ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Weekly Bulletin
24 June 2018
  IL-135 ANNIVERSARJU MIS-SEJĦA TAL-MADONNA F’TA’ PINU
Nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju niċċelebraw il-135 sena minn meta l-Madonna kellmet lix-xebba twajba Karmni Grima mill-Kwadru ta’ Pinu fl-1883. F’din l-okkażjoni speċjali ma nonqsux milli nżuru l-Madonna f’dan is-Santwarju għażiż tagħha u nitolbuha tkompli tħarisna. Il-programm tal-Quddies u Ċebrazzjonijiet oħra fis-Santwarju Nazzjonali ta’ Pinu ikun hekk: Quddies: 5.00a.m., 6.00.a.m., 7.00a.m., 9.00a.m. Pontifikal immexxi minn Mons Isqof Mario Grech, fil-11.15a.m. Imbagħad minn 12.30p.m. sal-5.00p.m. Adorazzjoni, fis-6.00p.m. Rużarju, fis-6.30p.m. Quddiesa, fis-7.30p.m. Pontifikal immexxi mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna u fit-8.30p.m. purcissjoni aux flambeux fil-Pjazza.

TBERIK TAT-TARBIJA FIL-ĠUF TAL-OMM
Nhar is-Sibt 23 ta’ Ġunju fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu waqt il-Quddiesa tas-6.30p.m. Mons Isqof Mario Grech ser ibierek it-trabi fil-ġuf tal-ommijiet preżenti. Dawk il-familji li qed jistennew tarbija huma mistiedna jieħdu sehem.

IT-TIENI ĠABRA GĦALL-FESTA TA’ SANTA MARIJA
Nhar il-Ġimgħa 22, filgħodu (mill-Knisja l’isfel) u nhar is-Sibt 23 ta’ Ġunju (mill-Knisja l’fuq) ser issir it-tieni Ġabra għall-Festa ta’ S.Marija. Kif kont spjegajtilkom fir-rendikont li kien tqassmilkom wara l-festa tas-sena l’oħra, l-ispejjeż ġenerali tal-festa b’kollox ammontaw għal €15,834.53 u dan minbarra s-servizzi liturġiċi, n-Nar kollu li jitħallas mill-Għaqda tan-Nar, fil-Banda l-bandisti tal-post u l-Kunċert ikunu gratis, filwaqt li fl-Orkestra, s-Surmast, il-Kor u d-diriġenti tiegħu u l-mużiċisti tal-post ikunu gratis. Fl-ewwel ġabra (li saret f”Mejju) ġbarna € 2,624.65. Kif qiegħdin taraw għadna lura ħafna biex nilħqu l-ammonti li għandna bżonn. Ma jagħmilx sens li biex nagħmlu l-festa bħas-soltu, immorru minn taħt. Għaldaqstant jekk irridu li nibqgħu nagħmlu festa bħas-snin l-imgħoddija hemm bżonn li ngħinu iktar mill-aħjar li nistgħu fid-donazzjonijiet tagħna. Santa Marija tpattielkom tal-ġenerożita` tagħkom.

SOLENNITA’ TAT-TWELID TA’ SAN ĠWANN BATTISTA
Nhar is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd 24 ta’ Ġunju flok il-liturġija tal-Ħadd, il-Knisja ser tiċċelebra s-Solennita’ tat-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista – prekursur tal-Mulej u difensur qalbieni taż-żwieġ nisrani.

APPELL GĦALL-GĦOTI TAD-DEMM
Nhar il-Ħadd 24 ta’ Ġunju, l-Berġa tax-Xewkija (ħdejn l-iskola primarja) ser tkun miftuħa mit-8.00a.m. sas-1.00p.m. għal min jista jagħti d-demm. Dawk li ser jilqgħu dan l-appell huma mitluba jieħdu magħhom il-karta tal-identita’.

LAQGĦA IMPORTANTI GĦALL-GRESIMANDI
Nhar it-Tnejn 25 ta’ Ġunju fis-6.00p.m. fiċ-Ċentru Parrokkjali (fis-Sala ta’ fuq) issir laqgħa għall-Greżimandi u l-Ġenituri tagħhom li fiha jittellgħu bix-xorti l-postijiet fil-Knisja, kif ukoll is-servizzi mill-Gresimandi (Talbiet tal-fidili u Offerti) għal waqt il-Quddiesa tal-Griżma tal-Isqof. Importanti li jattendi kulħadd.

PROVA GĦALL-MEMBRI TAL-KORIJIET
Nhar it-Tnejn 25 ta’ Ġunju fis-7.30p.m. ser issir prova oħra għall-membri tal-Kor Santa Marija u għall-membri tal-Kor Regina Angelorum flimkien fil-Knisja bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Griżma tal-Isqof. Inħeġġu l-membri kollha biex jattendu.

GĦAŻLA TAR-RITRATTI TAL-PREĊETT
Nhar it-Tlieta 26 ta’ Ġunju, bejn l-4.30p.m u s-6.00p.m., il-ġenituri tat-tfal tal-Preċett huma ġentilment mitluba jirrikorru l-Uffiċċju Parrokkjali biex jagħżlu r-ritratti taċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewwel Tqarbina. Peress li ġej il-fotografu apposta importanti li jattendi kulħadd f’din il-ġurnata u f’dan il-ħin.

NIĊĊELEBRAW ID-DISA’ ERBGĦA TA’ SANTA MARIJA
Il-Erbgħa 27 ta’ Ġunju, nkomplu bl-Erbgħat ta’ Sta Marija. Fis-6.30p.m. Rużarju u Kurunella u Barka Sagramentali. Fis-7.00p.m. tibda Konċelebrazjoni mmexxija minn Dun Simon Cachia, delegat tal-Isqof għall-Katekeżi bis-sehem tal-Kor ‘Santa Marija’. Qed issir sejħa speċjali lit-Tfal kollha tal-Parroċċa biex f’din l-okkażjoni jġibu magħhom xi fjuri/xemgħa biex joffruhom lil S.Marija waqt l-offertorju. Tingħata d-9 sticker lit-Tfal.

PROVA TAĊ-ĊELEBRAZZJONI TAL-GRIŻMA
Nhar il-Ħamis 28 ta’ Ġunju, fil-5.30p.m. fil-Knisja ser issir il-prova ġenerali taċ-Ċelebrazzjoni tal-Griżma tal-Isqof għall-Greżimandi. Importanti li jattendi kulħadd.

SOLENNITA` TAL-APPOSTLI SAN PIETRU U SAN PAWL
Nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju niċċelebraw is-Solennita’ tal-Prinċpijiet tal-Appostli, S.Pietru u S. Pawl. F’dan il-jum noffru talb speċjali għall-Papa Franġisku suċċessur dirett ta’ S. Pietru bħala Isqof ta’ Ruma u Ragħaj Spiritwali tagħna lkoll u għall-Missjunarji kollha biex fuq l-eżempju ta’ S. Pawl ikomplu jwasslu l’Bxara t’Tajba lill-ġnus kollha. Il-Quddies f’dan il-jum ikun fil-5.30a.m. fis-7.00.a.m., fil-11.00a.m., u ta’ filgħaxija fis-6.00p.m. (u mhux fis-7.00p.m. bħas-soltu)

IRTIR BI TĦEJJIJA GĦAS-SAGRAMENT TAL-GRIŻMA
Il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju ser isir l-Irtir bi tħejjija għaċ-Ċelebrazzjoni tal-Griżma. Niltaqgħu fiċ-Ċentru Parrokkjali fid-9.00a.m. u nispiċċaw ftit qabel Nofsinhar.

ĊELEBRAZZJONI TAL-GRIŻMA TAL-ISQOF
Is-Sibt 30 ta’ Ġunju, 10 Adoloxxenti mill-Parroċċa tagħna ser jirċievu s-Sagrament tal-Konfermazzjoni minn idejn l-Isqof Mario Grech. Il-Quddiesa li se tkun animata mill-Korijiet ‘Santa Marija’ u ‘Regina Angelorum’ tibda fis-6.30p.m. Dakinhar din tkun l-unika Quddiesa ta’ filgħaxija fil-Knisja Parrokkjali.

FLOKKIJIET TAL-FESTA 2018
Qed issir sejħa għal min jixtieq jirreklama fuq il-kmiem tal-flokk tal-festa 2018. Dawk interessati huma mitluba jkellmu lil Matthew Vella jew lil Fabio Cini sal-Ħadd 24 ta’ Ġunju. L-offerti jibdew minn €100. Imbgħad il-ġimgħa d-dieħla, wara li ser jiġi muri fuq il-facebook page tal-Parroċċa u fuq in-Notice board jibdew jittieħdu l-ordnijiet.

MILL-ĦAJJA TAL-KOMUNITA’
* Nifirħu wkoll lil Raymond u Nicholette Xerri fl-okkażjoni tal-Magħmudija ta’ binhom LUKE, li saret nhar il-Ħadd 17 ta’ Ġunju fil-Knisja Parrokkjali tagħna u nilqugħ bħala membru ġdid fi ħdan il-familja nisranija.

 

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Formosa