ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
IŻ-ŻEBBUĠ TA’ GĦAWDEX
Kitba ta' Judith Zammit
 
Jien mort kull naħa t’Għawdex,
Imbarra miż-Żebbuġ;
Naf biss l’hemm nies għaqlija
Jitħabtu mal-maħluġ,
L’hu raħal l-ogħla f’Għawdex,
Is-sħab imiss mad-djar,
In-nies f’taqliba ħarxa
Jitbiegħdu mill-kampnar.

X’dehriet ta’ blat u ħdura,
Ta’ siġar, ta’ għerien,
Tara minn dak il-għoli
-ix-xogħ’l ta’ l-id u ż-żmien-
Il-baħar dawra m’Għawdex
F’tagħniqa ta’ żewġ ħbieb;
Żmien twil għandhom fejn jgħammru
U jduru l-għajn u l-ħsieb.

J.J. Camilleri


Kemm kont inħobbha din il-poeżija meta kont l-iskola sekondarja fis-sittinijiet! Kull meta kont niftaħ il-ktieb tal-poeżiji, kont nitpaxxa bil-melodija ta’ dan l-eloġju li Anton Buttiġieġ għamel f’ġieħ raħal twelidi. Din il-poeżija kitibha fit-30 ta’ Lulju, 1936, ftit qabel il-gwerra. Allura naħfruhielu: ma kienx faċli tiġi ż-Żebbuġ f’dak iż-żmien!

Iż-Żebbuġin kienu magħrufa sew għax-xogħol tan-newl: ”jitħabtu mal-maħluġ”. Numru sew ta’ Żebbuġin kellhom xi newl fid-dar li fuqu kienu jinsġu lożor, kutri u affarijiet oħra bis-suf tan-nagħaġ jew qoton. In-nies kienu bdiewa bla ebda eċċezzjoni. Kollha kienu jkabbru tiġieġ, fniek, mogħoż, nagħaġ, u forsi xi qażquż jew għoġol ukoll, fil-bitħa u fl-imqawel fis-sular t’isfel waqt li fis-sular ta’ fuq kienu jgħixu huma. Ftit fadal irziezet minn dawn, bis-setaħ mikxuf, jew bil-loġoġ, iħares lejn in-nofsinhar biex taħkmu x-xemx ħanina tax-xitwa jew dik qalila tas-sajf. Fuq, kien ikollhom id-dar il-ġdida fejn kienu jitwieldu l-ulied numerużi tal-familja; u oħra, fejn kienu jieklu u jorqdu kollha flimkien. F’tarf is-setaħ kien ikollhom kmajra bil-kenur jew kuċiniera, dejjem idaħħnu!

Fis-sajf, in-nagħaġ kienu jġiżżuhom u s-suf kienu jaħsluh fil-bajja tax-Xwejni u jnixxfuh fuq il-blat. Kienet tkun il-ħarġa tal-familja! Wara kienu jinfxuh, jiġifieri jiftħuh biex ikompli jaqa’ xi frak li jkun għad fadal u s-suf jsir artab biex jiġi magħżul jew mibrum fi ħjut fini jew ħoxnin. Is-suf irqiq kien isir lożor bi tliet xoqqiet u l-oħxon kien isir kutri, b’xoqqtejn jew tlieta, il-ġmiel tagħhom!

Dak iż-żmien, ix-xebbiet ma kellhomx xogħol (ħlief forsi jmorru sefturi f’Malta) u kollha kienu jafu jagħżlu s-suf, waqt li xi wħud kienu jinsġuh. Kull għarusa kienet tlesti l-lożor tas-suf u l-farda flimkien ma’ mtieraħ, investi u srievet tal-qoton abjad jew aħmar imkabbar fl-għelieqi tan-nanniet tagħna. (L-aħħar li rajt dal-qoton fl-għalqa kien fl-1955 jew hekk.) Ħafna minn dawn l-oġġetti għadhom jeżistu fil-familji tagħna, għad li ntużaw ħafna.

Wara l-gwerra kien għad fadal xi ftit nissieġa bħall-aħwa Zahra ta’ Triq il-Mitħna u Marija Cassar li għexet ħafna fi Triq il-Knisja, u kienet saret punt ta’ attrazzjoni turistika fis-sittinijiet u sebgħinijiet.

Min jaf x’sar minnu n-newl ta’ Marija Cassar! Ftit ilu rajt dak tal-aħwa Zahra: għadu armat fil-garaxx! Tgħidx kemm ħadt gost nara li għadu fi stat tajjeb ħafna!

L-uniku ħjiel ta’ dan il-mistier Żebbuġi li jinsab għall-wiri huwa l-ilbies tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira: ilbies magħmul minn drapp tal-qoton aħmar jew abjad maħluġ u minsuġ bin-newl. Dan l-ilbies ħa l-post ta’ dak oriġinali tal-bellus ikkulurit. Il-vari tal-lum ma tantx jagħtu fil-għajn u jlewnu l-purċissjoni, iżda lbieshom aktar iqarreb lejn l-istil ta’ lbies ta’ żmien Kristu. Biċċiet tan-newl jintużaw ukoll fil-Wirja tal-Mejda tal-Appostli li tintrama fil-każin tal-Banda.

Illum il-ħajja fiż-Żebbuġ inbidlet ħafna, iżda l-poeżija ta’ Anton Buttiġieġ għadni nħobbha daqs qatt qabel! U daqstant għadni nħobb lil raħal twelidi!!

Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2012
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini