ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Dun Franġisk Manueli u Niesu
miktub minn: Horatio Caesar Roger Vella
Professur tal-Latin u tal-Grieg fl-Università ta’ Malta.
  Min jidħol fis-sagristija tal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Marija Mtellgħa fis-Sema fiż-Żebbuġ, Għawdex, min-naħa tal-kappellun tax-xellug, u jdur lejn ix-xellug u jħares lejn il-ħajt tal-Punent, jara bosta “santi” u ritratti ta’ imwiet ta’ saċerdoti li ħarġu minn din il-Parroċċa Matriċi. Fl-ewwel inkwatru mix-xellug insibu notifikazzjoni fuq Dun Franġisku Manueli, ħu antenat tiegħi.


L-Ewwel Parti

Dun Franġisku Manueli twieled fid-9 ta’ Marzu, 1708, fiż-Żebbuġ, Għawdex, minn Ġwanni Marija u Alberta Mercieca, u tgħammed jumejn wara fil-Knisja Matriċi ta’ Għawdex. Missieru, Ġwanni Marija, bin Ġwanni Pawlu u Marija Bigeni, miż-Żebbuġ, armel ta’ Anġelika Cassar, bint Marċellu u Marija, mill-Għarb, iżżewweġ lil Bernarda Alberta Mercieca, bint Ġulju u Marija Pace, mir-Rabat ta’ Għawdex, fis-27 ta’ April, 1705, fil-Knisja ta’ San Kosma u San Damjan ġewwa ċ-Ċittadella fejn darba kien hemm sptar. L-amministratur taż-żwieġ kien il-Kanonku Wiġi Cefai, waqt li x-xhieda kienu Pietru Pawlu Farrugia u Bertu Mifsud.

Dun Franġisk huwa l-uniku wild mis-seba’ ħutu l-oħra li tgħammed fil-Matriċi. L-oħrajn tgħammdu fiż-Żebbuġ hekk: Mikiel Anġlu, li twieled fl-20 ta’ Jannar, 1706, u tgħammed l-għada, u li kien l-ikbar minn ħutu, u kien antenat tiegħi (ara fil-ħarġa tas-sena d-dieħla); Antonju, li twieled fid-19 ta’ Ġunju, 1710, u tgħammed fl-istess jum; Anġelica sive Katerina, li twieldet fis-26 ta’ Novembru, 1712, u tgħammdet l-għada; Alfonsa, li twieldet fit-13 ta’ Jannar, 1716, u tgħammdet l-għada; Marju, li twieled fil-15 ta’ Awwissu, 1717, u tgħammed fl-istess jum; Rożarja, li twieldet fit-8 ta’ Ġunju, 1720, u tgħammdet l-għada, u Agata, li twieldet fl-4 ta’ Frar, 1725, u tgħammdet fl-istess jum.

B’hekk wieħed jikkonkludi li fil-familja tiegħu kien hemm erba’ subien u erbat ibniet. Imma jrid jingħad li Alfonsa mietet ta’ ħames xhur fis-27 ta’ Ġunju, 1716, waqt li Marju miet ta’ 25 sena fit-28 ta’ Settembru, 1742. Mill-oħrajn, Mikiel Anġlu żżewweġ li Duminka Ġenovese fil-Knisja tal-Portu Salvu, fil-Belt Valletta, fil-21 ta’ Novembru, 1728, u mar joqgħod fiż-Żejtun minn fejn ħarġu l-antenati tiegħi bil-kunjom “Vella” (ara fil-ħarġa tas-sena d-dieħla); Antonju żżewweġ lil Marija Filippone fiż-Żurrieq fit-30 ta’ Lulju, 1730 u, wara, lil Anna D’Alfonso fiż-Żurrieq stess fis-27 ta’ Settembru, 1774; Anġelica sive Katerina żżewġet lil Tumas Zahra fiż-Żebbuġ fl-24 ta’ Awwissu, 1729; Rożarja żżewġet lil Orazju Galea fiż-Żebbuġ fit-28 ta’ Awwissu, 1737, u marret toqgħod fl-Għarb, waqt li Agata żżewġet li Mikiel Galea fiż-Żebbuġ fis-17 ta’ Awwissu, 1749, u marret toqgħod l-ewwel fiż-Żebbuġ, u mbagħad fir-Rabat ta’ Għawdex.

Iżda din ma kinietx il-familja kollha ta’ Dun Franġisk Manueli. Dan ngħidu għaliex, kif għidna, missieru kien miżżewweġ darbtejn.

Ġwanni Marija Manueli, missier Dun Franġisk, kien qabel iżżewweġ lil Anġelika Cassar, bint Marċellu u Marija, mill-Għarb, fis-17 ta’ Awwissu, 1687, fil-Knisja ta’ San Lawrenz, Parroċċa tal-Għarb. L-amministratur taż-żwieġ kien il-Kappillan Dun Ġwanni Marija Camilleri, waqt li x-xhieda kienu Dun Duminku Axiaq u Ġlormu Spiteri. Ġwanni Maria Manueli baqa’ joqgħod fiż-Żebbuġ. Minn dan iż-żwieġ, Ġwanni Marija Manueli kellu dawn it-tfal, li twieldu kollha fiż-Żebbuġ hekk: Indrì li twieled fis-26 ta’ Jannar, 1689, u tgħammed l-għada fil-Knisja Matriċi fir-Rabat; Orazju, li twieled fis-17 ta’ Ottubru, 1691, u tgħammed fiż-Żebbuġ l-għada; Ġużeppi, li twieled fl-24 ta’ Marzu, 1694, u tgħammed fiż-Żebbuġ fl-istess jum; Ġwanni Duminku sive Marċellu, li twieled fil-5 ta’ Novembru, 1695, u tgħammed fiż-Żebbuġ fl-istess jum; Ġużeppi ieħor, li twieled fis-27 ta’ Ġunju, 1698, u tgħammed fiż-Żebbuġ fl-istess jum; Maria, li twieldet fl-4 ta’ Marzu, 1700, u tgħammdet fiż-Żebbuġ fl-istess jum; Ġwanni Pawlu, li twieled fit-12 ta’ Lulju, 1702, u tgħammed fiż-Żebbuġ fl-istess jum; u Roża li twieldet fl-20 ta’ Diċembru, 1704, u tgħammdet fiż-Żebbuġ l-għada. B’hekk, minn dan l-ewwel żwieġ, Dun Franġisku Manueli kellu tmint aħwa oħra, sitt subien u żewġt ibniet. Minn dawn, l-ewwel Ġużeppi miet ta’ sentejn fl-1 ta’ Lulju, 1696, waqt li Roża mietet ta’ ħames xhur fit-22 ta’ Mejju, 1705.

Minn dawn l-aħwa, Dun Franġisk kellu waħda soru, Marija. L-oħrajn iżżewġu hekk: Indrì żżewweġ li Vittorja Mizzi fil-Knisja ta’ San Ġorġ fir-Rabat ta’ Għawdex fil-25 ta’ Awwissu, 1714, u baqa’ joqgħod fir-Rabat; Orazju żżewweġ lil Katerina Saliba fil-Matriċi fis-16 ta’ Settembru, 1714, u baqa’ joqgħod fir-Rabat; Ġwanni Duminku sive Marċellu żżewweġ lil Anna Mangion fiż-Żebbuġ fid-29 ta’ Lulju, 1719; Ġużeppi żżewweġ lil Grazzja Spiteri fil-Knisja tal-Portu Salvu fil-Belt Valletta fid-29 ta’ Ottubru, 1737; waqt li Ġwanni Pawlu żżewweġ li Ursula Saliba fiż-Żebbuġ fit-2 ta’ Awwissu, 1721.

Barra oħtu soru mill-ewwel żwieg ta’ missieru, Dun Franġisk Manueli kellu qarib ieħor li kien qassis, il-Kanonku Anġlu Manueli, li kien jiġu minnu hekk:

Il-Kanonku Anġlu Manueli kien bin Ġwanni Marija u Liberata Agius, li kienet mill-Għarb u li marret toqgħod fiż-Żebbuġ: dan Ġwanni Marija kien bin Ġwanni Pawlu Manueli u Ursula Saliba, miż-Żebbuġ, waqt li Ġwanni Pawlu kien ħu Dun Franġisku mill-ewwel żwieġ ta’ missieru. B’hekk, Dun Anġlu kien bin in-neputi ta’ Dun Franġisk. Huwa twieled fiż-Żebbuġ fis-17 ta’ Ottubru, 1797, u tgħammed l-għada, għix fl-Algiers, u miet fl-Għarb fil-11 ta’ Novembru, 1871, ta’ 74 sena.

Dun Franġisku Manueli miet ta’ 83 sena fiż-Żebbuġ fit-8 ta’ Awwissu, 1787, u ndifen fil-Knisja Parrokkjali taż-Żebbuġ. Ħutu li ma mietux żgħar mietu hekk: mill-ewwel żwieġ ta’ missieru, Indrì miet fin-Nadur; Orazju miet fir-Rabat; Marċellu miet ukoll barra miż-Żebbuġ; Ġużeppi miet fil-Belt Valletta; Sor Marija mietet ta’ 44 sena fiż-Żebbuġ fit-28 ta’ Diċembru, 1744; Ġwanni Pawlu miet ta’ 77 sena fiż-Żebbuġ fit-28 ta’ Ottubru, 1779; waqt li mit-tieni żwieġ ta’ missieru, Mikiel Anġlu miet fiż-Żejtun; Antonju miet fiż-Żurrieq; Katerina sive Anġelika mietet barra miż-Żebbuġ; Rożarja mietet ta’ 70 sena fl-Għarb fid-9 ta’ Ġunju, 1789, waqt li Agata mietet ta’ 69 sena fir-Rabat ta’ Għawdex fis-27 ta’ Ottubru, 1789, u ndifnet fil-Matriċi.

