ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Weekly Bulletin
17 June 2018
  ORDINAZZJONI PRESBITERALI
Nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Ġunju fil-Knisja Katidrali fis-6.30p.m. Mons Isqof Mario Grech ser jordna Saċerdot lid-Djaknu Joseph Hili mill-Parroċċa tax-Xagħra. Tkun ħaġa sabiħa jekk jirnexxielna nattendu għal din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa. Nitolbu għalih u għal aktar vokazzjonijiet kemm saċerdotali kif ukoll reliġjużi.

HIGH-TEA B’RISQ IT-TAGĦLIM TAL-MUŻIKA FIL-KAŻIN TAL-BANDA
Is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija tixtieq tavża li nhar il-Gimgha 15 ta' Gunju fit-7:45p.m. [wara quddiesa] ser jiġi organizzat HIGH-TEA-TOMBLA fil-Każin. Nħeġġukom tattendu għax filwaqt li nqattgħu ftit ħin ta’ divertiment flimkien, intom tkunu ta’ għajnuna biex inkomplu bil-ħidma tagħna iddedikata lit-tagħlim u s-servizzi tal-mużika lir-raħal tagħna.

L-AĦĦAR LAQGĦA GĦALL-GĦARAJJES FL-ISTITUT TAL-FAMILJA
Nhar is-Sibt 16 ta’ Ġunju fit-8.00p.m. fl-Istitut tal-Familja ‘Papa San Ġwanni Pawlu II’ ser issir l-aħħar Laqgħa għall-Għarajjes li kienu jattendu l-Kors ta’ Tħejjija għaż-Żwieġ ma’ Mons Isqof Mario Grech. Inħeġġu l-Għarajjes konċernati biex jattendu u jkunu fil-ħin. Nieħdu din l-oportunita’ biex nirringrazzjaw lil Joe u Carmen Cini li jmexxu l-laqgħat tal-koppji fil-Parroċċa tagħna, flimkien ma’ Fr Geoffrey Attard.

L-ILBIESI TAL-GRIŻMA
Bejn is-Sibt 16 u l-Ħadd 17 ta’ Ġunju, il-Ġenituri tal-Greżimandi huma mitluba jiġu flimkien ma wliedhom biex jippruvaw u jagħżlu l-libsa għaċ-Ċelebrazzjoni tal-Griżma, mis-Sagrestija fil-ħinijiet li fihom tkun miftuha l-Knisja.

NIĊĊELEBRAW JUM IL-MISSIER
F’dan il-Ħadd 17 ta’ Ġunju, niċċelebraw Jum il-Missier. Filwaqt li nawguraw lil Missirijiet kollha, f’din l-okkażjoni speċjali jixraq li nuruhom l-apprezzament tagħna għal dak kollu li jagħmlu magħna. Illum nitolbu għalihom aktar mis-soltu. Niftakru wkoll f’dawk li m’għadhomx magħna. Għaldaqstant iċ-Ċimiterju tal-Parroċċa se jkun miftuħ is-Sibt 16 u l-Ħadd 17 ta’ Ġunju mis-7.00a.m. sat-8.00p.m.

QUDDIESA FIL-KAPPELLA TAĊ-ĊIMITERJU F’JUM IL-MISSIER
Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier li se tiġi ‘ċċelebrata nhar il-Ħadd 17 ta’ Ġunju, l-Kumitat tas-Soċ. Filar. S. Marija ser jorganizza Quddiesa fil-Kappella taċ-Ċimiterju tal-Parroċċa, fl-10.00a.m. mmexxija mid-Dir. Spirit. il-Kan D Noel Saliba flimkien ma’ Saċerdoti oħra. Fi tmiem il-quddiesa tingħata tifkira lil missirijiet preżenti. F’dan il-jum ma’ jkunx hemm Quddiesa tal-10.00a.m. fil-Knisja Parrokkjali.

PROVI GĦALL-MEMBRI TAL-KORIJIET
Nhar it-Tnejn 18 ta’ Ġunju fis-7.30p.m. ser issir prova oħra għall-membri tal-Kor Santa Marija u għall-membri tal-Kor Regina Angelorum flimkien fil-Knisja bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Griżma tal-Isqof kif ukoll għal okkażjonijiet oħra li l-Kor se jkollu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Inħeġġu l-membri kollha biex jattendu.

NIĊĊELEBRAW IT-TMINN ERBGĦA TA’ SANTA MARIJA
Il-Erbgħa 20 ta’ Ġunju, nkomplu bl-Erbgħat ta’ Sta Marija. Fis-6.30p.m. Rużarju u Kurunella u Barka Sagramentali. Fis-7.00p.m. tibda Konċelebrazjoni mmexxija minn Mons Karm Borg, Rettur tal-Kappella tal-Lunzjata bis-sehem tal-Kor ‘Santa Marija’. Qed issir sejħa speċjali lit-Tfal kollha tal-Parroċċa biex f’din l-okkażjoni jġibu magħhom xi fjuri/xemgħa biex joffruhom lil S.Marija waqt l-offertorju. Tingħata t-8 sticker lit-Tfal.

IL-135 ANNIVERSARJU MIS-SEJĦA TAL-MADONNA F’TA’ PINU
Nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju niċċelebraw il-135 sena minn meta l-Madonna kellmet lix-xebba twajba Karmni Grima mill-Kwadru ta’ Pinu fl-1883. F’din l-okkażjoni speċjali ma nonqsux milli nżuru l-Madonna f’dan is-Santwarju għażiż tagħha u nitolbuha tkompli tħarisna. Il-programm tal-Quddies u Ċebrazzjonijiet oħra fis-Santwarju Nazzjonali ta’ Pinu ikun hekk: Quddies: 5.00a.m., 6.00.a.m., 7.00a.m., 9.00a.m. Pontifikal immexxi minn Mons Isqof Mario Grech, fil-11.15a.m. Imbagħad minn 12.30p.m. sal-5.00p.m. Adorazzjoni, fis-6.00p.m. Rużarju, fis-6.30p.m. Quddiesa, fis-7.30p.m. Pontifikal immexxi mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna u fit-8.30p.m. purcissjoni aux flambeux fil-Pjazza.

TBERIK TAT-TARBIJA FIL-ĠUF TAL-OMM
Nhar is-Sibt 23 ta’ Ġunju fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu waqt il-Quddiesa tas-6.30p.m. Mons Isqof Mario Grech ser ibierek it-trabi fil-ġuf tal-ommijiet preżenti. Dawk il-familji li qed jistennew tarbija huma mistiedna jieħdu sehem. I

T-TIENI ĠABRA GĦALL-FESTA TA’ SANTA MARIJA
Nhar il-Ġimgħa 22, filgħodu (mill-Knisja l’isfel) u nhar is-Sibt 23 ta’ Ġunju (mill-Knisja l’fuq) ser issir it-tieni Ġabra għall-Festa ta’ S.Marija. Kif kont spjegajtilkom fir-rendikont li kien tqassmilkom wara l-festa tas-sena l’oħra, l-ispejjeż ġenerali tal-festa b’kollox ammontaw għal €15,834.53 u dan minbarra s-servizzi liturġiċi, n-Nar kollu li jitħallas mill-Għaqda tan-Nar, fil-Banda l-bandisti tal-post u l-Kunċert ikunu gratis, filwaqt li fl-Orkestra, s-Surmast, il-Kor u d-diriġenti tiegħu u l-mużiċisti tal-post ikunu gratis. Fl-ewwel ġabra (li saret f”Mejju) ġbarna € 2,624.65. Kif qiegħdin taraw għadna lura ħafna biex nilħqu l-ammonti li għandna bżonn. Ma jagħmilx sens li biex nagħmlu l-festa bħas-soltu, immorru minn taħt. Għaldaqstant jekk irridu li nibqgħu nagħmlu festa bħas-snin l-imgħoddija hemm bżonn li ngħinu iktar mill-aħjar li nistgħu fid-donazzjonijiet tagħna. Santa Marija tpattielkom tal-ġenerożita` tagħkom.

TLETT KORSIJIET MILL-KUMMISSJONI DJOĊESANA FAMILJA
Bejn it-Tnejn 2, u l-Ġimgha 13 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni Familja ser tkun qed torganizza dawn it-tlett korsijiet: 1) Kif inġibu ruħna ma’ wliedna u kif nikbru fir-relazzjoni bħala koppja. 2) Xi jfisser Żwieġ Sagrament, u x’tgħid il-liġi dwar iż-żwieġ? 3) Kif inkun naf aktar lili nnifsi, u kif imexxi grupp? Kull min jixtieq japplika jista jkellem lill-Arċipriet jew iċempel fuq: 21556513 sa mhux aktar tard mill-Erbgħa 27 ta’ Ġunju. Il-korsijiet isiru fl-Istitut tal-Familja ‘Papa San Ġwanni Pawlu II’.

GRAZZI TAL-ĠENEROŻITA TAGĦKOM...
* Lil Persuni NN li taw €100, €50 u €10 għall-Generator
* Lil diversi persuni NN li taw €50, €10 u €10 għall-bżonnijiet tal-Knisja
* Lil Persuna NN li tat €35 għall-ispejjeż tal-fjuri tal-Preċett.

 

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Formosa