ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
L-Istatwa ta’ Santa Marija
Tagħlaq 50 Sena magħna
Kitba ta' D. Gorg Vella
  Ħamsin sena ilu, il-Parroċċa taż-Żebbuġ kellha x-xorti li tara statwa ġdida ta’ Santa Marija, tittellgħa fuq pedestall sabiħ fil-pjazza quddiem il-Knisja Arċipretali, sewwa sew ħdejn is-salib li ilu jiddomina din il-pjazza għal ħafna snin. Il-parruċċani Żebbuġin kien ilhom ħafna bix-xewqa li jkollhom statwa sabiħa tal-Assunta ħalli din tittellgħa fuq pedestall fil-jiem tal-festa. L-istatwa ta’ Santa Marija ġewwa l-Knisja kien ilha li saret mitt sena, fi żmien il-Kappillan Dun Ġwann Camilleri li wara sentejn li dam imexxi l-parroċċa taż-Żebbuġ, ġie trasferit bħala arċipriet għall-parroċċa tax-Xagħra u wara għall-parroċċa tan-Nadur għax kien iben din il-parroċċa tan-Nadur. L-istatwa li issa ilha fostna 150 sena u hija mill-isbaħ u x’ħin tkun quddiemek tfakkrek fis-sbuħija tal-Madonna kemm internament kif ukoll esternament . Għalhekk fis-snin sittin, il-Komunita’ Parrokkjali Parrokkjali taż-Żebbuġ kellha x-xewqa li ssir statwa biex biha ssir dimostrazzjoni u wara tiġi mtellgħa fost il-kant ferriegħi ta’ innijiet Marjani fuq pedestall fil-pjazza. Fil-fatt f’diversi parroċċi fosthom fil-Belt Victoria, diġa kellhom l-istatwi għal dan il-għan. Naturalment kien hemm bżon finanzi u għalhekk kien meħtieġ li jinstabu benefatturi li jagħtu l-għajnuna tagħhom għall-ispejjes li kien hemm bżonn. Nafu wkoll li ftit qabel kienu saru żewġ statwi biex iżejnu l-pjazza. Dawn kienu ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin, il-ġenituri tal-Madonna, għal xi snin qabel ma saret l-istatwa ta’ Santa Marija, l-istatwa ta’ Sant’Anna kienet issir dimostrazzjoni fi Triq il-Knisja u kieent takkumpanja orkestra ċkejkna li kienet tiffurmata mis-Surmast Toni Malli,a organista tal-parroċċa li xi snin qabel kien waqqaf l-okrestra li kienet u għadha tieħu sehem fil-funzjonijiet tal-Knisja. Il-poplu taż-Żebbuġ għalhekk iżjed kellu xewqa kbira li jara statwa ta’ Santa Marija sabiex tikber il-festa tal-Patruna tagħna. Għal dan il-għan, il-Madonna donnha kienet trid li din ix-xewqa tal-devoti tagħha issir realta’. Benefattur għal din l-opra ġdida tfaċċa fostna. Il-Kappillan li kien imexxi l-parroċċa kien Dun Franġisk Merceica li ra li l-poplu jixtieq li jkollu din l-istatwa ġdida. Għalhekk feraħ ħafna meta Luiġi Zammit u l-familja tiegħu qalulu li se jindaħlu għall-ispejjes biex issir l-istatwa u għalhekk ġiet ordnata malajr għand l-istatwarju l-Kav. Komm. Wistin Camilleri mir-Rabat, statwarju magħruf għall-kapaċita’ tiegħu u għat-talenti li bihom żejnu Alla għal dan ix-xogħol tant delikat. Wistin Camilleri aċċetta li jagħmel din l-istatwa bil-patt li din tkun imitazzjoni tal-istatwa li għandna fil-Knisja.

Għal din l-istatwa kien jeħtieġ li jsir ukoll il-pedestall li fuqu tiġi mtellgħa. Għal dan kienu jeħtieġu ħafna spejjes, iżda sar appell għall-għajnuna u ndaħal biex jiġbor il-flus Ċensu Saliba, li kien jgħin ħafna lill-Knisja kemm fl-armar ta’ ġewwa kif ukoll fl-armar ta’ barra. Instab ukoll benefattur li offra mitt lira li dak inhar, ħamsin sena ilu, kienet offerta mill-iktar ġeneruża. Dan il-benefattur kien Manwel Grech mir-Rabat li kien kuljum jitla’ ż-Żebbuġ biż-żiemel, jixtri l-bajd, ġobon, tiġieġ, fniek. Dan il-benefattur kien ta’ kuraġġ għalina u Ċensu Saliba beda jdur mar-raħal u jiġbor għall-ispejjes ta’ din l-opra li kellha ssir u tibqa’ titgawda għas-snin li jiġu wara. Ix-xogħol biex isir dan il-pedestall indaħal għalih Toni Mallia flimkien ma’ ibnu Ġużeppi li għall-grazzja t’Alla għadu fostna mimli bil-għomor u li għal ħafna snin kompla kull sena jieħu ħsieb jarma dan il-pedestall. Id-disinn tiegħu sar mill-istess statwarju Wistin Camilleri u li ddirieġa x-xogħol delikat tiegħu.

Ix-xogħol kemm tal-istatwa kif ukoll tal-pedestall beda u tkompla b’rittmu mgħaġġel. Il-poplu taż-Żebbuġ b’ħeġġa kbira kien qiegħed jistenna li ssir din l-opra sabiħa biex tkompli żżejjen il-pjazza ewlenija tal-parroċċa f’dawn il-ġranet sbieħ tal-festa. Fuq kollox biex issir manifestazzjoni sabiħa bl-istatwa tal-Assunta mat-toroq prinċipali tal-parroċċa waslet is-sena 1962 jiġifieri ħamsin sena ilu, meta l-istatwa telstiet u kellha tasal fostna u tibqa’ magħna għal matul is-snin li jiġu wara. Ix-xahar ta’ Awwissu wasal ukoll u kellha tkun din il-festa ta’ Santa Marija ta’ din is-sena li naraw l-istatwa lesta u tidħol fil-parroċċa biex tiddomina l-pjazza quddiem is-Santwarju Marjan iddedikat sa mill-qedem lill-Verġni Marija Mtellgħa fis-sema bir-ruħ u bil-ġisem u nkurunata Sultana tas-sema u tal-art. Waslet fostna u kulħadd laqagħha bil-ferħ u bl-entużjażmu kbir u hekk ix-xewqa tal-poplu tagħna li jkollu din l-istatwa tal-Assunta saret realta’. Verament l-istatwarju l-Kav. Wistin Camilleri ġie mfakkar għall-kapaċita’ u l-ħila tiegħu għax-xogħol mirqum f’din l-istatwa li huwa għamel għaliex kienet imitazzjoni perfetta tal-istatwa ta’ Santa Marija li żżejjen il-knisja tagħna. Kulħadd feraħ meta ra l-istatwa fostna iżda zgur l-akbar bniedem ferħan biha kien dak il-benefattur li għoġbu jħallas l-ispejjes għaliha, Luiġi Zammit u naturalment il-familja tiegħu.

Il-pedestall għall-istatwa li kien qed jinħadem minn Toni Mallia u ibnu Ġużepp kien ukoll mistenni b’ħerqa kbira mill-poplu kollu. Ix-xogħol tiegħu kien miexi b’rittmu mgħaġġel ħalli jekk jista’ jkun l-istatwa tkun tista’ titqiegħed malli tkun lesta. Spiss konna mmorru naraw f’hiex wasal ix-xogħol tiegħu li kien delikat ħafna u kumplikat. Iżda bil-għajnuna t’alla u tal-Madonna kellna x-xorti li naraw ukoll din l-opra sabiħaiżżejjedn il-pjazza tagħna. Għalkemm dan il-pedestall ma tlestiex għal kollox billi fih ħafna skultura u ornamenti, iżda seta’ jintrema biex anke fis-sena 1062 għall-ewwel darba naraw ix-xbieha ta’ Marjia Assunta Mtellgħa fuqu u tiddomina din il-pjazza sabiħa. Saru l-arranġamenti kollha u fil-ġranet tal-preparazzjoni għall-festa Toni flinkien ma’ ibnu Ġużepp u voluntieri armaw għall-ewwel darba dan il-pedestall sabiħ. Dak kollu li kien jonqsu biex dan ikun komplet minn kollox sar fis-snin ta’ wara. Madwar il-pedestall saru wkoll l-istatwi ta’ San Mikiel Arkanġlu li tħallset minn Toni Cini, l-Arkanġlu San Rafel li tħallas minn Ġużeppa u żewġha Anġlu Axiaq u żewġ arkanġli oħra li tħallsu minn diversi benefatturi. Fuq nett tal-pedestall inxtraw 4 settijiet globi sbieħ u madwar il-pedestalli sar kanċell tal-ħadid u hekk stajna naraw opra oħra tant sabiħa li żejnet il-pjazza ewlenija tagħna.

Waslet il-ġurnata tal-Ġimgħa. Jum id-Dimostrazzjoni, Jum mistenni minn tant Żebbuġin li jħobbu tant il-festa u li offew għajnuna kollha li setgħu biex tista’ ssir din l-opra sabiħa. Għal din l-okkażjoni Toni Mallia, surmast tal-orkestra tal-parroċċa, ikkompona l-mużika għall-innu sabiħ li nkiteb minn Mons. Dun M’Anġ Apap mix-Xagħra biex dan l-innu jitkanta flimkien mal-innu ‘Ave Maria’ waqt li l-istatwa tkun tielgħa bil-mod il-mod għal fuq il-pedestall maestuż tagħha. Dan l-innu ferrieħi flimkien mal-Antifona lil Santa Marija li snin qabel Toni kien ikkompona l-mużika tagħha, kienu żgur tifkira memorabbli ta’ dan il-bniedem li tant ħabb il-kant u l-mużika u li għal aktar minn ħamsin sena ħadem ix-xogħol ta’ sagristan b’tant sagrifiċċji li kellu jwettaq iżda li hu kien iddedikat għal il-ħidma fejjieda fil-Knisja. Tajjeb li niftakru fih waqt li nkunu nkantaw dan l-innu u tant innijiet oħra li hu ħallielna biex bihom infaħħru lill-Mulej u lil Ommu Marija u nitolbu sabiex il-parroċċa jkompli jkollha membri ħajjin u mimlijin bl-ispirtu Marjan u hekk l-imħabba lejn Alla u lejn il-Verġni Ommu tkompli tixgħel fil-qlub ta’ tant tfal u żgħażagħ. Żgur li dan l-innu Marjan waqt li tkun qed tittellgħa fuq il-pedestall l-istatwa ta’ Santa Marija jferraq u jentużjażma lil dawk kollu li jkunu preżenti u mill-qalb toħroġ tislima ħelwa lill Verġni Ommna Marija Assunta.

Kull min kien preżenti dak il-jum tal-Ġimgħa fis-sena 1962 tal-festa ta’ Santa Marija, ra xewqa kbira isseħħ u żgur li kulħadd irringrazzja bil-qalb lill-Madonna għal kull għajnuna li tat lil tant qlub ġenerużi li offrew kull offerta li setgħu biex issir din l-opra sabiħa. Ħafna ħadu sehem fid-dimostrazzjoni li saret, akkumpanjata minn banda Għawdxija (li jiena ma niftakarx sewwa liema kienet) u wara li daret mat-triqat prinċipali tal-parroċċa fost il-kant ta’ innijiet ġiet imtellgħa fuq dak il-pedestall u hekk għall-ewwel darba sebbħet il-pjazza li llum hija Pjazza l-Assunta u żgur li minn dak il-għoli b’idejha ħaddnet u bierket il-familji sabiex jibqgħu familji sodi u tajbin ħalli jkomplu jżejnu l-parroċċa b’ulied ġodda u Nsara taħt il-ħarsien matern ta’ din l-Omm ħanina u setgħana.

Nixtieq insemmi ukoll li f’din l-ewwel sena, is-sellum biex tittellgħa fuq il-pedestall ma laħaqx sar. Iżda l-parroċċa tal-Għarb kienet ġeneruza magħna u selfitna s-sellum meħtieġ. Dan is-selum sar matul is-sena ta’ wara kif ukoll dak kollu li kien jonqos biex il-pedestall jissebbaħ dejjem iktar, sar matul is-snin ta’ wara bil-għajnuna ta’ tant benefatturi li komplew joffru kull ma jistgħu għall-ispejjes li kienu meħtieġa. Matul s-snin ukoll sar xi restawr speċjalment ġie miżbugħ kif narawh illum, għaliex qabel kien miżbugħ aktar kulur ċelesti. Nafu li ż-żminijeit jinbidlu u j’Alla kull tibdil li jsir ikun dejjem għall-aħjar.

Il-benefattur tal-istatwa Luiġi Zammit kellu x-xewqa li din l-istatwa jżommha d-dar tiegħu. Talab lill-Kappillan Dun Franġisk Mercieca u urieh din ix-xewqa tiegħu. Il-Kappillan Mercoeca ħasibha sewwa kif dejjem kien jagħmel kull meta xi ħadd jitolbu għal xi ħaġa u tah il-permess li jżommha d-dar bil-patt li ma jkollu ebda dritt fuqha għaliex opra mogħtija lill-Knisja ma jkollok ebda dritt għaliha, bil-patt li jieħu ħsiebha sewwa jekk ikollha bżonn xi manutensjoni jieħu ħsieb hu għaliha u li dan il-permess jingħata lilu personali u ħadd dritt għaliha. Luiġi l-benefattur ħa pjaċir li ser ikollu dan il-privileġġ li opra bħal din iżommha fid-dar tiegħu. Għalhekk ta’ kull sena l-għada tal-festa l-istatwa kienet tittieħed id-dar ta’ Luiġi u kien ipoġġiha fl-isbaħ kamra li kellu. Damet tittieħed id-dar tiegħu mhux biss sa kemm hu mar fi ħdan Alla nisperaw igawdih u jgawdi lill-Verġni Marija iżda wkoll sakemm bintu Marija damet toqgħod id-dar, għaliex fl-aħħar snin kellha tmur tgħix ma’ ħuha Ġużepp ġewwa Malta. Għalhekk l-Arċipriet Dun Alwiġ Vella ħa l-istatwa l-Knisja u għamlilha niċċa fis-sagristija. Damet hemm sas-sena 1996. L-Arċipriet li mexxa l-parroċċa warajh il-Kan. Dun Noel Saliba ra li l-istatwa tittieħed fiċ-ċentru parrokkjali u rranġa niċċa f’dan il-lokal. Illum kull min jidħol fiċ-ċentru parrokkjali fi pjazza l-Assunta jista’ jara din l-istatwa sabiħa ta’ Marija Assunta li għam matul dawn il-ħamsin sena li għaddew fil-festa ta’ Santa Marija li tiġi ċċelebrata fil-parroċċa taż-Żebbuġ, il-Ħadd li jiġi wara l-15 ta’ Awwissu, dejjem ġiet imtellgħa fuq il-pedestall sabiħ tagħha u bħala Sultana u Patruna tal-parroċċa tkompli dejjem timla bil-ferħ u l-paċi lil dawk kollha li jridu jgħixu sewwa l-ħajja verament Nisranija. Fil-ħafna snin li għaddew kien ikollna nġibu banda barranija sabiex takkumpanja din l-istatwa tal-Madonna f’dimostrazzjoni mal-parroċċa. Illum għall-grazzja ta’ Alla, għandna l-Banda tal-Parroċċa, il-Banda ‘Santa Marija; li qed tieħu ħsieb din id-dimostrazzjoni u nitolbu sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ li telgħin li huma l-futur ta’ pajjiżna jkomplu dejjem iktar jitħeġġu sabiex kemm l-orkestra li tieħu sehem attiv fil-funzjonijiet liturġiċi u kemm il-Banda ‘Santa Marjia’ li tagħti s-sehem tagħha f’diversi festi tal-parroċċa jkomplu jissaħħu u jikbru sabiex bis-sehem tagħhom fil-komunita’ parrokkjali taħt il-ħarsien ta’ Marija Assunta Inkurunata tibqa’ dejjem vera komunita’ ta’ fidi, komunita’ Nisranija li twelled dejjem ulied ġodda lill-Knisja tagħna. Fuq kollox nitolbu għall-bżonnijiet tal-familja magħquda, familja skont il-qalb t’Alla u skont il-qalb tal-Verġni Marija u l-qalb tal-Binha Ġesu’. Inħarsu lejn Marija Omm u Sultana tagħna mhux biss fil-festa tagħha imma kuljum u nitolbuha sabiex tibqa’ hija Reġina tal-qlub tagħna biex flimkien ma’ Ġesu’ u ukoll ma’ San Ġużepp l-Għarus Purussimu u Missier Putattiv ta’ Ġesu’ nibqgħu niċċelebraw kif jixraq il-festi sbieħ bi spirtu ferrieħi u fuq kollox bi spirtu Nisrani kif trid il-Knisja u hekk ikollna garanzija li ħajjitna tkun tassew kif trid u tixtieq minnha l-Verġni Assunta Inkurunata.

O Verġni Marija Assunta
Ħares u iddefendi l-familji kollha
U biegħed minna kull ħażen.

Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2012
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini