ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Weekly Bulletin
20 May 2018
  LAQGĦA TAL-GRUPP TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Mejju, fis-7.30p.m. fiċ-Ċentru Parrokkjali ser issir laqgħa oħra għall-Grupp taż-Żgħażagħ immexxija mill-Arċipriet D Reuben Micallef. Inħeġġu l-membri kollha biex jattendu.

LAQGĦA TAL-ABBATINI
Is-Sibt 19 ta’ Mejju fis-6.00p.m., issir s-solita laqgħa għall-Abbatini kollha fiċ-Ċentru ‘mmexxija mis-Sem Gabriel Vella. L-Abbatini kollha huma mħeġġa jattendu.

SOLENNITA’ TA’ GĦID IL-ĦAMSIN – (PENTECOSTE)
Il-Ħadd 20 ta’ Mejju, niċċelebraw is-Solennita’ ta’ Għid il-Ħamsin – is-Solennita’ ta’ nżul l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja. Nitolbu lil Mulej, biex ikompli jagħtina l-Ispirtu Qaddis tiegħu ħa jdawwalna u jiggwidana fil-għixien tal-ħajja tal-fidi tagħna.

JINĠABRU L-BILJETTI TAL-LOTTERIJA B’RISQ L-iSKY CONCERT
Il-membri tal-Għaqda tan-Nar, nhar il-Ħadd 20 ta’ Mejju ser jiġbru l-biljetti tal-Lotterija li tqassmu mal-Bulettin tal-ġimgħa l-oħra b’risq l-ispejjeż tal-iSKY CONCERT 2018. Kull pakkett jiswa € 3 biss. Jekk jogħġobkom ħejjuhom bil-lest.

LAQGĦA GĦALL-ĠENITURI TAL-GĦARAJJES TAL-KORS TAŻ-ŻWIEĠ
Il-Ħadd 20 ta’ Mejju fil-5.15p.m. fiċ-Ċentru ser issir Laqgħa għall-Ġenituri tal-Għarajjes li matul din is-sena kienu qed jattendu għall-Kors ta’ Tħejjija għaż-Żwieġ. Il-Laqgħa ser titmexxa minn Joe u Lina Grech minn Victoria.

TIFKIRA TA’ MARIJA OMM U XBIEHA TAL-KNISJA
Nhar it-Tnejn 21ta’ Mejju, għall-ewwel darba ser tiġi ċċelebrata fil-Knisja Kattolika t-Tifkira ta’ Marija Omm u Xbieha tal-Knisja. Din kienet xewqa ta’ diversi Papiet u b’digriet tal-Papa Franġisku ser tibda tiġi ‘ċċelebrata kull sena t-Tnejn fuq Għid il-Ħamsin. Nitolbu lill Ommna Marija għall-Knisja biex tkompli tkun għalina strument ta’ salvazzjoni.

IT-TFAL TAD-DUTTRINA MILL-YEAR 1 SA 4 F’TA PINU
Nhar it-Tnejn 21 ta’ Mejju, it-tfal tad-duttrina tal-Years 1, 2, 3 u 4 akkumpanjati mill-Katekisti tagħhom ser jagħmlu żjara flimkien fis-Santwarju Ta’ Pinu fejn se jirreċitaw it-talba tar-Rużarju. Tluq mill-Pjazza fis-5.00p.m. u lura fis-6.00p.m. Din l-attivita’ għal nhar it-Tnejn ssir flok id-duttrina tas-soltu.

PROVI GĦALL-MEMBRI TAL-KORIJIET
Nhar it-Tnejn 21 ta’ Mejju fis-7.30p.m. ser issir prova għall-membri tal-Kor Santa Marija u għall-membri tal-Kor Regina Angelorum flimkien fil-Knisja. Inħeġġu l-membri kollha biex jattendu.

IT-TFAL TAL-PREĊETT JARAW IL-PRODUZZJONI OSTJI
Nhar l-Erbgħa 23 ta’ Mejju filgħodu (bi ftiehim mal-Kapijiet tal-Iskejjel fejn jattendu) t-Tfal tal-Year 3 ser jittieħdu mill-Arċipriet il-Kunvent tas-Sorijiet Franġiskani biex jaraw il-produzzjoni tal-Ostji fl-okkażjoni tal-Preċett li se jiċċelebraw dalwaqt.

IR-4 ERBGĦA U T-23 ANNIVERSARJU TAL-BANDA STA MARIJA
L-Erbgħa 23 ta’ Mejju, nkomplu bl-Erbgħat ta’ Sta Marija. Fis-6.30p.m. Rużarju u Kurunella u Barka Sagramentali. Fis-7.00p.m. Konċelebrazjoni ta’ Radd il-Ħajr fl-okkażjoni tal-23 Anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija mmexxija mill-Kan. Dun Noel Saliba, Direttur Spiritwali bis-sehem tal-Kumitat, Bandisti u membri kollha. It-Tfal bħas-soltu jġibu magħhom xi fjuri/xemgħa.

