ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Il-Lok ta’ Għajn Melel
Kitba ta’ Joe Axiaq
  Hekk kif tgħaddi d-daħla tal-Ponta ta’ Għajn Melel biex tibda n-niżla li twasslek sal-Bajja tax-Xwejni u tħares quddiemek mill-għoli taħtek, ftit ‘il bogħod fejn illum hemm il-grawnd taż-Żebbuġ Rovers hemm il-fdal ta’ dar li l-anzjani tar-raħal kienu jsibu bħala l-Lok ta’ Għajn Melel. Il-kelma ‘lok’ jew ‘post’ għal xi binja ta’ dar kienet tintuża ħafna.

Kif tibda n-niżla għax-Xwejni fuq in-naħa tax-xellug kont tista’ taqbad passaġġ dejjeq, li konna ngħidulu l-minżel, kollu ġebel li jwasslek sal-Lok ta’ Għajn Melel. Minnu tibqa’ nieżel minn qalb l-għelieqi sas-sisien għolja tax-xtajta bejn ix-Xwejni u Wied il-Għasri. L-irġiel tar-raħal kienu jgħaddu minn dan il-passaġġ biex jaqtgħu fil-qasir meta bil-lejl kien ikun dawl ta’ qamar u temp tajjeb għas-sajd tal-kaħli. Kienu jinżlu minn dawn l-inħawi biex imorru jistadu minn fuq Ras ir-Reqqa u s-sisien għolja ta’ fuq il-baħar. Kienu jinżlu bil-mixi armati b’barżakki bl-għalf tal-kaħli u l-qasab twal fuq spallejhom.

Dwar il-Lok ta’ Għajn Melel kienu jingħadu ħafna stejjer ta’ iħirsa u fatati. Kien hemm min jgħid li fl-inħawi kien hemm moħbi l-għoġol tad-deheb li l-leġġenda tgħid li nstab u reġa’ nħeba minn bidwi Għawdxi. Fuq in-naħa ta’ wara tal-Lok li tagħti għal fuq il-baħar għad fadal il-ħajt b’tieqa li tagħti wkoll għall-għelieqi ta’ madwar. In-nannu kien jirrakkonta l-istorja ta’ wieħed bidwi li kellu n-nies jaħdmu miegħu biex jgħinuh fl-uċuħ tar-raba’. Ra tiela’ ajru msaħħab u nstema’ xi ragħad fil-bogħod. Ħareġ jgħajjat kemm jiflaħ lill-ħaddiema minn din it-tieqa, “Ejjew, ejjew għax-ġejja x-xita”, biex il-ħaddiema jidħlu għall-kenn. Meta konna tfal kienu jgħidulna biex meta jinstema’ r-ragħad u s-sajjetti noqgħodu kwieti għax l-għajjat u l-istorbju jiġbdu s-sajjetti. U hekk ġralu dan il-bidwi; faqqet sajjetta kbira u waqqgħet il-Lok ta’ Għajn Melel u qatlitu.

L-irġiel taż-Żebbuġ kienu jgħaddu mgħaġġla bil-lejl fi triqithom għas-sajd. Darba waħda raġel mir-raħal kien tiela’ lura lejn daru wara kważi lejl sħih jistad. Il-qamar kien għeb wara s-sħab u kienet dalma sewwa. Hekk kif wasal qrib il-Lok ta’ Għajn Melel, moħħu beda jhewden dwar l-istejjer li kien sema’ u għaġġel il-pass. F’daqqa waħda jħoss minn jiġbdu minn wara. Ir-raġel twerwer. Bil-fixla u bl-għaġla telaq il-qasab u l-barżakka tas-sajd li kellu fuq spalltu u baqa’ tiela’ mwerwer jiġri lejn daru.

L-għadu fil-għodu meta kienet għaddietlu daqsxejn il-ħasda ddeċieda li jerġa’ lura lejn il-mogħdija qrib il-Lok ta’ Għajn Melel biex jara jekk il-qasab u l-barżakka tas-sajd kinux għadhom hemm. U hekk kif wasal u sabhom induna x’ġara. Is-sunnara marbuta fit-tarf tal-ħarira tul il-qasba, li kienet imwaħħla fit-tarf tal-qasba tas-sajd, kienet inqalgħet u bdiet titkaxkar mal-art mill-qasba fuq spalltu, sakemm inqabdet fi skoll fil-passaġġ. Waqt li r-raġel baqa’ miexi mgħaġġel bil-qasba fuq spalltu u s-sunnara fit-tarf tal-ħarira weħlet mal-ġebla, ħass bħal min kien qed jiġbdu lura. Ir-raġel reġa’ lura lejn daru u rrakkonta l-istorja li ġratlu qrib il-Lok ta’ Għajn Melel.

Fatt Storiku dwar id-dar ta’ Għajn Melel
Skont l-istorja taż-Żebbuġ, ‘Iż-Żebbuġ u l-Ġrajja Tiegħu’, miktuba minn Mons. Can. Cant. Giov. Andrea Vella D. D., J.C.D. li kienet ippubblikata f’faxxikli fl-1966, f’Faxxiklu 14, paġni 278 u 279, jirrakkonta l-istorja ta’ din id-dar.

Diżgrazzja qatt bħala fir-raħal
Malli naqbdu n-niżla ta’ Għajn Melel, in-naħa tal-baħar, naraw dar, illum kważi mwaqqa’, li jgħidulha tal-waħx, għax kif jingħad, kienu jisimgħu ħafna taħbit.

Din id-dar tmenin sena ilu kienet razzett tal-familja Ċini (Tal-Moxx).

Kien ix-xahar ta’ Settembru tas-sena 1879, meta minn ġewwa t-tramuntana daħal temp ikrah. Beda l-beraq, ragħad, sajjetti u xita bil-qlil. Pupull tal-Moxx tela’ fuq il-bejt tar-razzett biex isejjaħ lill-ħaddiema biex jiġu għall-kenn. “Ejjew…”, mal-kelma sajjetta tixorbu u tħallih mejjet. F’dak il-jum waqa’ vistu kbir fuq il-familja u l-parroċċa. Oħt Pupull, Marija (Ġamrica) semmiet Pupull għalih, l-ewwel tifel li kellha; dan issa miet fis-sena 1964. Kellu 84 sena.

Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2012
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini