ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Messagg mill-Arcipriet

X’TIP TA’ FESTA RRIDU NIĊĊELEBRAW?
  Li wieħed jieqaf mir-rutina tal-ħajja ta’ kuljum u jiċċelebra okkażjoni speċjali jew festa, hija xi ħaġa ntiża fin-natura stess tal-bniedem. Anke fil-Kelma t’Alla nsibu lil Ġesu` jiddeskrivi l-imħabba t’Alla bħala festa – festa kbira ta’ tieġ fejn hemm ikel u ferħ bl-abbundanza. Il-festi li nagħmlu aħna infatti huma biss dell jew xewqa innata ta’ din ir-realta` kbira u misterjuża ta’ Alla tagħna. Fil-verita` dan hu wieħed mill-għanijiet tal-festi tagħna – li minn din id-dinja jkollna ħjiel jew togħma żgħira ta’ dak li Alla Missierna ħejja għal dawk li jħobbuh verament!

Għalhekk tajjeb li fir-realta` tal-festa li qed niċċelebraw ad unur l-Omm tagħna Marija Mtellgħa s-Sema nistaqsu lilna nfusna x’tip ta’ festa qegħdin jew irridu niċċelebraw jekk verament irridu li l-festa tagħna tkun xempju jew tħalli fina l-gost tal-ħwejjeġ tas-sema!

Nistaqsu jekk il-festa tagħna għadhiex festa verament nisranija, li ddaħħalna fil-misteru ta’ Alla, jew inkella hijiex qiegħda tiddakkar minn elementi pagani jew mundani bħalma hu d-divertiment egoistiku distakkat minn kull realtà spiritwali, sokor, tbaħrid, xalar...eċċ, biex ma nsemmix ukoll id-droga - elementi li ftit ftit qed joħonqu jew jifgaw l-aspett nisrani tal-festi tagħna.

Nieħu gost nara ħafna nies u speċjalment żgħażagħ matul is-sena u speċjalment fl-aħħar ġimgħat qabel il-festa jaħdmu u jistinkaw, min fl-armar tat-toroq, min fil-banda, min fil-logħob tan-nar, min fl-organizzazzjoni tal-briju fil-marċijiet u f’aspetti oħra tal-festa, iżda mbagħad ftit ħafna minnhom jersqu biex jieħdu sehem fil-Quddies tal-Kwindiċina, tat-Tridu u tal-Festa. Nistaqsu kemm minna f’dawn il-ġranet sbieħ nersqu biex inqerru u nitqarbnu? Biex ma ngħidx li uħud anqas biss jirfsu mill-għatba tal-Knisja l’ġewwa!

Nistaqsu ‘Qegħdin verament jirnexxu l-festi li niċċelebraw b’tant solennità u pompa fl-irħula tagħna?’ X’jiswa li jkollna ħafna ħsejjes u tiżjin u nies jaqbżu fil-marċijiet jekk il-festi tagħna ma jkunux laħqu l-għan prinċipali tagħhom li jqarrbuna aktar lejn Alla permezz tal-Qaddisin li aħna nweġġgħu? Ikunu sempliċement ħela ta’ enerġija kbira biex ma ngħidx farsa...

Għalhekk quddiem din is-sitwazzjoni u jekk verament inħobbu l-festi tagħna ma rridux inħallu dawn l-elementi negattivi jtappnu s-sabiħ tal-festi tagħna bil-periklu kollu li jistgħu jikkawżaw. Ejjew inkunu konxji minn dawn is-sinjali u nieħdu ħsieb ma nħalluhomx jieħdu iktar riħ fil-qala’. Ejjew infittxu aktar dak li jagħmel l-iżjed sens... Ejjew fil-festi tagħna nfittxu l-ferħ veru, l-għaqda ta’ bejnietna bħala komunita`, il-ftehim, l-imħabba, il-maħfra, ir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla, is-smiegħ tal-Kelma t’Alla, is-sehem attiv tagħna fis-sagramenti, b’mod partikulari il-qrar u t-tqarbin. Imbagħad l-affarijiet l-oħra jagħmlu sens.

Nemmen li lkoll kemm aħna nixtiequ li bħala parroċċa niċċelebraw festa mhux biss li togħġob lilna, iżda fuq kollox li togħġob lil Alla u lill-patruna tagħna Santa Marija! Dan hu l-awgurju tiegħi għal din il-festa!


Arc. Fr. Ruben Micallef
   

 

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Formosa