ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Weekly Bulletin
12 August 2018
  INKOMPLU L- KWINDICINA TA’ SANTA MARIJA
Ninsabu fil-qofol tal-jiem tal-Kwindiċina. Ilkoll kemm aħna (kbar, żgħażagħ u tfal) għandna nħossu l’bżonn li nieħdu sehem f’dawn il-jiem importanti ta’ preparazzjoni spiritwali. Min ma jiħux sehem fil-funzjonijiet tal-knisja ma jistax iħoss il-ferħ veru tal-festa. Għalhekk ejjew nieħdu sehem ilkoll flimkien bħala familja waħda l-ewwel fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Kwindiċina filghaxija, b’mod partikulari għat-Tridu tal-Festa u wara nkomplu nifirħu fuq barra.




IL-ĠIMGĦA 10 T’AWWISSU: JUM IS-SOĊJETA` MISSJUNARJA TA’ S. PAWL
Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni mmexxija minn Fr. Norbert Bonavia Mssp, Superjur ta’ Dar Stella Maris, bis-sehem tal-membri u l-ħbieb tas-Soċjeta`.

L-IKLA TRADIZZJONALI TAL-FESTA
Il-Ġimgħa 10 t’Awwissu fit-8.30p.m. Ikla Tradizzjonali fil-Pjazza bis-sehem ta’ ħadd anqas minn Freddie Portelli. Ikun hemm ukoll spettaklu ta’ kant u żfin. Inħeġġukom ħafna tieħdu sehem. Il-biljetti jinsabu għall-biegħ miċ-Ċentru Parrokkjali.

IS-SIBT 11 T’AWWISSU: JUM IS-SAĊERDOZJU KATTOLIKU
Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni Solenni ta’ Radd il-Ħajr immexxija minn Dun Ġużepp Vella, fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu. Jieħu sehem il-Kor ‘Santa Marija’.

IL-ĦADD 12 T’AWWISSU: JUM IŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Il-Quddies ikun fil-5.30a.m., fis-7.00a.m., fit-8.00a.m., fl-10.00a.m., u fl-4.30p.m. Fil-11.00a.m. Quddiesa minn Dun Joseph Attard, bis-sehem attiv taż-Żgħażagħ tal-Parroċċa. Il-kant tal-Quddiesa jiġi animat mill-Kor Regina Angelorum tal-Parroċċa tagħna. Fit-8.30p.m. Serata ta’ divertiment għaż-Żgħażagħ u l-familji kollha fi Pjazza l-Assunta, organizzata mis-Sezzjoni Żgħażagħ tas-Soċjeta` Filarmonika Santa Marija bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ.

TQASSIM TAL KTIEB TAL-FESTA
It-Tnejn 13 ta’ Awissu filgħodu se jitqassam il-ktieb tal-festa. Kull kopja (128 paġna) ġiet tiswa madwar € 4. L-offerti tagħkom jinġabru mat-tqassim. Dawk li ma jkunux id-dar huma miltuba jiġu jiġbruh mill-Uffiċċju Parrokkjali jew mill-Knisja.

IT-TNEJN 13: JUM IL-MORDA U L-ANZJANI U JUM L-GĦAQDIET KATTOLIĊI
Fil-5.00p.m. Konċelebrazzjoni minn Dun Ġorġ Vella li fiha jiġi ammininistrat is-sagrament tad-Dilka tal-Morda lill-Anzjani u Morda. Ikun hemm trasport organizzat għal dawk l-anzjani li m’għandhomx min iwassalhom il-Knisja. Wara jkun hemm refreshments. Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni mmexxija mill-Kan. Dun Noel Saliba Assistant Ekkleżjastiku Djoċesan tal-Azzjoni Kattolika, bis-sehem tal-membri tal-Għaqdiet reliġjużi (Leġjunarji, Membri tal-Azzjoni Kattolika, membri tal-Museum, membri tal-Lectio Divina u l-Katekisti). Fit-8.00p.m. Il-Korijiet tal-Parroċċa Santa Marija u Regina Angelorum, flimkien mal-Kunsill Lokali Żebbuġ, ser jorganizzaw Serata ta’ kant, mużika u letteratura li matulha ser issir it-tnedija uffiċċjali ta’ ktieb ġdid ‘Minn Newman sa Blair - Anglikani li saru Kattoliċi’, miktub minn Fr. Geoffrey G. Attard . Jieħdu sehem il-Majestic Music Ensemble flimkien ma’ David Lang u Emese Toth, b'reċita fuq il-vjolin.

IT-TLIETA 14 T’AWWISSU: VĠILI TAL-GĦID TAL-ASSUNTA
Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni tal-Vġili tas-Sollenita’ tat-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema bis-sehem tal-Kor Santa Marija.

L-ERBGĦA 15 T’AWWISSU: L-GĦID TAL-ASSUNTA. SOLLENNITÀ TAT-TLUGĦ FIS-SEMA TA’ MARIJA. JUM IL-ĠENEROŻITA`
Filgħodu l-quddies ikun fil-5.30a.m.,fis-7.00a.m., fit-8.00a.m. u fl-10.00a.m. Illum il-Quddiesa ta’ filgħaxija ma ssirx. Fil-11.00a.m. Konċelebrazzjoni tal-Ewwel Jum tat-Tridu, mmexxija mill-Kan Dun Michael J. Galea, Assistent Direttur ta’ Dar ARKA, li jagħmel ukoll l-omelija. Tieħu sehem l-Għaqda Qlub Ġenerużi taż-Żebbuġ li waqt l-offertorju jingħataw offerti ta’ flus għad-Djar tal-Karita` tad-Djoċesi t’Għawdex. Inħarsu dan il-Jum Solenni u tal-obbligu b’Quddiesa u Tqarbina.

IL-ĦAMIS 16 T’AWWISSU: IT-2 JUM TAT-TRIDU. JUM L-ANIMATURI TAL-LITURĠIJA: LETTURI, ANIMATURI U KANTURI
Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni Sollenni tat-Tieni Jum tat-Tridu minn Mons. Edward Xuereb, Vigarju Ġudizzjarju u Kappillan tal-Għasri, bl-Omelija mill-Kan Dun Michael Galea. Jieħdu sehem il-membri tal-Kor ta’ Santa Marija, il-Kor Regina Angelorum, il-membri tal-Orkestra tal-Parroċċa, il-gruppi tal-kitarri, kif ukoll l-animaturi tal-liturġija, il-letturi u l-ostjarji. Wara Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Fit-8.30p.m. Barbeque kbir, maġenb il-knisja, organizzat miż-Żebbuġ Rovers Football Club, animat minn diversi kantati ta’ fama nazzjonali.

IL-ĠIMGĦA 17 T’AWWISSU: IT-3 JUM TAT-TRIDU. JUM L-EMIGRANTI U ŻEBBUĠIN LI JGĦIXU BARRA MILL-PARROĊĊA
Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni Sollenni tat-Tielet Jum tat-Tridu mmexxija minn Mons. Salv Debrincat, Kanċillier tal-Kurja. L-Omelija ssir mill-Kan. Dun Michael Galea. Mistiedna speċjali l-Emigranti u ż-Żebbuġin li jgħixu barra mill-Parroċċa. Wara Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Fi tmiem il-funzjoni jkun hemm bibita fis-sagrestija. Fid-9.30p.m. Dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ Santa Marija, akkumpanjata mill-Banda ‘Santa Marija’ taż-Żebbuġ u mill-Banda ‘Victory’ tax-Xagħra li tibda minn Triq Sellum u tgħaddi minn dawn it-toroq: Dun Karm Cachia, Mons. Ġużeppi De Piro, Sant Andrija, Ġoma u Knisja għal Pjazza l-Assunta. Xħin l-istatwa tasal ħdejn il-Każin tal-Banda ser issir l-inawgurazzjoni finali tal-proġett tad-dekorazzjoni tal-faċċata tal-Każin u spettaklu ta’ 3D mapping mal-istess faċċata. F’Nofsilejl Santa Marija tittella’ fuq il-pedestall.

LIVE-STREAMING MILL-KNISJA PARROKKJALI U MILL-PJAZZA L’ASSUNTA
Dawk kollha li għandhom is-servizz tal-Internet, mill-lum jistgħu jaċċessaw il-live-streaming tas-servizzi kollha fil-Knisja Parrokkjali tagħna, kif ukoll dak li jkun għaddej fil-Pjazza ewlenija tar-raħal billi jiktbu: Webcams in Gozo Skyline, imbgħad tikklikkja fuqha u tagħżel Zebbuġ Parish Church jew Zebbug Gozo Live Streaming (għall-Pjazza). Dan kollu sar bis-saħħa ta’ Jimmy Saliba Electronics grazzi għall-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ li laqgħa l-proposta tal-Arċipriet imressqa mill-Kav. Carmelo Saliba u daħal għal din l-inizjattiva sabiħa l-aktar favur dawk li ma joħorġux mid-dar u l-emigranti.

MILL-ĦAJJA TAL-KOMUNITA’
* Nifirħu lil Matthion Formosa u Valerie Apap fl-okkażjoni tal-Magħmudija ta’ binhom ELI, li saret nhar il-Ħamis 2 ta’ Awwissu fil-Knisja Parrokkjali tagħna u nilqugħ bħala membru ġdid fi ħdan il-familja parrokkjali tagħna.

 

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Formosa