ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Fil-Parroċċa taż-Żebbuġ Għawdex
75 Sena Ilu (1937)
Kitba ta' L. Zammit B.A.(Hons.) P.G.C.E., M.A.
  Fl-1937 id-djoċesi ta’ Għawdex ippubblikat ktieb/direttorju żgħir dwar id-djoċesi li jinkludi tagħrif dwar il-parroċċi kollha inkluża dik taż-Żebbuġ.

Dwar din il-parroċċa Marjana, dan il-ktejjeb jgħidilna li t-titular tagħha kien it-Tlugħ tal-Madonna fis-sema u li dan ir-raħal imperreċ fuq għolja kien sar parroċċa permezz ta’ digriet tal-Isqof Mons. Davide Cocco Palmieri tat-28 ta’ April 1688. Il-Knisja Parrokkjali ġiet ikkonsagrata fit-30 ta’ Settembru 1736.

It-Tkabbir tal-Knisja Parrokkjali
Fl-1937 il-Knisja Parrokkjali kienet qegħda tiġi mkabbra u għat-tkabbir tagħha kien qed iħabrek il-Kappillan tal-Parroċċa Dun M. A. Cauchi. Il-benefattur prinċipali tat-tkabbir tal-Knisja kien Dun Franġisk Saliba (1863-1939), saċerdot mill-parroċċa taż-Żebbuġ li f’dak iż-żmien kien qed iwettaq il-ministeru pastorali fost il-Maltin ta’ Tunes. Il-proġett kien f’idejn l-imgħallem bennej Vitor Vella. Ir-rivista ‘LUCERNA’ fil-ħarġa ta’ Novembru 1937 kellha kliem ta’ tifħir għall-proġett tat-tkabbir tal-knisja. Ir-rivista issemmi l-pilastri li fuqhom kellha tinbena l-koppla artistika u l-abside li nbniet, kienu juru l-ħila ta’ Vitor Vella.

Il-Festa
Il-Festa titulari tal-parroċċa kienet issir fl-ewwel Ħadd fuq il-15 ta’ Awwissu. F’din is-sena 1937 għall-quddies tal-festa, assista mit-tron l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mikiel Gonzi.

Il-Kleru
Fl-1937 il-kappillan tal-parroċċa taż-Żebbuġ kien Dun M. A. Cauchi mill-Belt Victoria li qabel inħatar kappillan taż-Żebbuġ, kien kappillan tal-Qala.

Il-Kleru tal-Parroċċa kien magħmul minn Dun Ġużepp Camilleri Pace li f’dak iż-żmien kellu l-kariga ta’ Prokuratur tal-bini tal-Knisja.

Dun Ġorġ Vella li kien qed iwettaq il-Ministeru Pastorali f’Malta fil-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta.

Dun Karm Cachia li kien qed iwettaq il-Ministeru Pastorali f’Malta.

Dun Salv Camilleri

u s-Saċerdot Novell Dun Ġużepp cini li kien ġie ordnat saċerdot mill-Isqof Mikiel Gonzi fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt fil-25 ta’ Lulju 1937.

Iżda r-raħal taż-Żebbuġ kellu wkoll seminarista Carmelo Vella, li waqt ċelebrazzjoni fil-Katidral ta’ Għawdex li saret fit-18 ta’ Settembru 1937 kien ingħata waħda mill-ordnijiet minuri.

Mons. Indri Vella S.Th.D., J.C.A.
Iżda minbarra s-saċerdoti fuq imsemmija, ir-raħal taż-Żebbuġ kellu saċerdot ieħor. Dun Indri Vella li fl-1936 kien ħa l-pussess ta’ Kanonku Lettur tal-Katidral ta’ Għawdex.

Fl-1937 Mons. Vella kellu diversi karigi fid-djoċesi. Kien wieħed mill-eżaminaturi tal-kleru, Direttur tal-Kunsill Djoċesan tal-Opri Pontifiċji u Direttur tal-Kunsill Djoċesan tal-Unjoni Missjunarja tal-Kleru.

Fratellanzi u Kongregazzjonijiet
Il-Parroċa taż-Żebbuġ fl-1937 kellha popolazzjoni ta’ madwar 1,090.

Fil-parroċċa kien hemm żewġ fratellanzi, dik tas-Santissimu Sagrament u tar-Rużarju u erba’ għaqdiet li kienu tas-Sagra Familji, tal-Appostolat tat-Talb, tas-Siegħa Mqaddsa u tal-Paġġi ta’ Ġesu’ Sagramentat.

Il-Parroċċa taż-Żebbuġ kellha wkoll fergħa tal-Azzjoni Kattolika li kellha bħala Assistent Ekkleżjastiku lil Dun Salv Vella.

Ħajja Pastorali
Mir-rivista ‘Ġesu’ Ewkaristija’ ta’ Lulju 1938 nafu li fl-1937 fil-parroċċa taż-Żebbuġ tqaddsu 1,502 quddiesa u saru 35,000 tqarbina.

Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2012
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini