ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
IL-PURĊISSJONI TAL-PASSJONI TA’
SIDNA ĠESU’ KRISTU
FIL-PARROĊĊA ARĊIPRETALI U MATRIĊI
TAŻ-ŻEBBUĠ GĦAWDEX
The Last Supper
  Il-Purċissjoni tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, li aħna nsejħula il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, kellha l-bidu tagħha fil-Parroċċa taż-Żebbuġ, fi żmien il-Wisq Rev. Kappillan Dun Anton Grima fis-sena 1919.

Meta dan il-Kappillan ħa l-pussess ta’ din il-parroċċa, fis-sena 1918, huwa beda diversi inizjattivi ġodda, u fosthom kienet il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Ma kenitx ħaġa ħafifa li tidħol għal din il-biċċa xogħol, għal diversi raġunijiet, iżda dan il-Kappillan ma kien jaqta qalbu minn xejn. Huwa beda biex jagħmel l-istatwi, u dak kollu li kien jirrikjedi għalihom. Huwa kkuntattja lill-istatwarju magħruf Għawdxi Agostino Camilleri tal-Belt Vittorja, u dan indaħal għax-xogħol li jagħmel l-istatwi skond ix-xewqa tal-Kappillan Grima u l-poplu Żebbuġi.

Fi żmien qasir, Agostino Camilleri, jew kif kien aħjar magħruf Wistinu tal-Vari, għamel l-istatwi kollha, jiġifieri dik ta’ Ġesu’ fl-Ort tal-Getsemani, Ġesu marbut mal-Kolonna, Ġesu Nkurunat bix-Xewk, Ġesu Mgħobbi bis-Salib, il-Veronika, Ġesu Msallab, Ġesu Mejjet u Marija Santissima Addolorata. Għal dawn l-isatwi ħallsu diversi benefatturi Żebbuġin.

Milli jidher il-poplu Żebbuġi kollu ħa pjaċir b’din l-inizjattiva li kien ħa l-Kappillan Dun Anton Grima, għaliex kulħadd għen kemm felaħ biex isiru wkoll fi żmien relattivament qasir il-bradelli għall-istatwi l-ġodda. Xi nies offrew sniedaq tal-ġewż u ta’ l-injam ta’ l-aħmar, u biċċiet ta’ njam ieħor, sabiex minnhom ikunu jistgħu isiru dawn il-Bradelli. Hekk ix-xogħol u l-ispejjeż tħaffu sew.

Meta tlesta dan kollu, fil-parroċċa taż-Żebbuġ, saret għall-ewwel darba il-purċissjoni u l-poplu ta’ dak iż-żmien offra s-sehem kollu tiegħu biex din il-purċissjoni setgħet verament tirnexxi. Biex purċissjoni bħal din tkun tista ssir, trid ħafna nies, u ż-Żebbuġin ma naqsux li lkoll jgħinu kemm jistgħu ħalli ssir bis-serjeta’ u bl-akbar devozzjoni. Il-Parroċċa taż-Żebbuġ mhix xi parroċċa kbira, u għalhekk jekk ma jagħtix sehem il-poplu kollu, ma tkunx tista ssir purċissjoni bħall din. Iżda l-poplu sa minn dak iż-żmien wera li jrid li ssir din il-purċissjoni u ta l-koperazzjoni kollha tiegħu għaliha.

Il-Purċissjoni damet issir għal diversi snin, u ta’ kull sena din il-purċissjoni kienet tkun mistennija. Ġara iżda, li fis-snin tletinijiet fil-parroċċa ingħata bidu għal-proġett kbir u ambizzjuż - dak tat-tkabbir tal-Knisja. Matul dan il-periodu l-istatwi ma nsabilhomx post tajjeb għalihom u ħafna minnhom ġratilhom ħsara irreparabbli u għalhekk il-purċissjoni sfortunatament waqfet u ma baqgħetx issir. Mill-istatwi tas-sett l-antik (tal-1919) baqgħu biss dik ta’ Ġesu Nkurunat bix-xewk, dik ta’ Maria Addolorata, il-Kurċifiss u dik ta’ Ġesu mejjet. L-oħrajn kollha raw it-tmiem tagħhom u sfortunatament ma baqa’ l-ebda memorja tagħhom.

Kella tkun is-sena 1965, meta l-Parroċċa kellha tibda tara mill-ġdid din il-purċissjoni. L-Arċipriet ta’ dak iż-żmien Dun Alwiġ Vella, f’din is-sena talab il-permess lill-Isqof Mons Ġużeppi Pace, biex ikun jista jerġgħa jorganizza mill-ġdid fil-Ġimgħa l-Kbira, l-purċissjoni tal-Passjoni bl-erba’ statwi li kienu għadhom jeżistu. Mons Isqof, bil-pjaċir kollu ta l-permess mitlub lill-Arċipriet Vella u fi żmien qasir, wara li dan ta’ l-aħħar għarraf lill-parruċċani b’din l-aħbar sabiħa, ġew irranġati l-erba statwi msemmija biex setgħet issir il-purċissjoni bihom. Mal-Kurċifiss tpoġġew żewġ anġli u għal Ġesu mejjet ġiet irranġata Urna proviżorja sakemm issir waħda ġdida kif narawha ‘llum. F’din is-sena, il-Parroċċa reġgħet bdiet b’ħafna ħeġġa torganizza din il-purċissjoni devota. Il-parruċċani wkoll riduha u ħadu pjaċir b’din l-inizjattiva, tant li f’qasir żmien, inqalgħu benefatturi biex isiru l-istatwi kollha li kien jonqos.

Infatti fis-sena 1966 kellna 6 statwi ġodda, dik ta’ Ġesu fl-Ort tal-Ġetsemani, dik ta’ Ġesu marbut mal-Kolonna, dik ta’ Ġesu mgħobbi bis-Salib, il-Veronika u l-istatwi ta’ San Ġwann l-Appostlu u d-Duluri għall-ma’ ġenb Ġesu Kurċifiss. Fis-sena ta’ wara, jiġifieri fis-sena 1967, ġew irrestawrati l-istatwi l-qodma mill-istess statwarju Wistin Camilleri li għamel ukoll l-istatwa ta’ Marija Madalena għal mal-Vara l-Kbira. L-entużjażmu tant kien kbir li fis-sena 1968 kellna x-xorti naraw statwa oħra, li hija oriġinali u fl-istess ħin unika f’Għawdex – l-istatwa ta’ l-Aħħar ~ena ta’ Ġesu ma’ l-Appostli, li tikkonsisti f’xejn anqas minn tlettax-il statwa.

Dawn l-istatwi kollha ġew imħallsin minn benefatturi żebbuġin li lkoll riedu jagħtu s-sehem sħiħ tagħhom ħalli f’dawn il-ġranet tal-Ġimgħa l-Kbira, il-Knisja Parrokkjali tkun imżejna bihom, u biex iktar ikollhom purċissjoni li verament tixraq lir-raħal taż-Żebbuġ.

Il-ġenerożita’ tal-poplu ma waqfitx hawn. Minn dak inhar l’hawn saru diversi opri sbieħ biex ikomplu jsebbħu dawn l-istatwi. Saru l-bradelli kollha ġodda. Saru globi tal-ħġieġ li jżejnu l-bradelli. Saru Bandalori tal-bellus fin u rrakkmati bid-deheb u saru wkoll sett fanali għal ma kull statwa li jiġu merfugħa mit-tfal.

Maż-żmien il-purċissjoni kompliet tiġi żviluppata f’dawk li huma persunaġġi bibliċi, suldati rumani u tfal iġorru simboli u oġġetti tal-passjoni. Fil-purċissjoni ma jonqsux ukoll dawk li b’wiegħda jew b’penitenza jġorru slaleb jew ktajjen ma’ tul il-purċissjoni kollha. Karatteristika oħra li ddaħħlet lejn il-bidu tal-parrokat ta’ l-Arċipriet il-Kan. Dun Emmanuel Saliba (1997) huma l-ħwejjeġ tan-newl lokali li jinsabu fuq l-istatwi kollha tal-Purċissjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa - ħaġa li tkompli tagħmel din il-purċissjoni unika fil-gżejjer Maltin.

Is-sett ta’ l-istatwi f’din il-purċissjoni ħarġu mill-idejn ta’ l-istess statwarju, l-magħruf Kav. Agostino Camilleri u huma ta’ għamla tradizzjonali.


ĦARSA ĠENERALI LEJN L-ISTATWI.

- L-Istatwa ta’ Ġesu fl-Aħħar Ċena
Din l-Istatwa hija xogħol ta’ l-Istatwarju Għawdxi il-Kav. Agostino Camilleri. Hijal-ahhar cena l-unika statwa taċ-Ċena li għamel f’ħajtu dan l-istatwarju famuż. Saret fis-sena 1968 u ġiet imbierka mill-Eċċ. Tiegħu Mons Nikol Ġ. Cauchi, Isqof ta’ Għawdex. Hija statwa oriġinali u unika fil-gżira ta’ Għawdex u turi l-kapaċita’ ta’ l-istatwarju li fi spazju pjuttost ristrett irnexxielu jdaħħal tlettax il-persunaġġ. Ir-rappreżentazzjoni ta’ l-istatwa turi l-mument li fih Ġesu qiegħed jistitwixxi s-sagrament ta’ l-Ewkaristija. Fil-bidu, l-istatwi kollha kienu mlibbsa bil-bellus – illum huma mlibbsa bin-newl lokali. Dan l-aħħar snin l-istatwi qed jiġu rrestawrati mis-Sur Giovann Cassar minn Victoria. Din l-istatwa tiftah il-Purċissjoni u tintrefgħa minn għaxar fratelli.

- L-Istatwa ta’ Ġesu fl-Ort tal-Ġetsemani.
GetsemaniHija xogħol ta’ l-istatwarju il-Kav. Agostino Camilleri u saret fis-sena 1966. L-istatwa turina lil Ġesu’ fil-Ġnien taż-Żebbuġ jitlob bil-ħerqa u jagħraq l-għaraq tad-demm. Anġlu mis-sema jintbgħat minn Alla biex ifarrġu. L-Anġlu qiegħed iżomm salib f’idu x-xellugija u kalċi f’idu l-leminija. Din l-istatwa tbierket mill-E.T. Mons Isqof Ġużeppi Pace. Riċentement sar restawr fuq din l-istatwa mis-Sur Giovann Cassar minn Victoria.

- L-Istatwa ta’ Ġesu Marbut mal-Kolonna.
Din l-isatwa tirrapreżenta t-Tielet Misteru tat-Tbatija, jiġifieri lil Ġesu Marbut Kolonnamal-Kolonna u flaġellat. Hija xogħol ta’ l-istatwarju il-Kav. Agostino Camilleri u saret fis-sena 1966 u ġiet imbierka fl-istess sena mill-E.T. Mons Ġiuseppi Pace, dak inhar Isqof t’Għawdex. L-istatwa qiegħda fil-qagħda tradizzjonali, bil-figura ta’ Ġesu wieqfa, ftit inklinata lura, b’idejh marbuta warajħ ma kolonna qasira.

- L-Istatwa ta’ Ġesu Nkurunat bix-Xewk.
PirpraDin l-istatwa hija waħda mill-istatwi antiki li kienu saru fi żmien il-Kappillan Dun Anton Grima. Din saret fl-1919 mill-istatwarju Għawdxi Agostino Camilleri. Din l-istatwa ma ġarrbitx ħsarat bħall-istatwi l-oħra oriġinali peress li kienet ikkunservata sa mill-bidu f’niċċa fil-Knisja stess. Din l-istatwa grazzjuża tirrappreżenta lil Ġesu mlibbes bil-porpra, b’qasba f’idu u kuruna tax-xewk fuq rasu fil-mument li fih Ġesu ġie muri lill-folla minn Pilatu : “Ecce Homo“, wara li s-suldati rumani kienu għaddewh biż-żufjett. Din l-istatwa kienet ġiet irrestawrata min Agostino Camilleri stess fl-1967.

- L-Istatwa tal-Veronika.
L-istatwa tal-Veronika hija waħda mill-istatwi li kienu saru fis-sena 1966. Hija veronicawkoll xogħol ta’ Agostino Camilleri. L-istatwa ġiet imbierka mill-E.T. Mons Isqof Gużeppi Pace fl-istess sena tal-manifattura tagħha. Hija tirrapreżenta lil dik il-mara kuraġġjuża li kif tgħidilna t-Tradizzjoni ma beżgħetx mir-rumani u daħlet qalb il-folla u xxuttat il-Wiċċ Imqaddes ta’ Ġesu li ħalla stampat fil-velu tagħha. Din l-istatwa wkoll ġiet irrestawrata mis-Sur Giovann Cassar minn Victoria. Il-velu tal-Veronika ġie mpitter mill-ġdid dan l-aħħar mill-artist żebbuġi Victor Cini.

- L-Istatwa ta’ Ġesu Mgħobbi bis-Salib.
RedenturL-istatwa ta’ Ġesu’ mgħobbi bis-Salib, li tissejjaħ ukoll l-istatwa tar-Radentur saret ukoll fis-sena 1966 mill-istess statwarju Agostino Camilleri u ġiet imbierka fl-istess sena mill-E.T. Mons Isqof Gużeppi Pace. Din l-Istatwa turina lil Ġesu’ mwaqqgħa fl-art taħt it-toqol tas-salib. Din l-istatawa wkoll ġiet irrestawrata riċentement mis-Sur Giovann Cassar minn Victoria.

- L-Istatwa ta’ Ġesu Kurċifiss – il-Vara l-Kbira.
Il-Vara l-Kbira hiaj wkoll wogħol l-istawarji Għawdxi Agostino Camilleri. Il-Kurċifiss huwa xogħol li sar fis-sena 1919 fi żmien il-Kappillan Dun Anton Grima. Dan kien ta’ kull sena jiġi armat fuq il-presbiterju tal-Knisja fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira, għall-priedka tat-Tlett Sigħat, li kienet issir fil-Ġimgħa l-Kbira minn Nofsinhar sat-Tlieta. Dan il-Kurċifiss kien ġie irrestawrat mill-istess Camilleri fis-sena 1967. Fis-sena 1965 meta reġgħet bidet issir mill-ġdid il-Purċissjoni, mal-Kurċifiss tqiegħdu żewġ anġli, imma s-sena ta’ wara, jiġifieri fl-1966 saru l-istatwa ta’ Marija Addolorata u dik ta’ San Gwann l-Evanġelista u Appostlu. Dawn ġew imbierka mill-E.T. Mons Isqof Ġużeppi Pace. Is-sena ta’ wara, fis-sena 1967 saret l-istatwa ta’ Marija Maddalena f’riġlejn is-salib.

- L-Istatwa ta’ Ġesu Mejjet.
L-istatwa ta Ġesu Mejjet jew kif inhi magħrufa aktar bħala il-Monument, saret fis-sena 1920, fi żmien il-Kappillan Grima. Maż-żmien l-Urna oriġinali tiegħu kienet spiċċat għal kollox imma ġiet salvata l-istatwa li eventwalment ġiet irrestawrata meta reġgħet bdiet issir il-purċissjoni. Saret Urna proviżorja li tbiddlet fl-1977 ma waħda ġdida maħduma mis-Sagristan Toni Mallia u ibnu Ġużeppi, fuq disinn ta’ Mons. M’Angelo Apap. Wara li saret din l-Urna ġiet irranġata niċċa mdaqqsa fil-Knisja, fil-Kappella tal-Kunċiżżjoni, biex dan il-monument jiġi gawdut is-sena kollha

- L-Istatwa ta’ Marija Addolorata.
L-istatwa ta’ Marija Addolorata hija statwa oħra minn dawk li kienu saru fl-1919. Kien ħadimha l-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri, li reġa rrestawraha mill-ġdid fis-snin sittin. Din l-istatwa turi l-Verġni Mbierka wieqfa imbikkija, b’qalba maqsuma u minfuda minn sejf ta’ niket kif kien ħabbar ix-xwejjaħ Xmuni fit-tempju. Din l-istatawa wkoll ġiet irrestawrata riċentement mis-Sur Giovann Cassar minn Victoria. L-istatwa ta’ Marija Addolorata tagħlaq il-Purċissjoni tal-Passjoni.
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini