ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Sejħa Franġiskana
 

Fil-11 ta’ Ottubru 2020 tajt bidu għal sena ta’ esperjenza mal-komunità tal-patrijiet Franġiskani Konventwali ġewwa il-Kunvent ta’ Burmarrad. Esperjenza bħal din isservi biex żagħżugħ jibda jara u jitgħallem fuq l-istil tal-ħajja tal-patrijiet, il-valuri u l-kariżma Franġiskana u hekk jara jekk hux imsejjaħ biex ħajtu tkun tixbah lil tagħhom. Matul din is-sena wieħed ikun akkumpanjat minn patri li jgħinu jagħraf x’toffri u x’tirrikjedi din il-ħajja u miegħu jaqsam kemm il-mumenti ta’ ferħ u anke d-diffikultajiet.

Il-programm ta’ din is- sena kien varjat u impenjattiv. Il-ġurnata kienet iddur mat-talb. Filgħodu l-ġurnata kienet tibda permezz tat-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum, iktar tard it-Talb ta’ Nofs il-Jum, ir-rużarju u l-meditazzjoni. Filgħaxija l-quddiesa u t-Talba ta’ Filgħaxija u qabel il-mistrieħ it-talba tal-Kompjeta. Għaddejna wkoll ħin ta’ Adorazzjoni Ewkaristika u ħin mal-Kelma ta’ Alla. Bħala formazzjoni kont nattendi għal xi korsijiet ġewwa s-Seminarju ta’ Malta flimkien ma’ żewġ żagħżagħ tas-sena propadewtika. Għamilt kors fil-lingwa Taljana u fil-Kunvent stess kelli kors qasir bħala introduzzjoni għal-Liturġija u ieħor fuq il-kitbiet ta’ u fuq San Franġisk. Kelli wkoll l-opportunità li ningħaqad mal-gruppi taż-żagħżagħ u tal-abbatini tal-Parroċċa ta’ Burmarrad u anke nanima il-liturġija permezz tal-kant u d-daqq tal-kornu. Kull ġurnata kellha impenji differenti bħal xogħol manwali, tindif, tisjir u ħasil. Ma naqsux ukoll il-mumenti li għexna flimkien bħal passiġġati, films u baħar! Fil-ħajja tal-patrijiet hija ta’ importanza kbira l-fraternità u l-mumenti ta’ flimkien. Naturalment ma naqsux il-mumenti ta’ kunflitti bejnietna li dawn huma opportunità biex tikber l-imħabba bejn l-aħwa.

Fl-aħħar ta’ Ġunju għamilt it-talba li nkompli nagħraf dak li Alla qed isejjaħli għalih u tlabt lill-Provinċjal u d-definitorju tiegħu biex nibda l-postulandat. It-talba tiegħi ġiet aċċettata u jekk Alla jrid dan il-pass fil-vokazzjoni tiegħi sa nibdieh għada ġewwa l-Kunvent tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali f’Osimo, l-Italja. Napprezza jekk fit-talb tagħkom tiftakru fija wkoll.


Kitba ta': Sergio Cini

  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Formosa