġenerali, ħatru bħala mħallef fil-kawża bejn Dun Leonardu Decace u Antonella Castelletta, armla ta’ Andreotta, dwar għotjiet li saru lill-Matriċi fi żmien żewġja bħala l-Prokuratur tagħha. Kien ukoll benefiċċjarju ta’ art imsejħa “Għoxx in-Naħla Vaccaro” jew “L-Għolja ta’ Merżuq”, ta’ art oħra msejħa “Ta’ Lia”, dik ta’ “Għejjun ta’ Santa Margerita, dik ta’ “Ta’ Żabar” jew “Ta’ Axac”, dik ta’ “Ta’ Beċċuna” jew “Tal-Bitħa” f’Santa Ċeċilja (ara isfel, nru. 22) dik ta’ “Tal-Ħanżira tal-Qala”, dik “Ta’ Imwieġ il-Baħar”, dik “Tal-Mintuf”, dik “Ta’ Lazzru”, dik “Tal-Ponta Sant’ Alessju”, dik “Ta’ Santa Katerina Qabbieża”, dik “Tal-Ħorrieqa” u “Tal-Għadira”, dik “Ta’ San Teodoru tal-Imġarr”, dik “Ta’ Kappara”, dik “Ta’ Dawwara” u dik “Ta’ Għajn Għabdul”. Xi wħud minn dawn għaddew għand Dun Anton Dalli fl-10 ta’ Ottubru, 1570, wara mewtu.

24. Anġlu Manueli-Antona Navarra. Oħt Antona Manueli, Peruna sive Imperja Navarra, miżżewġa lil Nikola Castelletta minn Palermo, kienet omm Ġwanni Castelletta, missier l-Arċipriet tal-Matriċi, Dun Nikola Castelletta, li fil-ħerba ta’ Għawdex fl-1551, ittieħed fl-iskjavitù mit-Torok minn fejn ma reġax ġie lura. Lilu, fit-testment tagħha tas-7 ta’ Marzu, 1515, Antona ħallietlu benefiċċju bl-art f’Ta’ Godla, jew Ta’ Godlien, jew ta’ Cudele, limiti tar-Rabat t’Għawdex u ta’ Għammar. Ħu Antona kien Ugolin Navarra, li lilu Antona tat sehemha mill-ġnien imsejjaħ “Ta’ Ġnien Musfar”, f’Għawdex, fil-Qala. Din Antona kienet bniet il-Knisja ta’ Santa Marija tal-Idrija, jiġifieri, Santa Marija “Hodegetria”, Madonna tat-Triq, fir-Rabat, ħdejn il-palazz tal-Gvernatur. Lil din il-knisja, fit-2 ta’ Marzu, 1514, Antona Manueli ħalliet maħżen fuq wara tal-knisja, kif ukoll għalqa Tal-Kadus, jew Ta’ Qadus, jew Ta’ Cadus, jew Talgadus, jew Talcalus, imsemmi wkoll “Ta’ Beċċuna” u “Tal-Bitħa (ara isfel, nru. 25), fl-inħawi tax-Xarqi f’Għawdex, in-naħa tal-Qala, f’post jismu “Sant’ Iermu” jew “Tal-Bitħa”. Ir-raġel tagħha, Anġlu, kien igawdi minn benefiċċju li kien iġib l-istess isem. Huwa kien igawdi wkoll minn benefiċċju ġa msemmi fuq, dak Ta’ Kappara jew Ta’ Lazzru jew Sieq Tarġa. L-art Ta’ Godla, li fiha nbiet il-Knisja Parrokkjali tal-Għasri, kienet benefiċċju ta’ Dun Lawrenz Chircop minn Ħal Kirkop u, iktar tard, tal-Isqof Salvu Gaffiero minn Senglea. Fi żmien l-Isqof Gaffiero, omm Ġorġ Galea, mill-Għasri, bennej u benefattur tal-Knisja Parrokkjali, kellha l-qbiela f’idejha. Fi żmien Dun Lawrenz, din l-għalqa kellha tmiss magħha min-naħa tal-Lvant triq pubblika, sal-ġurnata tal-lum, proprjetà ta’ Bernardu Macedonia min-naħa ta’ Nofsinhar, illum parti mill-pjazza, fetħa min-naħa tal-Punent, u proprjetà ta’ Matteolu Zahra min-naħa tat-Tramuntana. Fil-bidu nett, fiha kien hemm mibnija l-Knisja ta’ San Lawrenz, Martri, mibnija minn Franġisku Palmier. Il-benefiċċju kien twaqqaf mill-Viċi-Re ta’ Spanja f’Sqallija fl-1488.

25. Pawlu Manueli, bin Antona (ara 24, fuq), li lilha ħalliha eredi universali tat-testment tiegħu tat-8 ta’ Ottubru, 1497, skont l-Atti tan-Nutar Ġakbu Saliba. Fih ħalla nofs indiviż tal-art imsejħa “Il-Kappara” f’Għawdex, fl-inħawi Ta’ Ġordan, l-Għasri u Wied il-Mielaħ, bħala benefiċċju msejjaħ “Ta’ Dwejra, Għajn Habdun”, lil Dun Lanċea Apap, li lilu ħatar bħala l-ewwel Rettur, u kjerċi oħra tal-familja tiegħu. Dan il-benefiċċju kien imwaqqaf miz-ziju tiegħu, Dun Antonju, li ħatar lill-istess Pawlu l-ewwel Rettur ta’ dak il-benefiċċju, benefiċċju li kellha tgawdi minnu l-Knisja ta’ San Bartilmew fiċ-ċimiterju tar-Rabat ta’ Għawdex, ħdejn il-Monasteru ta’ Santu Wistin, riferuta wkoll bħala dik ta’ Santa Marija, li Pawlu Manueli kellu jwaqqaf. Jidher minn dan li Pawlu Manueli kien b’xi mod jiġi minn Lazzru Manueli (ara fuq, nru. 21). L-istess Pawlu Manueli nsibuh iżżewweġ li Pawla (ara isfel fl-istess paragrafu), imsemmija wkoll Lawrenza Pontremoli, bint Federiku u Franġiska Pontremoli, fl-1478. Din tal-aħħar ħalliet dar fl-1515 għall-istess Knisja ta’ San Bartilmew, li d-dħul tagħha kien jiġi proprju mill-frott tal-għalqa msejħa “Il-Kappara”, kif ukoll, fit-testment tagħha tad-19 ta’ Ottubru, tal-istess sena, lil uliedha, Ponzju, Gulielmu u Ġwanni, tliet barrin tal-ħart u maħżen bil-kundizzoni li jżommu t-tradizzjoni li jagħtu ikel lil kull min jattendi l-festa fil-Knisja ta’ Santa Marija mibnija mill-mibki raġel tagħha f’Sieq Tarġa, f’Wied l-Għasri, imsejjaħ wkoll proprju “De Manuele” jew “Sattargi”. Fit-testment tagħha tat-30 ta’ Ottubru, 1514, Margerita Falzon, mart Tumas, ħalliet li ommha, Fata Manueli, u lir-raġel tagħha bħala eredi universali, u ħalliet benefiċċju li minnu kellu jgawdi d-dixxendenti tal-Onorabbli Pawlu Manueli, kuġinuha, li jkunu qassisin u li jġibu l-kunjom ta’ “Manueli”.

26. In-Nobbli Ponzju Manueli [bin Pawlu, fuq], li kien imsemmi fil-benefiċċji Ta’ Kappara, jew Ta’ San Lazzru jew Ta’ Lazzru (ara fuq, nri. 21-23), kif ukoll f’dak Ta’Beċċuna jew Ta’ Bitħa fl-inħawi ta’ Santa Ċeċilja, u f’dak ta’ Santa Marija tal-Qala.

27. In-Nobbli Gulielmu Manueli [bin Pawlu, fuq], li kellu proprjetà f’Sieq Tarġa (ara fuq, nri. 22-24, u isfel, nri. 30-32) tmiss ma’ għalqa ta’ Mattew Rapa, li fit-testment tiegħu tal-11 ta’ Settembru, 1540, ħallieha lill-istess Knisja tat-Twelid ta’ Marija Verġni, mibnija minnu stess fit-triq li kienet tieħu lejn ix-Xewkija.

28. Il-Kanonku Ġwanni Manueli, bin Pawlu, ħu Ġojjella, miżżewġa lil Ġwanni Franġisku Platamone, qaddes f’Oppido f’Kalabrija fid-19 ta’ Marzu, 1580. Beda x-xogħol pastorali tiegħu fil-Matriċi ta’ Għawdex, fejn spiċċa ħażin fir-relazzjoni tiegħu ma’ qassisin oħra. Fit-2 ta’ Mejju, 1582, insibuh Kurat fin-Naxxar, u f’Jannar tal-1584, nħatar Kurat ta’ Ħal Qormi. Fl-1586, inħatar Kurat u, wara, Kappillan, tal-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta, fejn dam sal-aħħar ta’ Jannar, 1591, f’liema perjodu ra tinbena l-knisja. Sa Settembru, 1592, inħatar Kanonku tal-Katidral, fejn kellu dħul mill-art imsejħa “Ta’ Vagna”, u fejn kellu diversi ħatriet. Fl-istess sena nħatar Ekonomu tal-Kamra tal-Isqof u Pro-Vigarju tal-Imdina. F’Għawdex, il-Kanonku Manueli kellu żewġ proprjetajiet li kienu jmissu ma’ għalqa b’dielja u siġar fiha min-naħa tat-Tramuntana u tal-Lvant li kienet ta’ Margerita Saliva, armla ta’ Franġisku Santoro u mart Leonardu, li fit-testment tagħha tal-20 ta’ Marzu, 1543, ħallietha lil Pawlina, tifla adottata minn Mazullu Apap. Huwa miet fit-18 ta’ Jannar, 1629, u ndifen fil-katidral.

29. Dun Vitor Manueli, li fl-1535 ġie minn Trapani fi Sqallija biex jpinġi antifoneru tal-quddiesa ta’ San Pawl għall-Katidral ta’ Malta, xogħol li baqa’ sejjer bih sal-1537. Il-Katidral ħallsu ta’ xogħolu kif ukoll tal-kera tar-residenza tiegħu fl-Imdina.

30. Kjerku Pietru Manueli, li kien Rettur ta’ benefiċċju msejjaħ “Ta’ Fgura” jew “Ta’ Dbieġi” jew “Ħabel tal-Lampa”. Kien ukoll Rettur ta’ San Pawl taċ-Ċimiterju. Huwa ħa t-tonsura fl-20 ta’ Mejju, 1581.

31. Kjerku Ġwanni Manueli, li kien użufrutwarju ta’ benefikat imħolli minn Dun Antonellu Manueli (ara fuq, nru. 21), x’aktarx zijuh, li, peress li meta kien għadu mhux Kjerku, il-frott tiegħu kien qed jieħdu Dun Leonardu Dalli. Ulied il-Kjerku Ġwanni Manueli, Franġisku, l-antenat tiegħi, u ħuh Mattew (ara isfel, nru. 31), għamlu rikors għand Monsinjur Pietru Dusina fl-1575 biex dak il-benefikat jieħdu lura missierhom, issa li kien sar Kjerku. Dan il-benefikat kien jikkonsisti f’ħames għelieqi msejħa “Sieq Tarġa” (ara fuq, nri. 22-24, 26, u isfel, nri. 31 u 32), “il-Kappara” (ara fuq, nri. 21-25), “Ta’ Elja”, “Ta’ Melfur” u “Talmelchione”.

32. Mattew Manueli, li fid-19 ta’ Frar, 1527, għamel testament fid-dar ta’ ibnu Antonellu f’Ħarit il-Ħamiem, f’Għawdex, triq fiċ-Ċittadella t’Għawdex. F’dan it-testment, Mattew Manueli jħalli għalqa fl-inħawi ta’ Sieq Tarġa (ara fuq, nri. 22-24 u 26), li kienet tmiss ma’ artijiet oħra tiegħu u ma’ dik ta’ Mattew Santoro, lill-Knisja tat-Twelid ta’ Marija Verġni li kienet tinsab fl-istess inħawi, li Mattew innifsu kien bena mill-ġdid ħafna snin qabel. F’dan it-testment, Mattew Manueli ħalla bħala eredi universali lill-istess ibnu Antonellu, imma taħt ċertu kundizzjonijiet.

33. Franġisku Manueli (antenat tiegħi: ara l-ħarġa tas-sena l-oħra), ħu Mattew (nru. 31), li flimkien miegħu kien benefiċċjarju ta’ Ġuspatronat imsemmi “Ta’ Lazzru” fl-inħawi tal-Għasri, jew “Sieq Tarġa”, ukoll fl-inħawi ta’ Wied il-Mielaħ, magħruf ukoll bħala “Qabar tal-Ganza” u “Qala tal-Ħanżira”. Fis-6 ta’ Mejju, 1510, huwa nħatar Ko-Rettur ma’ Gulielmu Chinzi u Lawrenz (jew Bartilmew) Saliba ta’ benefiċċju msejjaħ “L-Għejjun ta’ Santa Margerita” f’Għawdex”. Kien probabbilment għal dan Franġisku li Monsinjur Dusina rrefera fil-viżta tiegħu fl-1575 meta qal li dan Franġisku, il-bużbużnannu ta’ Dun Franġisk, bena l-Knisja f’Tal-Ħġieri, limiti tal-Għasri, iddedikata lit-Twelid tal-Verġni Marija, kien Rettur tagħha, ħalla flus biex issir quddiesa kull sena fil-festa tagħha u għammarha b’kull ma kien meħtieġ. Kif rajna fil-ħarġa l-oħra, l-għalqa “Tal-Ħġieri” u oħrajn kienu kkontestati mill-familja ta’ Dun Franġisk u d-dixxendenti tagħhom.

Minn dan ta’ fuq, wieħed jinnota li xi wħud minn tal-bidu kienu jiġu minn xulxin, x’aktarx aħwa, peress li dawn, Anġlu (3), Pietru (4), Antonju (7) u Ġwanni (8) kollha kellhom il-kunjom “Mullica”, barra dak ta’ “Manueli”. “Mullica” hija distorzjoni Siċiljana jew Maltija ta’ “Mollica”, isem li dak iż-żmien kien għadu jintuża bħala terminu Latin għal “Modica” tal-lum fi Sqallija. Dan ifisser li l-familja setgħet ġiet minn Modica u baqgħet, għal xi żmien, tiġi riferuta skont il-post minn fejn ġiet. Eżempji bħal dan insibu bosta kunjomijiet Maltin skont bliet fl-Italja u Sqallija, bħal Trapani, Catania, Siracusa, Montebello, Messina, Napolitano, Rogitano, Milanese u oħrajn.

Wieħed jinnota wkoll l-istima li setgħu kellhom membri tal-familja Manueli kemm f’Malta u kemm f’Għawdex għall-fatt li fosthom kien hemm diversi Nobbli, bħal Mattew (9), Anġlu (14), Anġlu ieħor (24), Pawlu (25), Ponzju (26) u Gulielmu (27). Fil-każ ta’ Anġlu Manueli (24), dan kien imħallat mal-familji Navarra u Castelletta, familji Nobbli magħrufin sew kemm f’Malta u kemm f’Għawdex. Oħrajn kienu Kanonċi (Neriku {15}, Antonju {17}, u Ġwanni {27}), qassisin (Antonellu {ara iktar ’l fuq {23}), Patrijiet (Franġisku {20}) u Kjerċi (Pietru {30} u Ġwanni {31}). Imma fil-biċċa l-kbira tagħhom, dawn kienu mdaħħlin sew fl-Università tal-Imdina jew t’Għawdex, jekk mhux ukoll fit-tnejn (Anġlu {3}), bħala Mħallfin, Nutara, Ġurati u Akatapani.

Din l-iskema tiġbor fiha dan it-tagħrif kif ġej:
* Nikola Manueli (1) (1401) (Għawdex)
* Pawlu Manueli (2) (1402) (Għawdex)
* L-Imħallef Nutar Anġlu Manueli (3) (1423) (Għawdex u Malta)
* Pietru Manueli (4) (1432) (Għawdex)
* Rajnerju Manueli (5) (1442) (Malta)
* Federiku Manueli (6) (1444) (Għawdex)
* Antonju Manueli (7) (1444) (Għawdex)
* L-Imħallef Ġwanni Manueli (8) (1446) (Għawdex)
* In-Nobbli Mħallef Nutar Mattew Manueli-Manna (9) (1452) (Malta)
* Leonardu Manueli (10) (1462) (Għawdex)
* Antonju Manueli (11) (1470) (Għawdex)
* Anġlu Manueli (12) (1480) (Għawdex)
* Ġwanni Luqa Manueli (13) (1480) (Għawdex)
* In-Nobbli Anġlu Manueli-Imperia (14) (1486) (Malta)
* Can. Neriku Manueli (15) (1467) 
        ~ Bintu Manueli-Seychell (1486)
              - Neriku Seychell
      ~ On.
Pinu Manueli (16) (1462)
      ~ ħu X-Zullu Sillato (1486)
              - Nikola Sillato
* Il-Kanonku Antonju Manueli (17) (1494) (Malta)
* Bartilmew Manueli (18) (1495) (Malta)
* Luqa Manueli (19) (Għawdex)
      ~ Ġwanni Manueli (1495)
      ~ Patri. Franġisku Manueli O.S.A. (20) (1495)
* Lazzru Manueli (21)
* Pawlu Manueli (22) ħu Kjara Manueli-Tuċinu sive Pawlu Balestrera (Għawdex)-Ġwanni Garaffa
      ~ Dun Antonellu Manueli (23) (1510)
      ~ Indrì Navarra-Pawla Pontremoli
     ~ Anġlu Manueli-Antona Navarra (24) (1454) (Għawdex) oħt Imperja sive Peruna Navarra-Nikola Castelletta (Palermo)
      ~ oħt
               - Ugolinu Navarra
               - Dun Ġwanni Nikola Castelletta (1485)
* X ħu Fata Manueli-Y
      ~ Pawla (1515)-On. Pawlu Manueli (25) (1497) kuġin ta’ Margerita-Tumas Falzon (1514)
               - Ponzju (26)
               - Gulielmu (27) (1540)
               - Kanonku Ġwanni (28) (1543)
               - Ġojjella-Ġ. Franġ. Platamone
* Dun Vitor Manueli (29) (1535)
* Kjerku Pietru Manueli (30) (1586)
* Il-Kjerku Ġwanni Manueli (31)
      ~ Mattew Manueli (32) (1527) (Għawdex)
               - Antonellu Manueli
      ~ ħu Franġisku Manueli (33) (1527) (Għawdex)
               - Ġulju Manueli-Katerina
                         > Ġwanni Pawlu-Marija Bigeni
                         > Ġwanni Marija-Alberta Mercieca
                         > Dun Franġisku Manueli
               - Ġwanni
               - Antonju-Katerinella

