ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Serata Muziko-Letterarja f'gieh
Dun Anton Dimech
9-8-2011
  Nhar it-Tlieta 9 ta’ Awwissu 2011 fil-għaxija, fil-Knisja Matriċi u Arċipretali taż-Żebbuġ saret serata mużiko-letterarja bl-isem In Memoriam f’ġieħ il-mibki imma qatt minsi Dun Anton Dimech. Il-moħħ wara din il-lejla ta’ tifkira kien is-Sindku taż-Żebbuġ il-Kav. Carmelo Saliba li kien ukoll ħabib tal-istess Dun Anton.

Is-serata bdiet fit-8.00 pm taħt il-patroċinju tal-isqof djoċesan l-Eċċ. Tiegħu Mons. Mario Grech u kienet animata mill-Kor tal-parroċċa ‘Santa Marija’. Ippreżenta s-Sur Ġorġ Cefai, President tal-Banda ‘Santa Marija tal-istess lokalita’. Il-lejla fetħet bl-innu taż-Żebbuġ miktub minn Joe Vella fuq mużika ta’ Mro. Nazzareno Refalo. In-neputija ta’ Dun Anton, Mrs. Maryrose Saliba qrat riflessjoni personali fil-forma ta’ poeżija li permezz tagħha rrakkontat l-esperjenza li kellha ta’ zijuha u t-tifkiriet sbieħ tiegħu. L-Arċipriet il-Kan. Dun Reuben Micallef tkellem dwar x’kien ifisser Dun Anton għalih u enfasizza ħafna s-sens ta’ dmir u dedikazzjoni li dan is-saċerdot Żebbuġi kellu għall-parroċċa ta’ raħal twelidu. Fost l-oħrajn, l-arċipriet semma kif il-ħajja ta’ Dun Anton kienet iddur mal-knisja u kif fil-fatt hu kien jibda u jtemm il-ġurnata tiegħu fil-knisja parrokkjali. Semma wkoll kemm Dun Anton kien jaħdem mingħajr interessi u bla ma qatt fittex unuri jew affarijiet kbar. Kien diskors spontanju li ġabar fil-qosor il-kwalitajiet sbieħ li kellu dan is-saċerdot.

Diskors interessanti ħafna u xejn komuni kien dak tal-Professur tal-Ilsna Klassiċi Dr. Horatio Caeser Roger Vella. Il-Professur Vella, li jgħallem fl-Universita’ ta’ Malta, jqatta’ ħafna żmien fiż-Żebbuġ fejn għandu wkoll dar; hu stqarr kif fettex dejjem fiż-Żebbuġ il-jiem tiegħu għall-mistrieħ u għall-istudju. Irrakkonta kif sar jaf għall-ewwel darba lil Dun Anton permezz tal-Quddiesa bikrija ta’ fil-għodu li kienet ideali għalih qabel ma jibda l-ġurnata tiegħu ddedikata lill-istudju u r-riċerka. Imbagħad għadda biex jagħmel preżentazzjoni ta’ xi sketches ġenealoġiċi li dehru fuq skrin għal tal-apposta fil-Knisja u li permezz tagħhom wera l-arblu tar-razza ta’ Dun Anton u r-relazzjoni tiegħu ma’ diversi saċerdoti u reliġjużi oħra Żebbuġin bħall-imsemmi predikatur Patri Fidiel tal-Kapuċċini u l-Monsinjur Ġan Andrea Vella. Kien diskors straordinarju li ċertament ħadd ma kien qed jistennieh. Min qed jikteb qara l-poeżija tiegħu bl-isem Lil Dun Anton Dimech li fiha jsemmi d-diversi karatteristiċi ta’ Dun Anton.

Is-Sindku tal-lokalita’ l-Kav. Carmelo Saliba għamel ukoll diskors konċiż imma ferm sinifikattiv dwar min kien Dun Anton Dimech għalih u għal-lokalita’ kollha ta’ raħal twelidu. Is-Sindku spjega kif hu jara f’Dun Anton tlett elementi mportanti li huma dawk ta’ edukatur, għalliem u ħaddiem. Spjega kif Dun Anton kellu għal qalbu t-tagħlim u l-istudenti u kif permezz tal-bosta snin tiegħu bħala għalliem fis-Seminarju tad-djoċesi ħalla l-marka tiegħu fuq bosta nies. Tkellem ukoll minn Dun Anton bħala ħaddiem; ħaddiem fil-veru sens tal-kelma għaliex dejjem fittex li jkun ta’ servizz għall-oħrajn u anke għaliex kellu tassew għal qalbu l-art u dak li hija trodd. Fl-aħħarnett is-Sindku qal kif Dun Anton se jibqa’ preżenti fostna, f’dak kollu li hu Żebbuġi u fil-bosta affarijiet li jfakkruna fih.

Mons. Isqof tkellem fid-diskors tiegħu dwar l-importanza ta’ Dun Anton bħala saċerdot u fuq anke bħala ġurnalista. Hu saħaq fuq il-fatt li Dun Anton kien għal aktar minn ħamsa u għoxrin sena l-editur tar-rivista djoċesana Il-Ħajja f’Għawdex. Spjega kif il-ġurnalisti tal-lum għandhom ħafna x’jitgħallmu minn Dun Anton. Mons. Isqof qal ukoll li Dun Anton kien saċerdot eżemplari li permezz tal-ġurnaliżmu tiegħu fettex dejjem li jibni u mhux ikisser, jifforma u mhux itappan ir-realtajiet ta’ madwaru. L-Isqof stqarr li kien iħossu tassew hieni b’din is-serata għaliex turi li għad fadal lok għall-apprezzament lejn is-saċerdot anke jekk madwarna qed naraw ambjent li mhux dejjem qed ifittex li japprezza l-ħidma tas-saċerdot u s-sagrifiċċji tiegħu. Kien diskors li ċertament ħalla eku qawwi fil-kuntest partikulari li fih ninsabu lkoll.

Is-serata ntemmet bil-kant tal-Ave Maria ta’ Caccini li tkantat mis-sopran brava Jacqueline Vella akkumpanjata fuq il-pjanu minn Franco Cefai.

Id-diversi innijiet Marjani li komplew janimaw din is-serata għamlu minn din il-lejla waħda tassew pjaċevoli. Tkanta fost l-oħrajn mill-kor Santa Marija l-innu Ismagħna l-Għanja tal-Poeta Nazzjonali, l-Innu tal-Madonna tal-Għażżiela kif ukoll l-Innu popolari ta’ Santa Marija mmużikat minn Mro. Anton Mallia. Il-Ministeru għal Għawdex l-Onor. Ġiovanna Debono għoġobha tonora din is-serata bil-preżenza tagħha. Kienet ukoll preżenti l-familja ta’ Dun Anton Dimech flimkien ma’ diversi parruċċani u ħbieb.

Fi tmiem is-serata, in-neputija ta’ Dun Anton Mrs. Maryrose Dimech irregalat pittura sabiħa li pittret hi stess lill-Knisja Parrokkjali; l-inkwadru mistenni jiddendel fis-sagristija tal-parroċċa.

Kitba: Dun Geoffrey G. Attard
 
  Previous Next  

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Cini