‘TALBA FI NŻUL IX-XEMX’ FID-DWEJRA GĦALL-ADOLOXXENTI
Nhar l-Erbgħa 23 ta’ Mejju fit-7.45p.m. l-Adoloxxenti huma mistiedna jkunu fil-Pjazza (fejn iċ-Ċentru) biex nitilqu bil-Minibus lejn id-Dwejra għal ‘Talba fi nżul ix-xemx’ immexxija mill-Arċipriet D.Reuben Micallef. Din hija l-aħħar laqgħa qabel il-BBQ tal-aħħar fix-Xwejni fl-1 ta’ Ġunju. Inħeġġu l-Adoloxxdenti biex jattendu.

L-EWWEL ĠABRA GĦALL-FESTA TA’ SANTA MARIJA
Il-Ġimgħa 25 ta’ Mejju, (mill-Knisja l’isfel) u s-Sibt 26 ta’ Mejju, (mill-Knisja l’fuq), l-Arċipriet flimkien mal-helpers jagħmel l-ewwel Ġabra għall-Festa. Is-sena li għaddiet għall-Festa ħallasna xejn inqas minn €1,144.03 għall-Assikurazzjoni fuq in-Nar, € 25 għad-dikjarazzjoni tal-Perit fuq l-armar estern, €600 fuq 6 arloġġi/meters tad-dawl, €43.70 f’konsum ta’ dawl fuq barra, € 1,090.14 fi ħlasijiet ta’ Pulizija (extra duty), €234.10 għall-Permessi u € 351.84 għal stand by Fire Engine, €740 għall-armar bid-dawl tal-piramidi tal-kampnari u l-koppla, €673.75 Led bulbs ġodda għall-frontispizju tal-Knisja u ċ-ċinta minn ġewwa, €125.43 printing ta’ programmi u flyers, u €60 kera ta’ Generator stand by għall-eventwalita’ ta’ qtugħ ta’ dawl. Dawn huma kollha flus (total ta’ € 5,087.99 fi ħlasijiet li ma jidhrux) li jridu joħorġu u nkunu għadna lanqas biss bdejna l-festa! Ikun baqa l-ispiża tal-Baned, l-Orkestra u s-servizzi liturġiċi (ftit inqas minn €8,000 oħra). Is-sena li għaddiet fl-ewwel ġabra inġabret is-somma ta’ € 2,610.20. Jekk irridu nibqgħu nagħmlu festa sabiħa lil Santa Marija irridu nkunu ftit iżjed ġenerużi, altrimenti jkollna nnaqqsu mill-festa. Għaldaqstant inħeġġiġkom biex bħas-soltu, jew aktar, tkunu ġenerużi!

AVVIŻ MILL-KUMITAT TAL-GOZO CLAY TARGET ASSOCIATION
Ser issir sparatura tat-timijiet fuq 50 plattina u oħra ta’ bil-lejl individwali bejn il-ġimgħa 18 u l-Ħadd 20 ta’ Mejju. Din il-kompetizzjoni hija parti mill-Gozo Sports Festival li qed isir bil-kollaborazzjoni tal-Gozo Sports Board.

MILL-ĦAJJA TAL-KOMUNITA’
* Nifirħu lil Josef Spiteri (il-Gudja Malta) u Christiana Grech (Iż-Żebbuġ) li s-Sibt 12 ta’ Mejju ingħaqdu flimkien bis-Sagrament taż-Żwieġ, fil-Knisja Parrokkjali tagħna.
* It-Tnejn 14 ta’ Mejju, l-Mulej għoġbu jsejjah lil Marija Dimech għall-ħajja ta’ dejjem. Filwaqt li nagħtu l-għomor lill-familjari tagħha, nibqgħu niftakru fiha fit-talb tagħna. Il-familjari jirringrazzjaw lil dawk kollha li wrew sogħba magħhom għat-telfa li ġarrbu. Agħtiha o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqha, tistrieħ fis-sliem.

GRAZZI
lill-Kan Dun Noel Saliba u lill-familja tiegħu li offrew €50 għall-ispejjeż tal-bulettin biex il-ġid spiritwali li jinkiseb mill-qari tiegħu imur b’suffraġju tal-għażiża tagżhom Marija Dimech li għada kemm ħallietna.

GRAZZI
lil dawk kollha li offrew prodotti bnini, donazzjonijiet u/jew ġew xtraw mill-Bake Sale li sar fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm b’risq il-Generator. Grazzi speċjali wkoll lil Frenċ Saliba, Nicholas u Ritienne Cini, Baskalino Cefai u David’s Bakery u lil voluntiera kollha li qagħdu jbiegħu.

 

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Formosa