L-Atti tan-Nutar Wiġi Magri Cremona, tat-12 ta’ Settembru, 1737, jgħidu li Dun Franġisku Manueli ħalla wara mewtu li d-dħul minn proprjetà, li kienet dar bl-għelieqi magħha, li mill-Ilvant kellha tmiss magħha triq pubblika, min-Nofsinhar proprjetà ta’ Dun Marċellu Calleja, mill-Punent triq pubblika oħra, u mit-Tramuntana proprjetà ta’ Ġwanni Pawlu Gatt u ta’ oħrajn, kellu jintuża għall-manutenzjoni tal-Knisja tal-Patroċinju tal-Imqaddsa Verġni Marija fl-Għasri.

Missier Dun Franġisku Manueli, Ġwanni Marija, li twieled fiż-Żebbuġ fis-26 ta’ Diċembru, 1659, u tgħammed fil-Matriċi, miet fiż- Żebbuġ fil-5 ta’ Frar, 1739, u ndifen fil-Knisja Parrokkjali taż-Żebbuġ fil-preżenza ta’ diversi qassisin. L-ewwel mara tiegħu, Anġelika, mietet fiż-Żebbuġ fil-31 ta’ Jannar, 1705, u ndifnet fil-Knisja Parrokkjali taż-Żebbuġ. It-tieni mara tiegħu, Alberta, mietet fiż-Żebbuġ fis-17 ta’ Diċembru, 1770, fl-età ta’ 90, u ndifnet fil-Knisja Parrokkjali taż-Żebbuġ.

Missier Dun Franġisku Manueli, Ġwanni Marija, kien imlaqqam “Il-furnar”. Dan kien iħallas ċens ta’ għelieqi li kienu proprjetà parti tal-Kapitlu tal-Knisja Kolleġġjata ta’ Birkirkara, u parti tal-Kunvent tas-Sorijiet Benedittini ta’ Santa Skolastika f’Victoriosa. Dawn l-għelieqi kienu msejħa “Ta’ Kanċila”, “Ta’ Ġordan”, “Tal-Ħġieri”, “Il-Wilġa” u “Ta’ Ċikku” f’Għammar. Id-dixxendenti tiegħu, minn ġenerazzjoni għall-oħra, għamlu rikorsi lill-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ Birkirkara permezz tan-Nutari, Periti, Maġistrati, ċertifikati tal-magħmudijiet, żwieġ u mwiet, karti ġenealoġiċi u l-Isqof biex jippruvaw li kienu s-sidien ta’ dawn l-artijiet (Ara Appendiċi, isfel). Xi wħud minn dawn l-għelieqi daħlu għalihom l-antenati tiegħi miż-Żejtun, dixxendenti ta’ Ġwanni Marija Manueli.

L-Antenati ta’ Dun Franġisk Manueli
L-antenati ta’ Dun Franġisk Manueli kienu dawn: Missieru, Ġwanni Marija, kien bin Ġwanni Pawlu, li żżewweġ lil Maria Bigeni, bint Ġlormu u Margerita Micallef, fil-Matriċi fl-14 ta’ Novembru, 1649. Ġwanni Pawlu miet fiż-Żebbuġ fil-11 ta’ Novembru, 1701, ta’ 80, waqt li martu, Marija, mietet fis-6 ta’ Mejju, 1699, ta’ 65 sena. Ġwanni Pawlu Manueli kien bin Ġulju, li żżewweġ lil Katerina madwar is sena 1600. Wara li miet żewġha, hija żżewġet lil Siġismondu Burlò, minn Ħal Tarxien, fl-10 ta’ Ottubru, 1621, fil-Matriċi. Ġulju twieled u tgħammed f’Għawdex fit-28 ta’ Diċembru, 1579. Missieru, Franġisku sive Fanġju (32: ara l-ħarġa tas-sena d-dieħla), iżżewweġ lil Marjanna sive Marietta madwar is-sena 1565. Dawn it-tnejn kienu residenti għal xi żmien fir-Rabat ta’ Malta, qabel ma żżewġu. Ir-reġistri ta’ Malta u Għawdex ma jmorrux lura iktar mill-1540. Missier Franġisku kien il-Kjerku Ġwanni Manueli (30: ara l-ħarġa tas-sena d-dieħla), li wkoll kien għal xi żmien residenti f’Malta. Dan iżżewweġ madwar is-sena 1535. Kien użufrutwarju ta’ benefikat imħolli minn Dun Antonellu Manueli (21: ara l-ħarġa tas-sena d-dieħla), x’aktarx zijuh fil-bogħod li, peress li meta kien għadu mhux Kjerku, il-frott tiegħu kien qed jieħdu Dun Leonardu Dalli. Jidher li Dun Leonardu kien qarib tal-familja Manueli, għaliex insibuh parrinu fil-magħmudija ta’ Ġwanni-Antonju Manueli, ħu Ġulju, fit-22 ta’ Lulju, 1568. Kellu wkoll skjav li tgħammed fit-2 ta’ Ottubru, 1569. Ulied il-Kjerku Ġwanni Manueli, Franġisku, l-antenat tiegħi, u ħuh Mattew, għamlu rikors għand Monsinjur Pietru Dusina fl-1575 biex dak il-benefikat jieħdu lura missierhom, issa li kien sar Kjerku. Dan il-benefikat kien jikkonsisti f’ħames għelieqi msejħa “Sieq Tarġa” (ara fil-ħarġa tas-sena d-dieħla, nri. 22-24, 26, 30, 31 u 32), “il-Kappara” (ara fil-ħarġa tas-sena d-dieħla, nri. 21, 22, 24, 25 u 30), “Ta’ Elja”, “Ta’ Melfur” u “Talmelchione”.

Fl-ewwel reġistru t’Għawdex, li jiena ttraskrivejt u ppubblikajt ftit tas-snin ilu, u li xi informazzjoni minnu qegħda tidher hawn, insibu iktar familji bl-isem ta’ Manueli, iżda il-konnessjoni tagħhom mal-familja ta’ Fanġju Manueli mhix ċara peress li mhux it-tfal kollha jissemmew fir-reġistru tal-magħmudija għall-fatt li l-manuskritt fih in-nieqes. Il-probabbiltà hi li dawn li ser insemmi hawn kienu jew ħut Franġisku, jew ħut ibnu, Ġulju, jew kuġini tagħhom.

Ir-reġistru jsemmi lil Antonju Manueli li żżewweġ lil Anjeża qabel l-1588, u li seta’ kien l-istess Ġwanni Antonju, bin Franġisku u ħu Ġulju; Ġakbu Manueli, missier Isabella, li fil-15 ta’ Novembru, 1562, iżżewġet lil Tumas Gauci; Indrì Manueli, li żżewweġ lil Romana qabel l-1590; Mattew, ħu Franġisku (ara l-ħarġa tas-sena d-dieħla), li jista’ ikun kien l-istess Mattija, li żżewweġ lil Eliżabbetta qabel l-1559, u li miet fil-15 ta’ Novembru, 1600; Nikola, li żżewweġ lil Katerina qabel l-1554; Pawlu, li żżewweġ lil Antonella qabel l-1559, Salvu, li żżewweġ lil Ġovanella qabel l-1569, u Saverju, li bintu, Franġiska, iżżewġet lil Ġakbu Albano, bin Salvu, fl-1 ta’ Jannar, 1563. Infakkar li dan ir-reġistru jibda fl-1554, tliet snin biss wara li t-Torok ħabtu għal Għawdex, u kaxkru mijiet lejn l-iskjavitù.

Għalkemm mhux imsemmi bħala qed jitgħammed, jirċievi l-Griżma tal-Isqof, jiżżewweġ jew jindifen, jissemma wkoll il-Kjerku Ġwanni Manueli, missier Franġisku u Mattew Manueli (ara fuq), li jidher bħala xhud fiż-żwieġ ta’ Indrì Parnis ma’ Eliżabbetta Pontremoli fil-5 ta’ Frar, 1575. Jissemmew wkoll Dun Antonellu Manueli (ara fuq u l-ħarġa tas-sena d-dieħla), li kien Viċi-Parroku u li jidher qed jamministra l-magħmudija ta’ Ġovanna Siracusa fit-12 ta’ Mejju, 1561, u Dun Ġwann Manueli (ara l-ħarġa tas-sena d-dieħla), li wkoll kien Viċi-Parrokku, u li jidher qed jamministra l-magħmudija ta’ Orlandu Carceppo fit-18 ta’ Settembru, 1580. Dan Dun Ġwann kien ukoll Locumtenens, fis-sens li kien jieħu ħsieb il-parroċċa fl-assenza tal-Kappillan tiegħu. Antonellu Manueli jidher ukoll bħala xhud meta kienu għadu Kjerku fis-27 ta’ April, 1540, fit-testment ta’ Antonju Fantino. Fl-20 ta’ Marzu, 1543, deher bħala qassis, medjatur u xhud fit-testment ta’ Margerita Saliva, mart Leonardu u armla ta’ Franġisku Santoro. Is-siġill li uża kien ġab l-armi ta’ De Federico.

Il-Familja Manueli fis-Seklu Ħmistax
Madwar żewġ ġenerazzjonijiet qabel l-1535, meta x’aktarx iżżewweġ il-Kjerku Ġwanni Manueli, f’Malta u Għawdex nsibu numru mdaqqas ta’ nies bl-istess kunjom li dak iż-żmien kien jidher bħala “De Manuele”. Dawn in-nies jidhru f’diversi kuntratti. Huwa diffiċli tgħid x’kienet il-konnessjoni ta’ dawn in-nies mal-antenati ta’ Dun Franġisku Manueli. Imma nafu li, kif għidna fuq, Franġisku u Marjanna Manueli, il-bużbużnanniet ta’ Dun Franġisku Manueli, ukoll kienu residenti fir-Rabat ta’ Malta għal xi żmien. Dawn in-nies jidhru kif ġej:

1. Nikola Manueli, li nħatar wieħed minn tliet Imħallfin tal-Università ta’ Għawdex għas-snin 1401-1402, skont digriet li ħareġ minn Katanja fil-25 ta’ Settembru, 1401, u għas-snin 1407-1408 skont digriet li ħareġ minn Sirakuża fl-20 ta’ Settembru, 1406.
2. Pawlu Manueli, li fl-1402 inħatar wieħed minn erba’ Ġurati tal-Università ta’ Għawdex għas-snin 1402-1403, skont digriet li ħareġ minn Katanja fl-20 ta’ Settembru, 1402, għas-snin 1404-1405, skont digriet li ħareġ minn Katanja fit-22 ta’ Ottubru, 1404, u għas-snin 1407-1408, skont digriet li ħareġ minn Sirakuża fl-20 ta’ Settembru, 1406.
3. In-Nutar Anġlu Manueli, magħruf ukoll bħala “Anġlu Mullica”, li f’Jannar tal-1423, ħa ħsieb it-testment tal-familja Pellegrino minn Għawdex. Fl-1436, inħatar mill-Viċi-Re ta’ Sqallija, Battista de Platamone, b’digriet li ħareġ minn Katanja fit-22 ta’ Novembru, 1436, Imħallef fil-Qorti tal-Kaptan tal-Imdina u Assessur flok dak ta’ qablu. Mis-sena ta’ wara, dan in-Nutar inħatar wieħed minn erba’ Nutari li kellhom iservu ta’ Imħallfin fil-Qorti tal-Kaptan tal-Imdina kull sentejn sakemm ir-Re Alfonso kien ser jiddeċiedi mod ieħor. Dan sar b’digriet li ħareġ minn Katanja fl-1 ta’ Marzu, 1437. Dan in-Nutar kien jgħix f’Għawdex: tant hu hekk, li waqt li żamm il-kariga tiegħu f’Malta, inħatar ukoll Imħallef fil-Qorti tal-Kaptan tal-Università ta’ Għawdex għall-istess snin 1437-1438, skont id-digriet li ħareġ minn Katanja fl-1 ta’ Marzu, 1437. Peress li ma kienx possibbli li l-istess persuna jżomm żewġ postijiet, wieħed f’Malta u l-ieħor f’Għawdex, in-Nutar Anġlu Manueli tilef postu f’Għawdex għall-Imħallef Indrì De Beniamin għas-snin 1437-1438, skont id-digriet li ħareġ minn Palermo fl-10 ta’ Jannar, 1438. F’każ, imma, li n-Nutar De Beniamin ma kienx ser jibqa’ Imħallef, in-Nutar Manueli, minkejja li kien ser ikun Imħallef f’Malta, xorta seta’ joqgħod bħala r-raba’ u l-aħħar Imħallef f’Għawdex minfloku. Dan skont id-digriet li ħareġ minn Palermo fil-11 ta’ Jannar, 1438. Fl-1454, il-pożizzjoni ta’ Imħallef [f’Malta] ġiet imwegħda lin-Nutara Antonju Falzon u Anġlu Manueli: dan sabiex il-flus dovuti lejhom jintużaw biex ikopru bżonnijiet fil-Kurja tal-Università. Dan skont digriet li ħareġ minn Palermo fit-28 ta’ Lulju, 1454. Fl-istess sena huwa kiteb il-kuntratt tal-fundazzjoni “Tal-Istabal” jew “Santa Maria delli Bordino” jew “Tal-Bordini” f’Ħaż-Żebbuġ fl-inħawi ta’ San Ġakbu ħdejn il-Knisja ta’ Santa Marija tal-Virtù li n-Nobbli Bartilmew De Bordino waqqaf. Fl-istess sena, in-Nutar Manueli nħatar wieħed mit-tliet Imħallfin fil-Qorti Ċivili tal-Università ta’ Għawdex għas-snin 1454-1455, skont digriet li ħareġ minn Palermo fl-4 ta’ Marzu, 1455. Sena wara huwa kiteb il-kuntratt li fih il-Baruni Marku Antonju Inguanez u martu, il-Barunissa Imperja Gatt, ġenituri ta’ Dun Lanċea, waqqfu benefizzju b’ġuspatronat iddedikat lill-Madonna ta’ Monserrat imsejjaħ “Ta’ Ħelu”, fl-inħawi ta’ San Martin, b’kappella fil-Katidral tal-Imdina. Tliet snin wara, dan in-Nutar Manueli nħatar Imħallef tal-Ewwel Appell fl-Università tal-Imdina għas-snin 1458-1459, skont digriet li ħareġ minn Palermo fid-29 ta’ Mejju, 1458. F’dik l-istess sena, huwa nħatar mill-Viċi-Re ta’ Sqallija biex jagħmel rapport u jibagħtu lir-Re dwar kemm iffundati kienu l-ilmenti ta’ xi mibgħutin mill-Università tal-Imdina lejn ir-Re dwar l-aġir ta’ Ġwanni De Guevara bħala Kastellan tal-Kastell tal-Baħar (Birgu). Din il-ħatra seħħet b’digriet li ħareġ minn Palermo fis-27 ta’ Ġunju, 1458. Fl-istess sena, in-Nutar Manueli niżżel fl-Atti d-deċiżjoni tal-Viċi-Re dwar Nikola De Algaria li kien ħa r-responsabbiltà li jamministra l-qbiela tal-Università ta’ Għawdex għas-snin 1446-1450, kif jidher f’dokument li deher f’Palermo fit-2 ta’ Diċembru, 1458.
4. Pietru Manueli, magħruf ukoll bħala “Pietru Mullica”, li fl-1432 inħatar wieħed mill-erba’ Ġurati tal-Università ta’ Għawdex għas-snin 1432-1433, skont digriet li ħareġ minn Messina fit-3 ta’ Novembru, 1432, u għas-snin 1444-1445, skont digriet li ħareġ minn Palermo fis-7 ta’ Novembru, 1444.
5. Rajnerju Manueli, li fl-1442 inħatar wieħed miż-żewġ Akatapani fl-Università tal-Imdina għas-snin 1442-1443, skont digriet li ħareġ minn Katanja fid-9 ta’ Settembru, 1442.
6. Federiku Manueli, li fl-1444 inħatar wieħed miż-żewġ Akatapani fl-Università ta’ Għawdex għas-snin 1444-1445, skont digriet li ħareġ minn Palermo fis-7 ta’ Novembru, 1444.
7. Antonju Manueli, magħruf ukoll bħala “Antonju Mullica”, li fl-1444 kellu artijiet f’Dbieġi, jew Ta’ Dibiġi, f’Għawdex, għolja fuq l-Ilvant tal-Għarb, li kienu jmissu ma’ dik ta’ Damiata de Raspullo, mart Antonju, li fit-testment tagħha tat-18 ta’ Frar, 1444, ħallietha lill-Matriċi, u ma’ dawk ta’ Antonju de Suria. Fl-1453, inħatar bħala wieħed mill-erba’ Ġurati tal-Università ta’ Għawdex għas-snin 1453-1454, skont digriet li ħareġ minn Palermo fis-27 ta’ Ottubru, 1453.
8. Ġwanni Manueli, li kien magħruf ukoll bħala “Ġwanni Mullica”, u li kien Imħallef fit-testment ta’ Mikiel Cadumi tad-19 ta’ Mejju, 1446 u tat-testment ta’ Mattew Mannara tal-15 ta’ Marzu, 1452. Inħatar wieħed miż-żewġ Akatapani tal-Università ta’ Għawdex għas-snin 1454-1455, skont digriet li ħareġ minn Palermo fl-4 ta’ Marzu, 1455. Kien inħatar Imħallef fil-Qorti Ċivili tal-Università ta’ Għawdex għas-snin 1457-1458, skont digriet li ħareġ minn Palermo fil-15 ta’ Settembru, 1457, għas-snin 1462-1463, skont digriet li ħareġ minn Palermo fil-5 ta’ Awwissu, 1462, għas-snin 1467-1468, skont digriet li ħareġ minn Palermo fl-24 ta’ Lulju, 1467, għas-snin 1469-1470, skont digriet li ħareġ minn Katanja fid-29 ta’ Settembru, 1469, u għas-snin 1476-1477, skont digriet li ħareġ minn Messina fl-1 ta’ Awwissu, 1476. Dan Ġwanni Manueli kellu għalqa li kienet tmiss ma’ dawk ta’ Ġwanni Damphasin, Demetriju, triq pubblika u dik ta’ Margerita Xeiba, mart Pawlu, li ħallietha għall-Knisja ta’ Santa Marija msejħa “Ta’ Savina”, li kienet il-parroċċa tagħha. Dan jikkonferma li dak iż-żmien kien hawn erba’ parroċċi, kollha fir-Rabat. Dawn kienu tal-Matriċi, ta’ San Ġorġ, ta’ San Ġakbu u ta’ Savina.
9. In-Nobbli Nutar Mattew Manueli-Manna. Mattew Manueli kien inħatar Nutar tal-Qorti Ċivili tal-Università tal-Imdina għas-snin 1452-1453, skont digriet li ħareġ minn Palermo f’Diċembru, 1452, u għas-snin 1453-1454, skont digriet li ħareġ minn Palermo fis-7 ta’ Frar, 1453. Huwa nħatar wieħed mill-erba’ Ġurati tal-Università tal-Imdina għas-snin 1458-1459, skont digriet li ħareġ minn Palermo fid-29 ta’ Mejju, 1458. Hu kien talab lis-Segretarju u lill-Kredenċerju tal-Università tal-Imdina biex jestendi d-dwieli tiegħu għal fuq art mhux ikkultivata u li kienet tappartjeni lill-Kuruna. Din it-talba kienet ġiet milqugħa skont digriet li ħareġ minn Palermo fl-20 ta’ Mejju, 1461. Kien inħatar wieħed mill-ħames Ġurati fl-Università tal-Imdina għas-snin 1462-1463, skont digriet li ħareġ minn Palermo fl-1 ta’ Awwissu, 1462, u Mħallef fil-Qorti Ċivili għas-snin 1464-1465, skont digriet li ħareġ minn Palermo fit-23 ta’ Lulju, 1464. Fis-sena ta’ wara, il-Viċi-Re ta’ Sqallija ordnalu bħala Mħallef jikkastiga lil Dionisju Attard favur Ġwanni Mangion, kif jidher mid-digriet li ħareġ minn Messina fis-26 ta’ Jannar, 1465. Fit-12 ta’ Settembru, 1467, kien xhud fil-ħatra ta’ Ochua De Gambra, Basque, bħala prokuratur ta’ Ciancio Lassu, Basque ieħor u residenti f’Malta. Erbat ijiem wara, kien xhud f’talba li Lanċea Borg għamel biex jieħu lura għalqa. Fil-25 ta’ Settembru, 1467, bħala kustodju ta’ Litterju u Pawla De La Barba, ulied il-mibki Pietru u Kostanza, mart Ġwanni Zammit, Mattew Manueli xtara minn ommhom art bi dwieli fl-inħawi ta’ Wied il-Busbies, mhux dak lejn il-Majistral tal-Imdina, imma sinonimu mal-Karwija (ara isfel). Tlett ijiem wara, deher bħala xhud f’stqarrija li Pawlu Axiaq u Bartilmew Bugeja, minn Ħaż-Żebbuġ, għamlu, li tgħid li kellhom jagħtu xi flus lil Blasju Michola u Ġwanni Vidal mill-Imdina. Fit-30 ta’ Settembru, 1472, huwa nħatar Eżekutur tat-testment li Dun Nikola De Bordino għamel. Kien xhud fil-kawża ta’ Tristan de Guevara u martu Kjara kontra Godifredu Desguanes fis-sena 1473. Fl-istess sena, Mattew Manueli nħatar mill-Viċi-Re bħala Mħallef fl-Università tal-Imdina flok Indrì Falzon peress li ħuh, Lawrenz Falzon, kien akkużat li ffalsifika l-karti tal-proċedura u tkeċċa mill-gżira, u peress li l-kawża ta’ Lawrenz Falzon kienet qed tidher quddiem il-Qorti tal-Imdina. Tliet snin wara, fl-1476, huwa nħatar wieħed mill-erba’ Ġurati tal-Università tal-Imdina għas-snin 1476-1477, skont digriet li ħareġ minn Messina fit-22 ta’ Lulju, 1476, u għas-snin 1480-1481, skont digriet li ħareġ minn Palermo fid-19 ta’ Awwissu, 1480. Fl-1480, il-Viċi-Re kitiblu u lil Ġwanni de Mazara biex jgħidilhom li, peress li t-Torok kienu ser jaħbtu għal Malta, huwa kien qed jibgħat ġifen bil-qamħ, u talabhom iqasmuh lill-familji għonja, li dawn kellhom iħallsu lin-negozzjanti tal-ġifen, u mbagħad iqassmu l-bqija tal-qamħ lill-bqija tal-popolazzjoni. Dan skont id-digriet li ħareġ minn Palermo fid-19 ta’ Awwissu, 1480. Fil-5 ta’ Novembru, 1482, huwa kien xhud ta’ stqarrija minn Bartilmew Flaccavento, li tgħid li rċieva 26 falkun u ħlas tagħhom mis-Segretarju tal-Università tal-Imdina, Antonju De Guevara. Fl-1484, Mattew Manueli ġie mitlub irodd lura għaxar uqijiet lil Ġwanni De Guevara, eredi ta’ ħuh Antonju li kien Segretarju tal-Università tal-Imdina. Dan sar bis-saħħa ta’ digriet li ħareġ minn Katanja fis-17 ta’ Jannar, 1484. Dan Mattew Manueli kien intgħażel wieħed minn erba’ Ġurati fl-Università ta’ Malta għas-snin 1480-1481, skont digriet li l-Viċi-Re ta’ Sqallija ħareġ f’Palermo fid-19 ta’ Awwissu, 1480. Mattew Manueli, kien, għal xi żmien, is-sid ta’ art fil-Karwija bejn Ħal Kirkop u Ħal Safi, kif jidher fil-kuntratt tal-1 ta’ Frar, 1486, u f’ieħor tal-1 ta’ Frar, 1487. Jidher minn dawn il-kuntratti li n-Nobbli Mattew Manueli kien ġa mejjet fis-sena 1486. Is-Sinjura Manna Manueli għamlet it-testment tagħha fit-3 ta’ Ottubru, 1483, u dehret f’appell li għamlet fl-14 ta’ Diċembru, 1486, lill-Qorti Rjali kontra deċiżjoni li kienet ittieħdet kontriha favur Iniklu Kantur dwar art imsejħa “Għabdirżeq” f’Malta. Din l-art insibuha wkoll bl-isem ta’ “Għabdrużaq”, in-naħa taż-Żurrieq.
10. Leonardu Manueli, li nħatar Akatapan fl-Università ta’ Għawdex għas-snin 1462-1463, skont digriet li ħareġ minn Palermo fl-5 ta’ Awwissu, 1462.

Appendiċi
1. Pianta della clausura di terra, posta nel Gozzo, e nelli confine del Zebug, in contrada tal Gammar, apelata il Vilgia, consistente in più porcioni di lenze, con tre littere, e della capacità di tumuli dodici, mondelli due, e misure otto di buona, e col pasagio sopra beni del V. M. di Santa Scolastica nel punto loniato A.

Li jiena nittraduċi hekk:
“Pjanta ta’ għalqa, li qegħda f’Għawdex, u fil-konfini taż-Żebbuġ, fl-inħawi ta’ Għammar, imsejħa ‘Il-Wilġa’, li tikkonsisti f’porzjonijiet oħra ta’ ħbula, bi tliet ittri, u ta’ arja ta’ tnax-il tomna, żewġ sigħan, u tmien kejliet ta’ art tajba, u bil-passaġġ għal fuq il-proprjetà tal-Venerabbli Monasteru ta’ Santa Skolastika fil-parti mmarkata ‘A’”.

2. Delineata da me oggi li 30. Luglio 1834. Giovanni Sammut Perito Ar. Giuseppe Portelli Civile.

Li jiena nittraduċi hekk:
“Pjanta mħażża minni llum, 30 ta’ Lulju, 1834. Ġwanni Sammut, Perit Arkitett. Ġużeppi Portelli, Ċivili”.

3. Umile ricorso di Salvadore Cini, Francesco Scerri, Mro Francesco Porteli, Francesco Bajada, Raffaele Debrincat, Giuseppe Camilleri, Giuseppe Grima, Giuseppe Galea, Orsola Manueli, Gio. Maria Mintuf, Paolo Micalef, Facondo Camilleri, e Michele Galea del fu Giuseppe, uno delli dipendenti ... tutti del Gozo. ...

Ikompli…

Referenzi
Aquilina, G. u S. Fiorini edi. (2001). Documentary sources of Maltese history. Part IV. Documents at the Vatican. No. 1: Archivio Segreto Vaticano. Congregazione Vescovi e Regolari. No. 51. Mgr Petrus Dusina, 1575: Malta: Visita Apostolica. Malta, Malta University Press.

Borg, V. (2008). Melita sacra I: The Maltese Diocese and the Sicilian environment from the Norman Period till 1500 A.D. Malta, A.P.S. Bank.

Busuttil, J. and S. Fiorini edi. (2006). Documentary sources of Maltese History. Part V: Documents in the Curia of the Archbishop of Malta. No. 1: The Registrum fundationum beneficiorum Insulae Gaudisii: 1435-1545. Malta, Malta University Press.

Del Amo García, J., S. Fiorini and G. Wettinger edi. (2001). Documentary sources of Maltese History. Part III: Documents of the Maltese Universitas. No. 1: Cathedral Museum, Mdina: Archivum Cathedralis Melitae: Miscellanea 33: 1405-1542. Malta, Malta University Press.

Fiorini, S. ed. (1996). Documentary sources of Maltese History. Part I: Notarial documents. No. 1: Notary Giacomo Zabbara. R494/1 (I): 1486-1488. Malta, University of Malta.

Fiorini, S. ed. (2004). Documentary sources of Maltese History. Part II: Documents in the State Archives, Palermo. No. 2: Cancelleria regia: 1400-1485. Malta, Malta University Press.

Fiorini, S. ed. (2005). Documentary sources of Maltese History. Part I: Notarial documents. No. 3: Notary Paulo Bonello. Ms. 588: 1467-1517. Notary Giacomo Zabbara. Ms. 1132: 1471-1500. Malta, Malta University Press.

Fiorini, S. ed. (2007). Documentary sources of Maltese History. Part II: Documents in the State Archives, Palermo. No. 3: Cancelleria regia: 1460-1485. Malta, Malta University Press.

Mintoff, G. (2000). Il-proċess tat-twaqqif tal-Viċi-Parroċċa fil-ħâra tal-Għasri – Għawdex: 1866-1872. Il-Korpus 20. Ħarġa Straordinarja. Il-Korpus-Kunsill Lokali Għasri.

Vella, H.C.R. (2008). “Leonardu u l-ewwel reġistru t’Għawdex: 1554-1625”, Għaqda Mużikali San Leonardu, Ħal Kirkop, 195-205.

Vella, H.C.R. (2010). The earliest Church register in Gozo: 1554-1628. Malta.

Vella, H.C.R. (2012). Katalgu tal-Arkivju tal-Knisja Kolleġġjata ta’ Birkirkara. Malta (fil-proċess li jitlesta).

Wettinger, G. (2000). Place-names of the Maltese Islands. Ca. 1300-1800. Malta, Publishers Enterprises Group (P.E.G.) Ltd.

Dan l-artiklu deher fir-Rivista 'L-Gholja taz-Zebbug' 2012
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini