ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
BULETTIN TAL-ĠIMGĦA
20 t'Awwissu 2017
  Il-Kelma ta’ l-Arċipriet...

MAGĦQUDIN FLIMKIEN NIĊĊELEBRAW FESTA QADDISA
Ninsabu fil-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tagħna – il-festa ta’ Santa Marija. Hija ix-xewqa tagħna li lkoll kemm aħna niċċelebraw il-festa bl-aqwa mod. Sbieħ il-baned, il-logħob tan-nar, l-armar, il-briju u l-bqija, imma dawn weħidhom ma jagħmlux festa nisranija. L-iskop prinċipali tal-festa huwa li lkoll kemm aħna bħala komunita’ parrokkjali flimkien nagħtu glorja lil Alla u lill-Ommna Marija Assunta u nroddu ħajr għal dak kollhu li aħna rċevejna. Għalhekk nappellalkom biex ilkoll biex insibu ħin għall-Qrara sinċiera u nieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet li fadal b’mod speċjali fil-Pontifikal Solenni, immexxi minn Mons Isqof Mario Grech, u fil-Purċissjoni bl-Istatwa ta’ Santa Marija. Nappella wkoll għall-għaqda bejn kulħadd, biex ngħinu lil xulxin, biex nikkontrollow fix-xorb waqt il-marċijiet b’mod partikulari ż-żgħażagħ, biex it-tfal taħt l-eta’ ma jmissux xorb alkoħoliku u biex ma noffendu l-ħadd bi kliemna u għemilna. F’ismi u f’isem ħuti s-Saċerdoti nixtieq nirringrazzja lil kull min b’xi mod jew ieħor ta sehmu għas-suċċess tal-festa u nawguraw lil kulħadd Festa Qaddisa


IL-ĠIMGĦA 18 T’AWWISSU: IT-3 JUM TAT-TRIDU. IS-37 ANNIVERSARJU TAL-INKURUNAZZJONI. JUM L-EMIGRANTI U ŻEBBUĠIN LI JGĦIXU BARRA MILL-PARROĊĊA
Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni Solenni tat-Tielet Jum tat-Tridu mmexxija minn Mons Carmelo Gauci, Rettur tal-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu fix-Xlendi. L-Omelija ‘ssir minn Patri Joseph Formosa OFM Conv. Mistiedna speċjali l-Emigranti u ż-Żebbuġin li jgħixu barra mill-Parroċċa. Wara Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Fi tmiem il-funzjoni jkun hemm bibita. Fid-9.30p.m. Dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ Santa Marija ta’ barra (Kav. Agostino Camilleri. 1962) akkumpanjata mill-Banda ‘Santa Marija’ taż-Żebbuġ u mill-Banda ‘Victory’ tax-Xagħra li tibda minn Triq il-Kaċċaturi, Triq San Mikiel, Triq Għajn Mhelhel u Pjazza l-Assunta. Fil-11.45p.m. Waqt il-kant ta’ l-Innu Popolari lill-Assunta, l-istatwa ta’ Santa Marija tittella’ fuq il-pedestall fil-Pjazza.

IS-SIBT 19 T’AWWISSU: LEJLIET IL-FESTA
Fis-7.30a.m. Quddiesa Soelnni bil-Kant tat-Te Deum bħala ringrazzjament fl-għeluq tal-Kwindiċina. (Ma’ jkunx hemm Quddiesa tas-7.00a.m.) Fis-2.00p.m. Tiġrijiet tal-bhejjem fi Triq iż-Żebbuġ organizzati mid-delettanti taż-Żebbuġ bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ. Fis-6.30p.m. Translazzjoni bir-Relikwija tal-Madonna mill-Kappella tal-Każin tal-Banda Santa Marija għall-Knisja Parrokkjali u wara Konċelebrazzjoni Solenni mmexxija mill-W.R. Mons Tarċisju Camilleri, Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi. Wara tingħad il-Kurunella ta’ Santa Marija u Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Fid-9.30p.m. il-Banda ‘Santa Margerita’ ta’ Sannat ittella’ programm mużikali fuq il-planċier fi Pjazza l-Assunta. Fid-9.30p.m. Marċ mill-Banda ‘San Girgor’ ta’ Kerċem li jibda minn Pjazza l’Assunta għal Triq il-Knisja. Fejn il-Każin tal-Banda nassistu għal sorpriża organizzata mis-Sezzjoni Żgħażagħ fi ħdan is-Soċ. Filar. S. Marija u wara wirja piroteknika “Colori dell’Assunta’. Wara jitkompla l’Marċ li jintemm fi Pjazza l-Assunta f’Nofs-il-lejl. F’12.00a.m. ‘Pyrodance’, Programm oriġinali ta’ Logħob tan-Nar tal-Art.

IL-ĦADD 20 T’AWWISSU: JUM IS-SOLENNITA’ TAL-ASSUNTA INKURUNATA. JUM IL-KOMUNITA’ PARROKKJALI
Filgħodu l-Quddies ikun fil-5.30a.m., fis-7.00a.m., fit-8.00a.m. u fil-11.00a.m. Fid-9.00a.m. Konċelebrazzjoni Pontifikali Solenni mmexxija mill-E.T. Mons Isqof Mario Grech, flimkien ma’ rappreżentanza tal-Kapitlu Katidral u mas-Saċerdoti tal-Parroċċa, li fiha Patri Joe Buttigieg, Gwardjan tal-Kunvent tal-Kapuċċini fir-Rabat, jagħmel l-Omelija. Fi tmiem il-Pontifikal, jingħata l-Premju tal-Fundazzjoni ‘Arċipriet Dun Franġisk Mercieca u Mons Luigi Vella’. Fil-11.30a.m. Marċ brijuż mill-Banda Santa Marija mat-toroq ewlenin tar-raħal. Fis-6.30p.m. Konċelebrazzjoni mmexxija minn Mons Arċ. Trevor Sultana (Għarb), bis-sehem tal-Orkestra u l-Kor ‘Santa Marija’. Fis-7.30p.m. Ħruġ tal-Purċissjoni. Il-Banda ‘Santa Marija’ taż-Żebbuġ, issellem lil Santa Marija bl-innu ġdid ‘L-Isbaħ Ġawhra ta’ Raħalna’ fuq versi ta’ Fr Geoffrey G. Attard u mużika ta’ Mro Franco Cefai u mbgħad bl-Innu ‘Alla Beata Vergine Maria Assunta in Cielo’. Fit-8.00p.m. Programm mużikali fi Pjazza l-Assunta mill-Banda Ċittadina ‘Leone’ tal-Belt Victoria. Wara dħul tal-Purċissjoni waqt il-kant tal-Innu Popolari lil-Verġni Assunta. Tingħata l-Barka Sagramentali u jsir il-bews tar-Relikwija.


XI AVVIŻI MPORTANTI F’KONNESSJONI MAL-FESTA
* Inħeġġu lill-fratelli kollha biex jiġu jilbsu għall-Purċissjoni.
* Nappellaw għall-imġieba xierqa u lbies deċenti – għandom jiġu evitati xorb eċċessiv, dagħa, kliem ħażin jew kliem li jista jweġġgħa lil xi ħadd.
* Nappellaw lil dawk kollha li joħorġu xi siġġijiet mill-Knisja u miċ-Ċentru biex ikunu responsabbli u jerġgħu idaħħluhom f’posthom x’ħin jiddubbaw bihom.
* L-Għaqda tal-Armar tappella biex l-għada tal-festa għal waqt iż-żarmar ma’ jitħallewx vetturi li jistgħu jiżgumbraw l-aċċess għall-armar biex kemm jista jkun ma jintilfx ħin prezzjuż.
* Nappellaw biex ħadd ma jersaq lejn l-għelieqi fejn jinħaraq in-nar biex jiġi evitat kull periklu.
* Nappellaw għall-għajnuna ta’ rġiel, nisa u tfal, it-Tnejn l-għada tal-festa għaż-żarmar kemm fil-Knisja kif ukoll fuq barra ħalli jinġabar kollox fl-iqsar żmien possibli u mingħajr ħsara.


B.B.Q. TA’ APPREZZAMENT MIS-SOĊ.FILAR. S.MARIJA
Navżaw lil Bandisti, membri tal-Kumitat u Sezzjonijiet Nisa u Zagħżagħ u helpers tas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija li nhar it-Tnejn 21 t'Awwissu ser isir is-solitu BBQ ta’ apprezzament fuq il-bejt tal-Każin tal-Banda fit-8.00p.m.

QUDDIESA TA’ RADD IL-ĦAJR U DĦUL TA’ S. MARIJA FIN-NIĊĊA
It-Tlieta 22 t’Awwissu, Festa ta’ Marija Regina, fis-6.30p.m. Rużarju, Barka. Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni ta’ Radd il-Ħajr immexxija mill-Arċipriet il-Kan. D. Reuben Micallef. Wara jsir id-dħul ta’ l-istatwa ta’ Santa Marija fin-Niċċa. Inħeġġukom tattendu ħalli nikkonkludu l-festa b’din il-laqgħa tagħna mal-Mulej.

DAWRA BIL-LANĊA MA’ KEMMUNA GĦAT-TFAL LI ĠEW IL-KWINDIĊINA
It-Tfal li għandhom il-biljetti li tqassmu fil-Kwindiċina huma mitluba biex nhar it-Tlieta 22 t’Awwissu jġibuhom magħhom biex wara d-dħul tal-istatwa ta’ Santa Marija fin-Niċċa dejjem jekk għandhom biljetti biżżejjed nagħtuhom biljett li jintitulagħom għad-dawra bil-lanċa ma’ Kemmuna li wiegħdnihom. Importanti li iġġibu l-biljetti tal-Kwindiċina dakinhar. Id-Dawra bil-lanċa imbgħad ser issir nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Awwissu. Nitilqu mill-Pjazza fit-8.30a.m. (bix-xarabank) u niġu lura għall-ħabta tal-10.30a.m. It-Tfal se jkunu akkumpanjati mill-Katekisti u milll-Arċipriet.

 

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Formosa