ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Qabar Li Jarmi L-Fwieħa
  Omelija fil-Festa ta’ Santa Marija, iż-Żebbuġ.

Meta qegħdin niċċelebraw il-Festa tal-Assunta, għajnejja bħal jaqgħu fuq il-qabar tal-Madonna li hemm fil-kwadru titulari. Mhix ħaġa mill-isbaħ li f’jum ta’ ċelebrazzjoni l-qabar jisirqilna l-attenzjoni, għax il-qabar inissel fina diqa u biża’. Meta kont tfajjel, fil-parroċċa tiegħi kienu għadhom jidfnu fil-kannierja li hemm taħt il-knisja parrokkjali – kannierja li għandha twieqi jagħtu fuq iz-zuntier. Għalhekk, ta’ tifel li kont, xħin kont ngħaddi minn hemm, partikularment filgħaxijiet, kont inħaffef il-pass. Imma naħseb li mhux it-tfal biss jibżgħu mill-qabar, imma anki aħna l-kbar. Ma naħsibx li għandna xi entużjażmu biex inżuru ċ-ċimiterji! Imma dalgħodu, f’din is-Solennità, il-Knisja tistedinna biex nitfgħu ħarsitna fuq qabar!

Il-qabar ifisser firda. Normalment ninġabru madwar il-qabar meta niġu biex nagħtu l-aħħar tislima lil xi ħadd għażiż għalina. Żjara liċ-ċimiterju tqajmilna ħafna memorji għeżież u nħossu għafsa ta’ qalb meta niftakru f’dawk li ma għadhomx magħna. Ħadd ma jixtieq li jkun preżenti xħin jinfetaħ il-qabar – ħafna drabi nibagħtu lil ħaddieħor jagħmel dan ix-xogħol għax meta jinfetaħ qabar jinfetħu feriti profondi! Il-qabar ifakkarna fit-tħassir! Il-qabar ifakkarna fil-mard li ħafna drabi jgħakkes lill-bniedem sakemm iniżżlu fil-ħofra. Il-qabar jaf iqajjem ċerti rimorsi għax niftakru f’xi azzjoni ħażina li jew inkunu rċivejna mill-mejjet jew aħna stess inkunu għamilnielu! Illum kieku nixtiequ nirranġaw, imma l-mejjet mal-mejjet!

Fi kliem ieħor il-qabar iġibilna s-sens tal-limitu: nintebħu li aħna bnedmin u għalhekk għandna l-limitazzjonijiet tagħna u, nafu kemm nafu, għandna ġid kemm għandna, xi mkien ser neħlu! Il-qabar jikxef kemm aħna vulnerabbli – kemm ma niswew xejn! Min minna f’waqt jew ieħor ta’ ħajtu ma jintebaħx kemm nixxellfu mix-xejn? Meta persuna tibda tmajna u jibdew jonqsulha l-ħiliet, nużaw espressjoni ftit goffa: ngħidu li diġà għandha sieqha fil-qabar. U xi drabi mhux sieq waħda jkollna fil-qabar, imma anki riġlejna t-tnejn, jekk mhux kollna kemm aħna. B’dan inkunu rridu nfissru li wieħed ikun wasal fit-tmiem.

Meta nerġa’ nħares lejn il-kwadru titulari li jsebbaħ dan is-Santwarju u nilmaħ lill-Appostli madwar il-qabar ta’ Marija, nistaqsi x’sentimenti setgħu għaddew minn qalbhom f’dawk il-mumenti. Żgur li qabżulhom xi demgħat, għax Marija kienet tħobbhom u kienet ta’ min iħobbha. Żgur li l-Appostli issa ħassewhom iltiema għalkollox: l-ewwel tilfu lill-Imgħallem u issa tilfu lil “Ommhom”. Filwaqt li fetħu l-qabar biex jidfnu lil Marija, reġgħu raw jingħalaq għalihom il-ġejjieni! X’ser jagħmlu mingħajr il-wens u l-parir it-tajjeb ta’ Marija? Dawn huma xi ftit mill-ħsus li kienu f’qalb l-Appostli madwar il-qabar – huma l-istess sentimenti li jinbtu f’qalbna meta aħna wkoll nagħmlu esperjenza mill-qrib tal-qabar – b’qabar qed nifhem mhux biss il-post fiżiku td-difna, imma dak kollu li jtaqqlilna qalbna, jaqtgħalna n-nifs u jitfilna t-tama fil-ħajja. Kull wieħed u waħda minna jgħaddi minn dawn il-mumenti ibsin. Ikun hemm waqtiet fejn tegħja meta tara l-ħajja dejjem għat-telgħa, ma tkunx tiflaħ tara l-affarijiet dejjem ġejjin kontra tiegħek, ma tkunx taf x’taqbad tagħmel biex tirbaħ id-dlam tal-ħajja! Xi drabi bħalha jkollok tibda temmen li l-ħażen isaltan dejjem! Fi kliem ieħor, meta jisirqulna t-tama.

Bħalissa minħabba l-pandemija ma aħniex f’qagħda sabiħa. Ħassieb Franċiż, Edgar Morin, jitkellem fuq “polikriżi” – kriżi f’kollox. Għandna kriżi bijoloġika mhux biss għaliex il-virus huwa theddida għas-saħħa tal-ġisem, imma għax intbaħna li x-xjenza għandha l-limitazzjonijiet tagħha. Minħabba l-pandemija jaf ikun hawn kriżi ekonomika serja – aħna għall-grazzja tal-ħanin Alla għad ma kellniex konsegwenzi gravi f’dan ir-rigward. Għalhekk huwa żmien li joqtlilna t-tamiet tagħna.

F’dan il-kuntest nixtieq nagħtikom il-bxara t-tajba: li aħna għandna d-dritt li nittamaw minkejja li madwarna hawn riħa ta’ qabar. Fir-rumanz I promessi sposi, Dun Abbondju jagħmel affermazzjoni qawwija meta jgħid li ħadd ma jista’ jagħti l-kuraġġ lilu nnifsu – il-kuraġġ jagħtihula ħaddieħor. Dan huwa minnu għax meta nkunu mal-art ma jkollniex saħħa nqumu fuq riġlejna imma jkollna bżonn ta’ ħaddieħor li jagħmlilna l-qalb biex nerġgħu nieqfu fuq riġlejna. Għalhekk il-kuraġġ huwa don li jaslilna mingħand ħaddieħor. Aħna li nħaddnu t-twemmin Nisrani, nirċievu dan id-don mingħand Kristu li qam mill-mewt: “Kristu huwa t-tama tagħna” (1 Tim 1:1). Il-qabar ta’ Ġesù huwa qabar vojt. Minn qabru ma joħorġux irwejjaħ jintnu imma l-fwieħa, għax mhux qabar tal-mewt imma qabar tal-ħajja. Allaħares tgħib minn quddiem għajnejna l-verità li Kristu qam mill-mewt. Huwa għalhekk li l-Papa Franġisku jgħidilna li Kristu jagħtina d-dritt li nittamaw kontra kull tama. Anki jekk naraw id-dinja tinqaleb, aħna l-Kristjani ma nistgħux ma jkollniex ħażna ta’ kuraġġ u tama. Inkomplu nkebbsu f’qalbna ċ-ċertezza li Alla jaf jibdel kollox għat-tajjeb u saħansitra joħroġ il-ħajja mill-qabar. Anki jekk it-tama ntradmet taħt it-terrapien tal-ħajja, ma nċedux għax Alla huwa kbir.

Il-Festa ta’ Santa Marija tfakkarna f’din il-verità – hija proklamazzjoni mill-ġdid tat-tama Nisranija. Għax għalkemm Marija tqiegħdet fil-qabar, hija ġiet imtellgħa bir-ruħ u l-ġisem fis-sema. Il-qabar tagħha huwa wieħed vojt u tellief. Fl-istorja ta’ Marija l-qabar mhux l-aħħar kelma għax hija tieħu sehem mir-rebħa ta’ Binha fuq il-mewt – il-bnedmin “ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu: jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu” (1 Kor 20:22-23). L-ewwel fost “dawk li huma ta’ Kristu” hemm Ommu l-għażiża. Għalhekk f’din l-atmosfera ta’ qtigħ il-qalb, il-Festa ta’ Santa Marija għandha timliena bil-kuraġġ u ssaħħaħna fit-tama.

Fost it-talb sabiħ li ngħidu lill-Madonna hemm is-Salve Regina fejn lil Marija ngħidulha: “Sliem għalik, Sultana, Omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa u tama tagħna. Sliem għalik, lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu f’dan il-wied ta’ dmugħ”. Min għadu jgħid ir-rużarju (ippermettuli ngħid hekk!) suppost jgħid ukoll din it-talba li hija stqarrija ta’ fiduċja filjali fil-Madonna. Toħroġ minn qalbna l-karba biex hija tieħu ħsiebna f’dan “il-wied tad-dmugħ”, f’dan il-pellegrinaġġ fid-dlamijiet, f’dan il-wied li qisu qabar. Lil Santa Marija nressqulha din it-talba mhux biss għax hi ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem, imma wkoll għax hi wkoll għaddiet minn dan il-wied tad-dmugħ u taf xi jfisser il-wied mudlam tal-ħajja. L-ewwel nett hi kellha mumenti ibsin fir-relazzjoni tagħha ma’ Alla – mhux sabiħ meta wieħed jaqta’ qalbu u jitlef it-tama f’dawk ta’ madwaru, imma wisq ikreh meta l-bniedem jaqta’ qalbu minn Alla! Marija ma kinitx meħlusa minn din id-dalma spiritwali, imma baqgħet tgħix bit-tama anki xħin ma setgħetx tifhem lil Alla, kif insibu fir-rakkont tat-tħabbira tal-Anġlu. U f’ħajjitha bħala Omm Kristu, Marija ma kellhiex “wied tad-dmugħ” u mumenti ta’ dlam? Ma kellhiex biex titlef it-tama? Imma Santa Marija baqgħet tittama kontra kull tama, anki fuq il-Kalvarju. Dan id-don tat-tama li Ġesù taha meta qam mill-mewt u deher lilha bħala l-ewwel xhud tal-qawmien, baqa’ fiha sa fil-punt tal-mewt tagħha. Illum, imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem, hija tgħaddi dan l-istess don lilna.

Talba oħra Marjana għażiża għalina hija l-Ave Maris Stella – ħasra li ħafna drabi dawn l-innijiet jitkantaw bil-Latin, sbieħ għall-widna imma ma jmissu ebda korda tal-qalb, għax ma nifhmuhomx! Sliem għalik, Kewkba tal-baħar! Ilkoll nafu kemm il-kewkba tal-baħar salvat ħajjiet – kemm din il-kewkba mexxiet lejn il-port baħħara mitlufin f’baħar li jrid jibla’ l-art! Marija hija din il-kewkba. Meta nkunu fil-baħar tal-ħajja u biċ-ċpar ma nkunux nistgħu naraw fejn sejrin, għeżież devoti ta’ Santa Marija, inpoġġu ħarsitna fuq l-Assunta, il-Kewkba tal-baħar, għax hi tgħinna ngħaddu mill-maltemp tal-ħajja. Dan li qed ngħidu mhux xi ottimiżmu uman jew xi taptipa fuq spallejk biex tagħmel il-qalb, imma verità tal-fidi. L-istorja tgħallimna li min qabad ma’ dan is-sellun tas-sema (Marija li ġiet imgħollija ’l fuq) ma għarrilux – it-tama tiegħu ssarrfet f’barka mis-sema.

Niftakar f’dak li nhar l-Għid il-Kbir l-anġlu qal lil Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra (Mt 28:1) (ħafna jgħidu li “Marija l-oħra” kienet Marija Omm Ġesù): “Morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu [ta’ Ġesù] li hu qam mill-mewt, u araw, huwa sejjer qabilkom il-Galilija: tarawh hemmhekk” (Mt 28:7). F’din l-għodwa tal-Festa tal-Assunta nħossni l-mibgħut ta’ Santa Marija għalikom u f’isimha nixtieq inħallilkom dan il-messaġġ. Santa Marija qed tgħidilkom: “Morru fil-Galilija – jien inkun hemm qabilkom u hemmhekk tarawni”. Meta ngħidu l-Galilija, nifhmu dak l-ambjent fejn l-Appostli kienu jgħixu l-ħajja ordinarja tagħhom, fejn kellhom il-familji tagħhom, fejn kienu jaqilgħu l-għajxien tagħhom, fejn kien ikollhom il-kwistjonijiet u t-tgergir ta’ bejniethom; fuq kollox il-Galilija kienet soċjetà pluralistika fejn kien hemm minn kollox u assolutament ma kellhiex ilqugħ reliġjuż. Biex tagħmlilkom il-qalb, l-Assunta llum qed tiżgurakom li ser tkun magħkom fil-Galilija tal-lum; anzi, qed tgħid li mhux ser tasal warajna, imma qabilna biex tkun magħna! Għalhekk, morru lura lejn djarkom, fit-triqat tal-parroċċa u ta’ gżiritna, u hemmhekk issibu lill-Assunta, anki f’dawk is-sitwazzjonijiet tqal li fihom riħa ta’ qabar. Ma ninsewx li fejn hemm Marija, il-qabar mhux simbolu tal-mewt imma kantur tal-ħajja – ir-rebħa ta’ Kristu, tal-Assunta u ta’ dawk kollha li għandhom lil Marija bħala Omm tagħhom.

Il-Ħadd 23 ta’ Awwissu 2020 -
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof emeritu ta’ Għawdex
 
  Previous    

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Formosa