Kif l-Awtur jiġi minn Dun Franġisk Manueli
L-interess tiegħi fil-familja Manueli ġej mill-fatt li jiena niġi minn Dun Franġisku Manueli b’dan il-mod:
* Il-Kjerku Ġwanni Manueli (ċ.1535)
* Franġisku Manueli-Marjanna (ċ.1565) ħu Mattew
* Ġulju Manueli-Katerina (ċ. 1600) ħu Ġ. Antonju u Katerinella
* Ġ. Pawlu Manueli-Marija Bigeni (1649) (Matriċi, Għawdex)
* Ġ. Marija Manueli-Alberta Mercieca (1687) (Żebbuġ, Għawdex)
* Duminka Genovese- Mikiel Manueli (1728) (iż-Żejtun) ħu Dun Franġisku Manueli
* Tereża Camilleri- Wiġi Manueli (1754) (iż-Żejtun) ħu Lawrenz-Marija Zahra u Ġakbu-Katerina Spagnol
* Katerina Borg- Natali Manueli (1777) (iż-Żejtun) ħu Katerina u Pietru
* Anna Xuereb- Filippu Manueli (1811) (iż-Żejtun)
* Lawrenzja Cachia- Lawrenz Manueli (1834) (iż-Żejtun) ħu Ġużeppi
* Ġwanni Vella- M. Karmela Manueli (1854) (iż-Żejtun)
* Marija Spiteri-Ġużeppi Vella (1882) (iż-Żejtun) ħu Dun Karm Vella Manueli
* Konċetta Attard-Ġ. Battista Vella (1909) (iż-Żejtun)
         ~ Tessie Bartolo-Frank Vella (1944) (Sacro Cuor, Tas-Sliema)
* Vivienne Caruana-Prof. Horatio Vella (1993) (Ħal Kirkop / Żebbuġ, Għawdex)
         ~ Jerome Vella (twieled 1994)

Barra l-fatt li l-familja Manueli tiġi minn missieri, hija tiġi minn ommi b’dan il-mod:
* Il-Kjerku Ġwanni Manueli (ċ.1535)
* Franġisku Manueli-Marjanna (ċ.1565)
* Ġulju Manueli-Katerina (ċ. 1600)
* Ġ. Pawlu Manueli-Marija Bigeni (1649) (Matriċi, Għawdex)
* Indrì Manueli-Kjara Mizzi (1688) (Matriċi, Għawdex)
* Romana Manueli-Franġisku Camilleri (1733) (Żebbuġ)
         ~ Anna Camilleri-Rożarju Zammit (1779) (Għarb)
               - Ġwanni Marija Zammit-Koronata Caruana (1809) (Għarb)
               - Marija Zammit-Salvu Spiteri (1831) (San Pawl, Valletta)
                         > Ġwanni Spiteri-Filomena Scerri (1863) (B’Kara)
                         > M.Anna Spiteri-Ruġġieru Bartolo (1902) (Ħamrun)
        ~ Ġużeppi Bartolo-Marija Attard (1922) (Sacro Cuor, Tas-Sliema)
        ~ Tereża Bartolo-Frank Vella (1944) (Sacro Cuor, Tas-Sliema)
               - Horatio Vella-Vivienne Caruana (1993) (Ħal Kirkop/Żebbuġ)
                         > Jerome Vella

Il-Kunjom Manueli
Il-kunjom Manueli ġieli kont issibu miktub ukoll bħala “Manuele”, jew “Emanueli”, jew “Emanuele” jew D’Emanuele. Bejn l-1554 u l-1628, jiġifieri, fl-ewwel reġistru t’Għawdex, insibu tnax-il varjant ta’ dan il-kunjom, li huma ħafna. Dawn kienu kif ġej: De’ Manueli (1554), De Manuele (1555), Demanuele (1559), Manueli (1562), De Manuelle (1565), De Manueli (1566), Di Manueli (1571), Di Manuele (1571), De Manuel (1579), Manuelis (1580), Emmanuel (1592) u Emanuel (1592). Bla dubju, l-aktar forma komuni kienet dik ta’ “Manueli”. F’xi postijiet, wara ħafna snin, bħal fiż-Żurrieq, l-istess kunjom “Manueli” insibuh mibdul f’“Demanuele”. Dan ifisser li r-razza ta’ Manueli għadha teżisti sallum. Fiż-Żejtun, l-aħħar darba li niltaqgħu mal-kunjom Manueli hu meta tissemma l-bużbużnanna tiegħi, Marija Karmela Manueli, kif jidher fuq. Forsi li għalhekk li z-ziju tan-nannu tiegħi, Dun Karm Vella, biex dak il-kunjom ma jintiliefx, beda jġib ismu bħala “Dun Karm Vella Manueli”. Kieku l-bużnannu għamel bħalu, kieku jien kont ngħid li jisimni “Horatio Vella Manueli”, bin denju taż-Żebbuġ t’Għawdex.

Jinkiteb kif jinkiteb, la Manueli u lanqas Demanuele ma għadhom jeżistu fiż-Żebbuġ t’Għawdex, u ilhom li nqatgħu ħafna snin. L-aħħar darba li dan il-kunjom issemma kien fit-23 ta’ Ġunju, 1813, meta Ġużeppi Manueli, bin Ġwanni Marija u Liberata Agius, iżżewweġ li Grazzja Camilleri, bint Mikiel u Marija Apap, fil-Knisja Parrokkjali taż-Żebbuġ. Madankollu, ulied ir-razza ta’ Manueli għadhom jeżistu fiż-Żebbuġ, imma taħt kunjomijiet oħra, bħal kunjomi, Vella, kif urejt fuq, u kunjom ħafna minnkom bla ma tafu, kif għad nuri f’okkażżjoni oħra ’il quddiem.

Postscriptum
Dawn id-dokumenti antikissimi jirreferu wkoll għal diversi artijiet fl-Għasri. Jingħad li sa ċertu żmien fis-seklu sbatax, l-Għawdxin kienu jorqdu fir-Rabat minħabba l-attakki li setgħu jsiru fuqhom mill-kursari u l-Misilmin. Imma li tibni knisja qalb l-għelieqi, tista’ tgħid fid-diżabitat, tassumi xi abitazzjoni li, għalkemm żgħira, kienet tista’ tiżgura l-ħarsien tagħha. Nafu li quddies fihom kien limitat għall-okkażżjoni tal-festa tat-titular tagħhom. Jiena m’għandix dubju li kien hemm xi abitanti fl-Għasri meta kienu mibnija żewġ knejjes li Dusina (1575) jirreferi għalihom. Nafu li l-familja Manueli bniet waħda minnhom, kif wkoll li d-dixxendenti tagħha għal bosta ġenerazzjonijiet baqgħu jirtu għeliewi fl-inħawi tal-Għasri. Fin-nuqqas ta’ status animarum ta’ dik l-epoka, huwa impossibbli tgħid fejn kienet eżatt ir-residenza permanenti ta’ din il-familja. Nafu biss li d-dixxendenti tagħha baqgħu ż-Żebbuġ jew iżżewġu ma’ Żebbuġin, li Dun Franġisk Manueli kellu rabta mal-Knisja tal-Patroċinju fl-Għasri, u li għal żmien twil, għal skopijiet ċivili (eż. ċensimenti, edukazzjoni u l-bqija) u pastorali, l-Għasri kien magħdud maż-Żebbuġ. Ħarsa lejn il-kunjomijiet preżenti fir-reġistri tal-Għasri teskludi l-konklużjoni li l-Għasri u ż-Żebbuġ kien poplu wieħed: dan għaliex l-Għasri kellu influss mill-Għarb ukoll. Li Ġwanni Marija Manueli, “il-furnar”, iżżewweġ lil Anġelika Cassar mill-Għarb seta’ jindika li kien jgħix fl-eqreb raħal tal-Għarb. Ma kelli ebda pretensjoni li “nisraq” mill-ġieh tal-poplu tal-Għasri li jien nirrispetta. Waqt li wieħed ma jankrax ma premissi mhux iffundati, it-tfittix ikompli.

Referenzi
Agius De Soldanis, Ġ.P.F. (c. 1760). Il Gozo antico e modern sacro e profane. Traduttur Ġ. Farrugia Gioioso, Għawdex bil-ġrajja tiegħu, f’żewġ volumi. Malta, 1936 / 1953. Edizzjoni ġdida mill-Fondazzjoni Belt Vittorja, 1999.

Aquilina, G. u S. Fiorini edi. (2001). Documentary sources of Maltese history. Part IV. Documents at the Vatican. No. 1: Archivio Segreto Vaticano. Congregazione Vescovi e Regolari. No. 51. Mgr Petrus Dusina, 1575: Malta: Visita Apostolica. Malta, Malta University Press.

Borg, V. (2008). Melita sacra I: The Maltese Diocese and the Sicilian environment from the Norman Period till 1500 A.D. Malta, A.P.S. Bank.

Borg, V. (2009). Melita sacra II: The Maltese Diocese during the sixteenth century. Malta, A.P.S. Bank.

Busuttil, J. and S. Fiorini edi. (2006). Documentary sources of Maltese History. Part V: Documents in the Curia of the Archbishop of Malta. No. 1: The Registrum fundationum beneficiorum Insulae Gaudisii: 1435-1545. Malta, Malta University Press.

Cassar, K. Il-pittura f’Ħal Kirkop. F’H.C.R. Vella ed., Ħal Kirkop u l-inħawi ta’ madwaru. Vol. II. Malta, Publishers Enterprises Group (P.E.G.) Ltd, 286-320.

Fiorini, S. ed. (1996). Documentary sources of Maltese History. Part I: Notarial documents. No. 1: Notary Giacomo Zabbara. R494/1 (I): 1486-1488. Malta, University of Malta.

Fiorini, S. ed. (1999). Documentary sources of Maltese History. Part I: Notarial documents. No. 2: Notary Giacomo Zabbara. R494/1 (II-IV): 1494-1497. Malta, Malta University Press.

Fiorini, S. ed. (2005). Documentary sources of Maltese History. Part I: Notarial documents. No. 3: Notary Paulo Bonello. Ms. 588: 1467-1517. Notary Giacomo Zabbara. Ms. 1132: 1471-1500. Malta, Malta University Press.

Fiorini, S. ed. (2007). Documentary sources of Maltese History. Part II: Documents in the State Archives, Palermo. No. 3: Cancelleria regia: 1460-1485. Malta, Malta University Press.

Vella, H.C.R. (2003). A Catalogue of Books, Manuscripts and other Items found at the Archives of the Cathedral in Gozo completed in May, 2003. Vol. I-II. Għawdex, Kapitlu tal-Katidral.

Vella, H.C.R. (2008). Żewġ iskrizzjonijiet antiki f’Ħal Kirkop. 1726 /1754. F’H.C.R. Vella ed., Ħal Kirkop u l-inħawi ta’ madwaru. Vol. II, Malta, Publishers Enterprises Group (P.E.G.) Ltd, 260-266.

Vella, H.C.R. (2010). The earliest Church register in Gozo: 1554-1628. Malta.

Vella, H.C.R. (2012a). “Dun Franġisk Manueli u niesu”, L-Għolja taż-Żebbuġ 70 (2012), 29-35.

Vella, H.C.R. (2012b). Katalgu tal-Arkivju tal-Knisja Kolleġġjata ta’ Birkirkara. Malta (fil-proċess li jitlesta).

Wettinger, G. (2000). Place-names of the Maltese Islands. Ca. 1300-1800. Malta, Publishers Enterprises Group (PEG) Ltd.

Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2013
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini