ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
L-Iscouts fiz-Zebbug
- Holma li Taret mar-Rih -
Kitba ta' Carmel Saliba P.G. Dip.Ger.

  L-iscouts f’Malta bdew fl-1908 filwaqt li f’Għawdex twaqfu fl’1916. Erba snin oħra jiċċelebraw il-mitt sena. Nawgurawlhom għal ħidma bla waqfin ta’ dan il-moviment. Fil-prezent f’Għawdex hawn il-Victoria Scouts u Xagħra Scouts. Filfat il-Victoria Scouts is-sena id-dieħla jiċċelebraw il-ħamsin sena mit-twaqqif mil-ġdid peress anke fir-Rabat kien waqaf dan it-troop.

Fil-bidu tas-snin tletin id-Direttur ta’ l-Edukazzjoni kien għamel emfasi biex f’kull belt u raħar jiġu ifformati t-troops ta’ l-iscouts. Iż-Żebbuġ ukoll messitu din ix-xorti li jitwaqqaf il-moviment ta’ l-iscouts. Għalkemm kont nisma liz-ziju Ġuzepp ix-Xawli jgħid li kien scout, qatt ma interessajt ruħi. Forsi għax ħsibt li kien hemm xi group ta’ dilettanti u li kienu isejħu lilhom infushom hekk.

Kien nhar il-Ħadd 19 ta’ Frar, 2012 li irċevejt email mingħand ħija Baskal. Bagħtli ritratt ta’ Scouts miż-Żebbuġ u l-ismijiet inkluz il-laqam taghħom. Baskal qalli jekk ngħarafx li xi wieħed min dawn tar-ritratt. Ir-ritratt kien għaddiehulu Karmnu Vella, it-tifel ta’ Vitor s-Sipa li kien wieħed mil l-iscout. X’ħin rajt dan ir-ritratt fhimt kemm kienu organizzati l-iscouts fir-raħal tagħna.

Skont informazzjoni li ġbart dan il-moviment beda bil-ħidma ta’ Pupull Cassar li kien magħruf bħala tax-Xaplun. Miegħu kien hemm oħrajn fosthom is-Suprendent Manwel Galea, Dun Ġuzepp ta’ Sarogi, is-Surġent Wigi Camilleri u s-surmast Saver Farrugia tal-Pastur. Patri Bernard Hersey mis-Socjeta ta’ Ġiesu kien il-promotur ta’ l-isouts f’Għawdex u kont issibu jgħin f’kull lokalita li fiħ kien ser jiġu mwaqqfa l-iscouts.

Ftit wara li kien ġie lura mill-Awstralja Pupull kien beda fiż-Żebbuġ dak li kien qed isir f’irħula ohra, it-twaqqif ta’ l-iscouts. Kien fl-1935 li din il-ħolma seħħet fiż-Żebbuġ. Anke l-Għasri kien hemm l-scouts.

Pupull Cassar kien l-Scout Master. Il-post li kienu jużaw l-iscouts kien fejn għal ħafna snin kien hemm il-forn mgħaruf bħala il-forn tal-Peċiċ. Għal xi snin f’dik il-pjazzetta kien hemm l-iskola primarja. It-trejning kienu jgħamluh fil-pjazza tar-raħal ħdejn il-Knisja. Bħal troops oħra l-iscouts taż-Żebbuġ kienu jgħamlu il-kamping. Dan ġeneralment kien isir il-Qbajjar taħt ix-xifer. Għal dan il-għan kien jintuża il-post tal-familja Camilleri. Bħala uniformi kienet tintuza dik li għadha tintuza illum mgħamula mid-drapp tal-kakin. L-iscouts il-kbar kienu jilbsu l-kappell u dawk zgħar li jissejju cubs kienu jilbsu beritta zgħira. Din għadha tintlibes sallum mil-cubs.

Għalkemm kif jidher fir-ritratt il-group kien kbir mhux ħazin kien hemm oħrajn li minħabba il-faqar ma setgħux jixtru l-uniformi u saħansitra baqgħu barra. Ġuzepp Cini kien wieħed min dawn. Ġuzepp ma kienx daħal scout għax il-familja tiegħu ma kellomx biex jixtrulu l-uniformi. Qalli wkoll li kien rebaħ kompetizzjoni meta kien l-iskola primarja taż-Żebbuġ relatata mal-biedja u peress li ma kellux ħwejjeġ addattati kien ġie imċaħħad minnu. B’dieqa kbira qalli ’ma setgħux warbuhuli’.

Kumment li ingħatajt min mara anzjana kien li l-iscout kienu jilbsu qalziet qasir ħafna. Filfat dakinnhar ommha kienet tagħmel xorts lil ħuha l-isfel min irkoptejħ. Din hi parti mil l-istorja tagħna li minħabba id-diċenza ma kienx accettat ix-xorts kif kienu jilbsuħ l-iscouts madwar id-dinja inkluz f’Malta u Għawdex.

Sentejn wara, jigiefieri fl-1937, l-iscout taż-Żebbuġ ġew organizzati b’mod professjonali biex jiehdu ritratt tal-group kollu. Anzi mhux tal-group biss izda ma l-ogħla personalitajiet f’Malta u Għawdex.

Kif ġie f’idejja dan ir-ritratt bdejt nistaqsi meta u fejn ittieħed dan ir-ritratt. Kien hemm min jaħseb li dan ir-ritratt kellu tmenin sena jew iżjed. Min ricerka li għamilt sibt li din is-sena dan ir-ritratt jgħalaq 75 sena. Fuq wara ta’ ritratt li rajt għand il-Kan Noel Saliba sibt id-data 1937. U mil l-eta taz-ziju Ġuzepp li skond ma qaluli uliedu Toni u Salvina, missierhom kellu 14 il-sena u kieku għadu magħna kien ikollu 89 sena.

Li issib ritratt bħal dan kien wieħed mis-sorpriżi ta’ hajti. Ħafna nies li kelli kuntatt magħhom biex niġbor din l-informazzjoni qaluli li lanqas jafu jew semgħu li xi darba eżista ritratt bħal dan. Saħansitra kien hemm uhud li lanqas jafu li xi darba kienu jeżistu l-iscouts. Min dawn kien hemm anki uħud li kellhom lil missierhom jew familjari magħhom. Ngħid il-verita meta kont fil-kumitat ta’ Żebbuġ Rovers FC ħadna ritratt uffiċċjali iżda ħadnieħ għax irbaħna il-Kampjunat Għawdxi 2003 – 2004. Li kieku ma seħx dan s-suċċess ma konniex nieħduħ. U xorta waħda ma kienx hemm personalitajiet kbar bħal dawk li hemm f’dan ir-ritratt. Fost dawn insibu lil Sir Harry Charles Luke li kien l-Assistent Gvernatur ta’ Malta bejn l-1930 u 1938 (Ritratt fin-nofs). Kien hemm ic-Chief Scout Leader ta’ Malta Edward De Martino u Fr Bernard Hersey.

Mertu imur għal dak jew dawk li organizzaw biex ittieħed dan ir-ritratt u hekk ħallew tezor lir-raħal tagħna. Mertu imur ukoll għal Costanzina Galea li zammet b’għozza dan ir-ritratt.

Stqaqsejt ħafna jekk jafux fejn kien ittieħed dan ir-ritratt. Kien hemm min qalli li setgħa ttieħed iż-Żebbuġ u li l-post li jidher wara ma għadux jezisti. Qaluli ukoll li jista jkun ittieħed ħdejn l-iskola tal-Vajringa tar-Rabat. Wara li flejt sew il-kolonni sibt li kienu differenti. Komplejt ninvestiga u sibt li l-iscouts tar-Rabat f’dawk iż-żminijiet kienu jiltaqgħu f’dar qrib il-Katidral. Dun Ġużepp Farrugia qalli li dak kien ittieħed fil-pjazza tal-Katidral. Dan ġie ukoll konfermat min ħuħ Anton Farrugia li fir-ritratt jidher liebes ta’ cub.

Meta ittieħed dan ir-ritratt il-pjazza tal-Katidral kont titħol fiha mid-daħla li hemm fil-ġemb. Il-mina ma kienetx hemm. Il-pjazza kienet aktar għolja milli hi illum. Filfat għal-qorti u għal Awla Kapitali, il-post fejn ittieħed dan ir-ritratt, kien hemm tlett tarġiet biss. Jekk jigi mifli r-ritratt jidru dawn it-tlett tarġiet. Biex inkun aktar ċert ħadt xi ritratti u kemm il-kolonni u kemm il-ġebel tal-bini juri li il-post hu l-Awla Kapitali fejn jiltaqu l-Monsinjuri tal-Katidral, il-post fejn ittieħed ir-ritratt fl-1937.

Dan ir-ritratt poġġejtu fuq l-internet u anki bgħattu lil ħabib tiegħi Joe Axiaq li qed Melbourne l-Awstralja. Joe qal ‘b’dak ir-ritratt kont sorpriż ħafna għax la qatt kont smajt li kien hemm il-boy scouts iż-Żebbuġ u anqas u anqas qatt ma smajt lil missieri jgħid li kien wiehed minnhom. Lanqas ħuti ma jiftakru li qatt semgħuh jgħid xi ħaġa’.

Dak li seħħ fiż-Żebbuġ fl’1935 għandu jibqa imniżżel fl-istorja tagħna b’ittri tad-deheb. Dan it-troop ma kellux ħajja twila. Wara erbgħa snin biss faqqet it-tieni gwerra dinjija. Kemm Malta u anke Għawdex daħlu f’dan il-gwaj ikraħ. Il-bidu tal-gwerra kien it-tmien ta’ l-iscouts taż-Żebbuġ. Minflok iż-żgħażagħ Żebbuġin baqgħu jitrenjaw u jimmarċjaw fil-pjażża tar-raħal dawn sabu rwieħom suldati jew iħaffru x-xeltrijiet. Dak kellu ikun id-destin. Destin kiefer li kisser dan it-troop u li qatt ma reġa twaqqaf mill-ġdid.

Bħala tifel ta’ wieħed mil l-iscouts miż-Żebbuġ u missier ta’ żewġ scouts ta’ Victoria Scouts nappella li din l-istorja tiġi mfakkra fir-raħal tagħna. Din l-istorja għandha tagħlimna li z-zgħazagħ tagħna dejjem kienu kapaċi bħal oħrajn. Il-Kunsill Lokali għandu d-dmir li jfakkar dan. Hi ħasra li l-istorja tat-twaqqif u t-tmiem ta’ l-iscouts fiż-Żebbuġ inkitbet biss fir-ramel. Hi ħasra li l-maġġoranza taż-Żebbuġin lanqas biss jafu li kellhom lil missierhom jew familjari tagħhom scouts. Jien wieħed minn dawn – ma kontx naf li missieri, Ġuzepp Saliba magħruf Bendu, kien wieħed minnhom.

Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2012
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini