ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Saċerdoti li niftakar
Dun Ġwann Hili
Kitba ta' Dun Ġorġ Vella
  Wara li jiena kelli x-xorti li nfakkar diversi saċerdoti matul is-snin li għaddew fir-rivista tal-parroċċ L-Għolja taż-Żebbuġ, sabiex illum ma nħalluhomx jintesew maż-żmien li jgħaddi, din is-sena nixtieq nikteb li jiena niftakar dwar is-saċerdot Dun Ġwann Hili, li proprju dinis-sena għalaq 50 sena minn meta ġie ordnat saċerdot. Kien ilni bil-ħsieb li nfakkar lil dan is-saċerdot u għalhekk ħabat tajjeb li din is-sena hija għeluq il-ħamsin sena saċerdozju tiegħu. Dun Ġwann u jiena nista’ ngħid li trabbejna u kbirna flimkien fl-isetss żmien u għalhekk niftakar kemm meta kien tifel kif ukoll meta beda jikber.

Dun Ġwann twieled fil-parroċċa tan-Nadur fis-sena 1936 minn Ġużepp Hili li kien min-Nadur u Ġużeppa nee’ Camilleri li kienet mill-parroċċa taż-Żebbuġ. Hu ġie mgħammed fil-Knisja Arċipretali Kolleġġjata u Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl in-Nadur nhar l-24 ta’ Ġunju, Festa ta’ San Ġwann Battista u għalhekk tawh l-isem ta’ Ġanni. L-ewwel snin tat-trobbija tiegħu kienu fin-Nadur flimkien maż-żewġ ħutu akbar minnu u wara ħames snin mit-twelid tiegħu marru joqogħdu ż-Żebbuġ flinmkien ma’ oħtu Marija llum Cutajar li għadha mimlija bil-għomor. Meta kien fl-eta’ ta’ 6 snin u ftit xhur, il-Mulej sejjaħ għal ħdan tiegħu għal ħajja dejjiema kemm lil ommu kif ukoll lil missieru dana kien fis-sena 1943. B’xorti tajba dawn l-erba’ ulied li sfaw iltiema sabu liz-zijiet tagħhom li laqgħuhom bil-ferħ u indaħlu għalihom biex jieħdu ħsiebhom u jgħinuhom bl-aħjar mod possibbli. It-tnejn il-kbar kellhom iz-zijiet tagħhom min-Nadur stess u ndaħal għalihom hu. Anni u flimkien ma’ Marija li kienet għadha tbarija ta’ sena u ftit xhud indaħlu għalihom iz-zijiet Carmena u Petronilla Camilleri u n-nanna Marija kif ukoll iz-zija Tonina Bugeja. L-ewwel snin Ġanni kien joqgħod maz-zija Tonina u ma’ żewġha Luiġi u Marjia maz-zijiet l-oħra. Hekk dawn l-erbat itfal kellhom ix-xorti li ma jsibux ruħhom abbandunati iżda l-Mulej ipprovdielhom minn iħobbhom kważi daqs il-ġenituri u b’għożża kbira rabbewhom u ħadu ħsiebhom kemm f’dak kollu li tirrigwardja l-ħajja spiritwali kif ukoll dik materjali.

Jiena naħseb li Ġanni beda t-tagħlim tiegħu fl-iskola Primarja tan-Nadur għaliex meta ġie ż-Żebbuġ kien diġa għalaq is-sitt snin tiegħu. Żgur li mbagħad kompla l-iskola fl-iskola primarja fiz-Zebbuġ u dan kien fi zmien meta jien ukoll kont immur f’din l-iskola.

Meta spiċċa l-iskola primarja fiż-Żebbuġ hu kellu x-xewqa li jkompli l-istudji tiegħu fi skola sekondarja. Iz-zija Carmela li rat li dan kellu din ix-xewqa kbira li jkompli jistudja għamlet minn kollxo sabiex tiagtih kull għajnuna ħalli jwettaq dak li tant kien jixtieq minkejja li din iz-zija ma kellhiex mezzi kbar finanzjarji iżda kellha fiduċja kbira f’Alla u fil-Madonna u fil-Providenza kbira tagħhom għaliex kienet tgħid li l-pjanijiet ta’ Alla ma jħassarhom ħadd. Ġanni kompla l-istudju tiegħu fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesu’. Min jaf kemm-il darba tlajna lura mill-iskola tas-Seminarju lejn iż-Żebbug bil-mixi fl-4.00 pm u ħafna drabi konna naslu fid-dlam. Dak in-nhar ma kienx hawn trasport bħax-xarabank. Kultant tiltaqa’ ma’ xi trakk tal-ġebel jwe xi karozza żgħira. Min kien ikollu xi ftit qalbu tajba kien iwaqqaf biex nirkbu iżda mhux dejjem issib min iħenn għalik. Darba konna telgħin fit-telgħa taż-Żebbuġ ġo trakk u dan waqqaf u kulħadd tefa’ l-bagalji bil-kotba fuqu u min kien isuq it-trakk telaq u mar bil-bagalji u lilna ħalliena nperprju fit-triq u kellna nibqgħu telgħin bil-mixi u wara naraw insibux il-bagalji. Tgħid it-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum jemmnuh dan? Terġa’ li biex immorru l-iskola l-familja kelha titgħabba bil-ħlas li kellna nħallsu . X’differenza hux hemm bejn il-lum u l-imgħoddi?

Intant Dun Ġwann beda jitgħallem jgħaddi minn kassi għall-oħra. Hu ukoll libes abbati u flimkien ma’ sħabna l-abbatini l-oħra konna nservu bil-qalb kollha u nieħdu sehem fil-liturġija. Dak in-nhar il-Quddiesa u l-funzjonijiet kollha kienu bil-lingwa Latina u għalhekk l-abbati kien irid jitgħallem xi ftit din il-lingwa biex jgħin lis-saċerdot iqaddes il-Quddiesa. Dun Ġwann kien assidwu fil-qadi tiegħu bħala abbati u kien iħabrek sabiex jgħin fil-Quddiesa u l-funzjonijiet l-oħra. Wara li għadda l-Iskola Minuri fis-Seminarju beda l-kors ta’ seba’ snin biex isir saċerdot. Għaddejna xi snin flimkien billi hu kien sentejn warajja. Fi żmienu l-kors ta’ seba’ snin kont trid tgħaddihom kollha fis-seminarju. Id-dar konna mmorru biss min-nofs Lulju sa Settembru, ġimgħa fil-festa tal-Milied u tal-Għid. Il-kumplament dejjem is-seminarju. Il-familjari tagħna kienu jiġu jkellmuna u jarawna nhar ta’ Ħadd bejn it-8.30 am u l-10.00 am. Dik kienet il-ħajja ta’ kull seminarista u bl-għajnuna t’Alla kienet ħajja ta’ tagħlim u formazzjoni għall-ħajja ta’ ministru ta’ Kristu u tal-Knisja. Dun Ġwann għadda din il-ħajja kuntent u ferħan b’xewqa kbira li ġurnata għad ikun saċerdot skont il-Qalb t’Alla. Meta kien baqagħlu sentejn biex isir saċerdot, ġie l-isqof Arġentin u talab lill-isqof tagħna dak in-nhar l-Eċċ.Tiegħu.Mons. Isqof Ġużeppi Pace biex jibgħatlu xi seminaristi ħalli jkomplu l-istudju tagħhom f’din il-pajjiż. Dun Ġwann flimkien ma’ tnejn oħra minn sħabu (li għadhom mimlijin bil-għomor) tħajjar imur l-Arġentina jkompli jistudja hemm u wara li jsir saċerdot jgħaddi xi snin jaħdem ma’ dan l-isqof. Dun Ġwann u sħabu t-tnejn l-oħra rranġaw dak kollu li kien hemm bżonn li jsir u l-Isqof tagħna Mons. Pace wegħedhom li jordnahom saċerdoti sena qabel iż-żmien li suppost kellhom isiru saċerdoti. Il-ġurnata tal-ordinazzjoni saċerdotiali għal Dun Ġwann kellha tkun l-10 t’Awwissu 1962. Dik il-ġurnata mistennija waslet u Dun Ġwann sar saċerdot għal dejjem. L-ordinazzjoni saret proprju fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz fil-ġurnata tal-festa tiegħu. Dun Ġwann saċerdot ġdid, iċċelebra l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fil-Knisja Arċipretali taż-Żebbuġ il-Ħadd 19 ta’ Awwissu. Ippridkalu f’din l-okkażjoni Mons. Dun Salv Grima, Fundatur tad-Dar tal-Kleru li kien benefattur tiegħu; assistens presbiter kien il-Kappillan Dun Franġisk Merceica, iż-żewġ ministri li assistewh kienu sħabu Dun Ġużepp Sultana u Dun Ġużepp Hili, ċerimonier kont jien Dun Ġorġ, parrini kienu Dun Alwiġi Vella (arċipriet emeritus) flimkien mal-kuġin tiegħu Karmnu Żahra. Il-mużika u l-kant tmexxew mis-Surmast Antonio Mallia. Ġranet ta’ ferħ mhux biss għal Dun Ġwann u għall-familja tiegħu iżda għall-parroċċa u għad-djoċesi u għall-Knisja Universali għaliex is-saċerdot huwa l-bniedem li jingħata kolu kemm hu lil Kristu u lill-Knisja tiegħu.

Dun Ġwann iċċelebra wkoll Quddiesa Solenni fil-Bażilika Arċipretali u Kolleġġjata tan-Nadur. Bir-raġun kollu għaliex hu hemmhekk ra t-twelid tiegħu kemm għal din id-dinja kif ukoll permezz tal-magħmudija. Wara li għaddew il-festi li kien qed jiċċelebra fl-okkażjoni tal-bidu tas-saċerdozju beda jaħseb sabiex imur l-Arġentina biex hemm ikompli l-istudji tiegħu u jagħti bidu għall-ħidma pastorali. Naturalment l-ewwel li ried jitgħallem kienet il-lingwa tal-post biex ikun jista’ jxandar l-Evanġelju Mqaddes lill-poplu li kellu jkun għall-kura tal-pastorali li jwettaq. Dun Ġwann kien bniedem ta’ kuraġġ, bniedem li jadatta ruħu għal kull ċirkustanza tal-ħajja. Ġewwa l-Arġentina li nistgħu ngħidu li offra kull ma seta’ biex iwassal it-tagħlim ta’ Kristu l-Knisja, dam sa Marzu tas-sena 1967. Hu ddeċieda li jerġa’ lura lejn pajjiżu u hekk rajnieh mil-ġdid hawn fostna. Kien żmien meta kellna l-bhidu tat-tmexxija tad-djoċesi tagħna jiġifieri kellna bħala isqof ġdid lil Mons. Nikol Ġ. Cauchi li kien maħtur Amministratur tad-Djoċesi fil-waqt li Mons. Pace baqa’ isqof djoċesan. Mons. Isqof Cauchi talab lil Dun Ġwann biex jagħti s-sehem tiegħu fl-Istitut ta’ San Ġużepp t’Għajnsielem fejn kien hemm diversi tfal għat-tagħlim u kull għajnuna meħtieġa lilhom. Dun Ġwann aċċetta li jmur għal din il-ħidma fost it-tfal u hemm għadda sena jaħdem għalihom u jagħtihom kull għajnuna. Kultant kien jiġi fil-parroċċa tagħna u ukoll jagħti is-sehem tiegħu fil-ħin liberu tiegħu. Wara din is-sena ħidma fost it-tfa, Dun Ġwann reġa’ tħajjar imur jagħti sehmu fil-ħidma saċerdotali tiegħu fl-Istati Uniti tal-Amerika. Huwa talab lill-Isqof biex jagħtih il-permess li jmur l-Amerika u l-isqof mhux biss urieh il-pjaċir tiegħu li jmur fejn hu xtaq li jmur, iżda wkoll tah l-appoġġ tiegħu u għenu mill-aħjar li seta’. Meta Dun Ġwann irranġa kollox, ħalla d-djoċesi tagħna fl-1968 u telaq lejn l-Istati Uniti sabiex hemm iwettaq il-ħidma saċerdotali tiegħu. L-ewwel snin tal-ħidma tiegħu kienu fid-djoċesi ta’ Greensburg f’Pennsylvania. Nistgħu naħsbu kemm il-poplu ta’ din id-djoċesi laqa’ bil-ferħ lil dan is-saċerdot u beda jara fih il-bniedem ta’ Alla, messaġġier tal-aħbar it-tajba . Dun Ġwann ħadem f’diversi parroċċi fost l-Irlandiżi kif ukoll fost it-Taljani. Wara xi snin Dun Ġwann inħatar kappillan ta’ Holy Cross Parish għal xi għaxar snin jaħdem hemm bħala ragħaj spiritwali ta’ din il-parroċċa ddedikata lis-Salib Imqaddes.

Wara dawn is-snin Dun Ġwann kien trasferit għal parroċċa ġdida, il-parroċċa ta’ San Silvestru Papa. Hawn f’din il-parroċċa Dun Ġwann kompla jaħdem bil-qalb u jgħin lill-membri kollha ta’ din il-komunita’ ġdida fdata f’idejh. Hu kien joffri s-sehem kollu tiegħu jgħallem lil kulħadd u jmexxi ‘l quddiem lil dawk kollha li riedu jgħixu l-ħajja skont il-qalb t’Alla. Dun Ġwann matul dawn is-snin ġie fostna kemm-il darba biex jgħaddi ftit jiem tal-mistrieħ. Jien naħseb li l-aħħar mawra tiegħu fostna kienet fis-sena 1987 sewwa sew meta għalaq 25 sena saċerdot. F’din l-okkażjoni hu ċċelebra Qudiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-Santwarju tal-parroċċa tagħna, jidhirli jien fix-xahar ta’ Settembru. Żgur li hu ma kienx jaf li kienet l-aħħar żjara tiegħu fostna. Kien jidher ferħan jiċċelebra u jrodd ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel miegħu kemm matul il-25 sena saċerdozju u matul ħajtu kollha. Jien naħseb li kellu tama qawwija li jasal xi żmien meta jiġi fostna għal kollox u jkompli ħidmietu fil-parroċċa u fid-djoċesi tagħna. Iżda ġara mod ieħor. Wara li mill-ġdid reġa’ lura biex ikompli ħidmietu fil-parroċċa li kien imexxi u jieħsu ħsieb il-poplu fdat f’idejh, waslet is-sena 1988 meta beda jħoss li s-saħħa tegħu bdiet tmur lura. Hu baqa’ jagħti s-sehem tiegħu fil-ħidma pastorali sakemm saħħtu kienet tidher li kienet qed tnin bil-mod il-mod. Għal nofs is-sena 1988 hu ġie rikoverat fl-isptar għall-kura u mili jidher il-marda tiegħu kienet daħlet sewwa. Żgur li dawk kollha li kienu responsabbli mill-isptar bħal professuri, tobba, infermiera eċċ. għamlu minn kollox sabiex Dun Ġwann jikseb il-fejqan iżda kull tentattiv li sar biex jirkupra saħħtu kien għal xejn. Il-marda li kellu kien jidher li kien qed joqrob it-tmiem ta’ ħajtu. Wasal ix-xahar t’Awwissu, xahar li l-parroċċa tagħna tiċċelebra l-festa titulari ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema bir-ruħ u bil-ġisem u nkurnata sultana tas-sema u tal-art. Il-Madġnna Sultana tagħna kienet qed tippreparah sabiex qrib il-festa tagħha hija tilqgħu fi ħdaha fil-glorja ta’ dejjem. Il-ġurnata tat-tluq ta’ Dun Ġwann minn din id-dinja waslet wara li sofra b’rabta sħiħa mar-rieda t’Alla it-tbatija tal-marda qerrieda li kellu. Din il-ġurnata kienet qrib it-13 t’Awwissu 1988 jumejn biss qabel il-festa tal-Assunta. L-aħbar tal-mewt tiegħu malajr waslet fostna u l-qniepen tas-Santwarju tagħna ħabbruh biex kulħadd joffri t-talb b’suffraġju għal ruħu. Il-funeral tiegħu sar fil-parroċċa fejn kien jaħdem u jaqdi l-ministeru saċerdotali tiegħu u l-fdalijiet ġew midfuna hem fejn għal 20 sena hu offra ħajtu għas-servizz tal-poplu li hu kien tant iħobb. Il-parroċċa taż-Żebbuġ sar it-talb u quddies għal ruħu biex il-Mulej jagħtih il-premju qaddis tat-tgawdija fis-sema – għeluq ix-xahar tal-mewt, il-parroċċa ta’ Santa Marija organizzat konċelebrazzjoni solenni li tmexxiet mill-Eċċ.Tiegħu. Mons. Isqof Nikol Ġ. Cauchi u għamel omelija fejn fakkar lil dan is-saċerdot li ddedika l-ħajja saċerdoti tiegħu għall-poplu fl-istati Uniti bogħod minn pajjiżna u l-familja tiegħu u l-ħbieb u hekk jagħti sehmu fil-ħidma tal-Knisja Universali. Hekk wara ħajja ta’ 26 sena saċerdot Dun Ġwann mar jingħaqad mal-Mulej u mal-Omm Qaddisa tagħna l-Verġni Assunta Nkurunata għal dejjem. Waqt li niftakru fih, nitolbuh sabiex jidħol għalina quddiem il-Mulej u bit-talb tiegħu jgħin liż-żgħazagħ ta’ żmienna li tant jiltaqgħu ma’ tfixkil u jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ tant problemi tal-ħajja sabiex jekk jgħarfu li Alla jsejħilhom biex ikunu ministri tiegħu, ma jaqtgħux qalbhom imma bil-kuraġġ u b’ġenerożita’ kbira jwieġbu għas-sejħa li jagħmlilhom biex il-Knisja lokali u universali jkompli dejjem ikollha ħaddiema qaddisin għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha.

Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2012
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini