ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
L-Esperjenza fil-Vatikan
  Il-ħolma li nservi bħala abbati fil-bażilka tal-Vatikan kienet ilha tberren f’moħħi għal numru ta’ snin. Wara ħafna studju, preparamenti u laqgħat, f’Novembru ta’ l-2016 irċivejt ir-riżultat tal-eżami li kien ser jaqtgħali xewqti. Minn hawn bdew numru ta’ laqgħat ta’ preparazzjoni u formazzjoni ġewwa Malta. Fit-tlieta t’ Awwissu 2017 flimkien ma’ grupp ta’ abbatini Għawdxin u Maltin tlaqna lejn Ruma fejn ġejna a lloġġjati fi kmamar ġewwa l-pre-seminarju.

Ġurnata tipika ġewwa l-Bażilka kienet tibda bil-qawmien kmieni filgħodu għall-ħabta tal-ħamsa u nofs. Wara mumenti ta’ talb flimkien għas-sitta konna nerħula lejn is-sagristija tal-bażilka. Hemmhekk konna nilbsu l-ilbies tas-servizz u ninżlu isfel fejn konna nippreparaw l-ilbies tas-saċerdot u l-affarijiet meħtieġa għas-servizz ewkaristiku. Mit-tnejn sas-Sibt il-quddies kien ikun bejn is-seba’ u d-disa’. Fil-Ħdud il-quddies kien jibda wkoll fis-seba’. Fid-disa’ jibda l-kant tal-lawdi u wara jitkompla l-quddies fl-għaxra, f’nofsinnhar u fit-tlieta. Fil-ħamsa jkun hemm il-vespri u fis-sitta l-aħħar quddiesa. Kull nhar ta’ Ħadd f’nofsinnhar, folla kbira ta’ nies minn madwar id-dinja kollha kienet tinġabar fil-pjazza ewlenija tal-vatikan biex issegwi l-anġelus, il-barka u l-messaġġ ta l-papa. Eżatt wara s-servizz ta’ filgħodu għall-ħabta tad-disa’ u nofs konna nieħdu l-kolazzjon u aktar tard l-pranzu. Fil-ħin liberu kien ikollna xi logħba futbol jew logħob ta’ ġewwa u ġieli konna mmorru nżuru xi postijiet ta’ interess kulturali ġo Ruma u anke barra minn Ruma bħal Assisi u Subjako. Kien ikollna wkoll xi mumenti spiritwali bħal qrar, qari u diskussjonijiet fuq il-ħajjiet ta’ xi qaddisin. Il-ġurnata konna ngħalquha permezz tal-ikla u mixja fit-toroq ta’ Ruma.


Żewġ episodji li żgur sa jibqgħu ttimbrati f’moħħi huma l-laqgħa mal Qdusija tiegħu l-Papa Frangisku u laqgħa sorpriża li jiena u abbati ieħor kellna meta wara l-quddiesa l-Kardinal ta’ Ruma stedinna fir-residenza privata tiegħu. Filwaqt li l-Papa tana kuruna, l-kardinal tana ktieb miktub minnu stess dwar l-Madonna.

Tlett ġimgħat ġewwa l-vatikan għaddew bħall ħolma, imma żgur li se jibqu ttimbrati f’ moħħi u f’qalbi tul ħajti kollha.

Kitba ta': Sergio Cini
Ritratti: Sergio Cini
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Formosa