ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
BULETTIN TAL-ĠIMGĦA
27 t'Awwissu 2017
  GRAZZI KBIRA LIL KULĦADD TAL-FESTA KBIRA LI KELLNA!
Issa li għaddiet il-festa ta’ Santa Marija u kollox mar b’wiċċ il-ġid, nixtieq nesprimi s-sentimenti tiegħi ta’ gratitudni lejkom ilkoll li għentu biex nagħmlu festa sabiħa lil Patruna tagħna Santa Marija. Meta ngħid lilkom ilkoll, qed nirreferi mhux biss għal dawk li kienu nvoluti direttament fl-organizzazzjoni tal-festa, jiġifieri l-membri tal-Għaqdiet u l-voluntiera, li għal grazzja t’Alla m’humiex ftit, imma wkoll lil dawk kollha, allura l-bqija taż-Żebbuġin u l-Emigranti li kellna fostna, li ikkontribwejtu finanzjarjament biex inkunu nistgħu norganizzaw festa sabiħa. Jixraq pero’ li ma ninsewx li aħna m’aħniex Insara tal-festa biss u għaldaqstant nixtieq li nkomplu nieħdu sehem fil-ħajja ta’ kuljum tal-Parroċċa matul is-sena kollha, ngħinu fejn ikun hemm bżonn, ningħaqdu iżjed flimkien u ngħixu bħala komunita’ waħda li tiltaqa fid-Dar tal-Mulej, b’mod speċjali fil-qsim tal-Ħobż fl-Ewkaristija ta’ kulljum u b’mod partikulari nhar ta’ Ħadd. Allura ħallu l’min jarakom! Santa Marija b’dan tieħu l-aktar gost...

L-Arċipriet Dun Reuben Micallef

DAWRA BIL-LANĊA MA’ KEMMUNA GĦAT-TFAL LI ĠEW IL-KWINDIĊINA
Id-Dawra bil-lanċa għal dawk it-Tfal li ġew ġabru l-biljett għal din l-attivita’ ser issir nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Awwissu. Nitilqu mill-Pjazza fit-8.30a.m. (bix-xarabank) u niġu lura għall-ħabta tal-10.30a.m. It-Tfal se jkunu akkumpanjati mill-Katekisti u milll-Arċipriet.

MANIFESTAZZJONI MARJANA F’MARSALFORN
Nhar il-Ġimgħa 23 t’Awwissu Mons Isqof Mario Grech ser imexxi l’Manifestazzjoni Marjana f’Marsalforn. Dan ikun mument ta’ Talb lil Madonna favur Ambjent Moralment nadif. Iċ-Ċelebrazzjoni tibda bir-Rużarju fis-7.30p.m.

APPELL GĦALL-GĦOTI TAD-DEMM
Il-Ħadd 27 t’Awwissu, d-Dipartiment tal-Out Patients fl-Isptar Ġenerali ser ikun miftuħ għal min jista jagħti d-demm bejn it-8.00a.m u s-1.30p.m. Dawk li se jilqgħu dan l-appell huma mitluba jieħdu magħhom il-karta tal-identita’.

EVALWAZZJONI TAL-ANDAMENT TAL-FESTA 2017
Bl-intenzjoni li ntejbu l-festa tagħna u ngħoġbu iżjed lill Alla qed nagħmlu appell lil membri tal-Għaqdiet u dawk kollha interessati biex jagħtu l-opinjoni jew is-suġġerimenti tagħhom fir-rigward tal-festa li għaddiet, biex flimkien naraw x’nistgħu nagħmlu aħjar is-sena li ġejja. Għaldaqstant nhar it-Tnejn 28 ta’ Awwissu ser tinżamm laqgħa b’dan il-għan fiċ-Ċentru Parrokkjali fis-7.30p.m. li titmexxa mill-Arċipriet. Kulħadd huwa mistieden.

L-10 ANNIVERSARJU MILL-ĦATRA TAL-ARĊ. D. REUBEN MICALLEF
Nhar it-Tlieta 29 t’Awwissu jaħbat il-11-il Anniversarju mill-ħatra tal-Arċ. Reuben Micallef. F’dan il-jum partikulari nitolbu għalih ħalli l-Mulej ikompli jieqaf miegħu fit-tmexxija tal-merħla afdata f’idejh u nwiegħduh il-koperazzjoni sħiħa tagħna.

L-1 TA’ SETTEMBRU: JUM TA’ TALB GĦALL-ĦARSIEN TAL-ĦOLQIEN
Il-Papa Franġisku sentejn ilu iddikkjara li l-1 ta’ Settembru ta’ kull sena jkun iddedidikat mill-Knisja għall-kuxjenza u talb għall-ħarsien tal-Ħolqien u l-Ambejnt. Nilqgħu din l-istedina tal-Papa biex inkunu iżjed attenti għall-ġmiel tal-Ħolqien ta’ madwarna li hu rigal kbir ta’ Alla lilna l-bnedmin u nibżgħu aktar għalih.

L-EWWEL ĠIMGĦA TAX-XAHAR
Nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Settembru, hija l-ewwel Ġimgħa tax-xahar. Fil-11.00a.m. issir Quddiesa u wara tinżamm l-Adorazzjoni sas-7.00p.m. Mis-2.00p.m. sat-3.00p.m. issir is-Siegħa tal-Ħniena Divina. Insibu ftit ħin għal Ġesu u nħarsu dan il-Jum għażiż b’Quddiesa u Tqarbina. It-Tqarbin tal-Morda u l-Anzjani jsir kollu filgħodu.

WASLU D-DVD’S TAL-PRIMA MESSA TA’ DUN JOSEPH ATTARD
F’dawn il-jiem għadhom kemm waslulna d-dvd’s tal-Prima Messa ta’ Dun Joseph Attard. Dawk li kienu ordnawhom jistgħu jidħlu jiġbruhom mis-Sagrestija għall-prezz ta’ €13. Il-qliegħ żgħir minn dawn id-dvd’s se jmur għas-sistema tal-Alarms u s-CCTV Cameras tal-Knisja.

REBBIEĦA TAL-ARLOĠĠ TAL-ONICE ŻEBBUĠI
Din is-sena l-Arloġġ sabiħ maħdum fl-irħam Oniċe Żebbuġi ntrebaħ minn Mireya Jo Saliba (Żebbuġ). Grazzi lis-Sur Ronnie Pisani għal dan ix-xogħol gratis li jaħdmilna kull sena u grazzi lil kull min ħa sehem f’din il-lotterija RENDIKONT TAL-FESTA Kif sar is-sena li għaddiet, din is-sena wkoll meta jsiru l-ħlasijiet kollha relatati mal-festa, ser jitqassmilkom ir-rendikont dettalljat tad-dħul u l-ħruġ kollu li sar din is-sena.

CARMELO CINI REBBIEĦ TAL-PREMJU FUNDAZZJONI MGR. L.VELLA
It-3 Edizzjoni tal-Premju ‘Fundazzjoni Arċ. Mons Luigi Vella u Arċ. Franġisk Mercieca’ ġiet mogħtija lil Carmelo Cini, għas-servizz gratuwitu li dejjem ta lil Parroċċa f’dak li għandu x’jaqsam ma’ armar, tindif, tiswijiet, ftuħ tal-Knisja filgħaxijiet u ħafna xogħol ieħor kollu volontarju. Carmelo Cini ġie ippreżentat Ċertifikat u xbieha ta’ Santa Marija minn Mons Isqof Mario Grech fi tmiem il-Pontifikal tal-festa. Filwaqt li nifirħulu u nawgurawlu, nixtiqulu ħafna aktar snin ta’ servizz u saħħa.

IS-SISTEMA TAL-ALARM U CCTV CAMERAS U L-GENERATOR GĦALL-KNISJA
Kif diġa kont semmejtilkom f’ħarġiet preċendenti tal-Bulettin fil-ġranet ta’ qabel il-festa kif previst bdiet tiffunzjoni s-sistema tas-CCTV Cameras fil-Knisja tagħna. Din is-sistema ġejja tiswa madwar €4000. Sa l-aħħar up-date fuq il-bulettin kienu nġabru €615 minn diversi donazzjonijiet. Minn dakinhar l-hawn daħlu dawn l-offeri minn diversi persuni NN: €100, €50, €50, €40, €40, €25, €20, €20 u € 5, biex b’hekk issa nġabru € 965 b’kollox. Dan ifisser li jonqosna € 3,035. Nemmnu ħafna fil-ġenerożita’ tagħkom u għalhekk inkomplu nħeġġu aktar benefatturi biex nifdu din l-ispiża li għalkemm ma’ kenitx ippjanata, ħassejna li kienet bżonnjuża. Meta niġbru dawn l-ispejjeż nibdew nikkonċentraw fuq il-proġett ta’ super silent generator. Grazzi lil dawk il-persuni li kienu fl-iskema tal-Linef u offrew li jkomplu jikkontribwixxu bl-istess skema pero issa għall-ispejjeż tal-generator li hu ikkalkulat li se jitla għal spiża ta’ €9,000


Navżaw li din is-sena l-Festa tal-Madonna tal-Għażżiel ser tiġi iċċelebrata nhar il-Ħadd 10 ta’ Settembru – jumejn qabel il-Festa liturġika tal-Isem Imqaddes ta’ Marija.

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Formosa