ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Weekly Bulletin
19 March 2017
  VIA SAGRA FUQ T’GĦAMMAR GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Marzu ser issir Via Sagra fuq l-Għolja t’Għammar għaż-Żgħażagħ tal-Parroċċa. Nitilqu bil-Minibus fis-7.00p.m. mill-Pjazza u niġu lura għall-ħabta tat-8.00p.m. Iż-Żgħażagħ kollha huma mħeġġa biex jattendu.

L-ABBATINI U L-ADOLOXXENTI FIL-CAR WASH GĦALL-GUATEMALA
Is-Sibt 18 ta’ Marzu, kemm l-Abbatini kif ukoll l-Adoloxxenti tal-Parroċċa tagħna ser jagħtu daqqa t‘id fil-Car Wash li ser tkun organizzata mis-Seminaristi tad-Djoċesi bħala attivita’ ta’ fund raising għall-esperjenza missjunarja li se jagħmlu bejn l-aħħar ta’ Ġunju u l-bidu ta’ Lulju li ġej fil-Gwatemala. Il-car wash ser tkun fil-parking ta’ ħdejn l-Arcadia fir-Rabat. L-Adoloxxenti ser jitilqu mill-Pjazza fin-12.30p.m. u l-Abbatini fis-2.15p.m. Kulħadd huwa mħeġġeġ jgħin f’din l-attivita’.

LAQGĦA ĠENERALI TAL-GĦAQDA TAL-ARMAR

Nhar is-Sibt 18 ta’ Marzu fis-7.00p.m. fiċ-Ċentru Parrokkjali ser issir il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Għaqda Armar ‘Santa Marija’ li fiha jinħatar Kumitat ġdid. Dawk interessati jingħaqdu ma’ din l-Għaqda jew jixtiequ jagħtu daqqa t’id jew xi suġġeriment huma mistiedna jkunu preżenti għal din il-laqgħa.

ADORAZZJONI FIS-SKIET FIR-RANDAN
Is-Sibt 18 ta’ Marzu, t-3 Sibt tar-Randan, wara l-Quddiesa tas-6.00p.m., fil-Knisja tinżamm Adorazzjoni fis-skiet sas-7.30p.m. “Itoblu biex ma tidħlux fit-tiġrib”

ĠABRA TAL-OBOLO TA’ S. PIETRU – GĦALL-ĦTIĠIJIET TAL-KNISJA FID-DINJA
F’dan il-Ħadd, 19 ta’ Marzu fil-Knejjes kollha, waqt il-Quddies tas-Sibt filgħaxija u tal-Ħadd, issir il-Ġabra speċjali, hekk imsejħa tal-Obolo ta’ San Pietru. Il-flus miġbura mid-dinja kattolika jintbgħatu lil Papa li mbgħad iqassamhom skond il-ħtiġijiet tal-popli fil-bżonn. Dawn imorru l-biċċa l-kbira f’ikel u mediċini, għall-bini ta’ skejjel, istituti u sptarijiet, u f’għotjiet lil pajjiżi li jsofru xi diżastri naturali matul is-sena. Nappellaw għall-ġenerożita’ tagħkom. Il-Mulej ibierek lil min jagħti mill-qalb!

APPELL GĦALL-GĦOTI TAD-DEMM
Nhar il-Ħadd 19 ta’ Marzu id-dipartiment tal-Out patients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ser ikun miftuħ mit-8.00a.m. sas-1.00p.m. għal min jista jagħti d-demm Dawk li se jilqgħu dan l-appell huma mitluba jieħdu magħhom il-karta tal-identita’.

IL-QUDDIESA TAL-11.00A.M. ANIMATA MILL-KOR REGINA ANGELORUM
Nhar il-Ħadd 19 ta’ Marzu il-Quddiesa tal-11.00a.m ser tkun animata b’kant b’tema żgħażugħa milll-Kor Regina Angelorum. Għaldaqstant il-membri kollha tal-Kor huma mitluba jattendu.

PELLEGRINAĠĠ PENITENZJALI GĦAS-SANTWARJU TA’ PINU
Fl-okkażjoni tar-Randan Imqaddes, nhar il-Ħadd 19 ta’ Marzu fit-3.00p.m. nitilqu Pellegrinaġġ bil-mixi għal Ta’ Pinu. Matul il-pellegrinaġġ ngħidu r-rużarju. Ikollna Quddiesa fl-4.00p.m fis-Santwarju. Għaldaqstant f’dan il-Ħadd ma jkunx hawn il-Quddiesa tal-4.30p.m. fil-Parroċċa.

SOLENNITA’ TRASFERITA TA’ S. ĠUŻEPP U PELLEGRINAĠĠ GĦALL-QALA
Nhar it-Tnejn 20 ta’ Marzu niċċelebraw is-Solennita` trasferita ta’ S. Ġużepp. Inħarsu dan il-jum b’Quddiesa u Tqarbina. Fl-10.30a.m jitlaq it-trasport mill-Pjazza l-Assunta għall-Knisja Parrokkjali tal-Qala fejn niċċelebraw Quddiesa fil-11.00a.m. Dawk interessati jiġu huma mitluba jkellmu lil Arċipriet sa nhar il-Ħadd 19 ta’ Marzu.

EŻERĊIZZI GĦALL-KOPPJI MIŻŻEWĠIN
Mit-Tnejn 20 sal-Ġimgħa 24 ta’ Marzu, se jsiru l-Eżerċizzi spiritwali għall-Koppji Miżżewġin fis-Sala taċ-Ċentru Parrokkjali fis-7.00p.m. Il-Predikatur se jkun Fr Charles Sultana. Fl-istess ħin fiċ-Ċentru Parrokkjali stess se jintwera film għat-tfal preżenti li jkunu assistiti minn adulti li jieħdu ħsiebhom. Inħeġġu ħafna lilkom għażież koppji li għadhom trabbu t-tfal, adoloxxenti u żgħażagħ biex tilqgħu din l-istedina ta’ darba fis-sena biex nisimgħu tagħlim ibbażat fuq il-Vanġelu li tant għandna bżonnu fil-ħajja tallum. Din tista tkun waħda mill-impenji konkreti tagħkom għal dan ir-Randan. Il-Mulej qed isejjaħħlek... tagħlaqlux il-bieb f’wiċċu! N.B. Din il-ġimgħa ma jsirux il-Laqgħat tal-Lectio Divina, l-Laqgħa tal-Adoloxxenti u l-Adorazzjoni tal-Ħamis.

PROVI TAL-KANT GĦALL-MEMBRI TAL-KOR ‘SANTA MARIJA’
Nhar it-Tnejn 20 ta’ Marzu, fis-6.30p.m. (wara l-Quddiesa ta’ filgħaxija) fil-Knisja ser issir prova tal-kant għall-membri tal-Kor Santa Marija.

NHAR L-ERBGĦA – IL-QUDDIESA GĦAT-TFAL KOLLHA
Infakkru li nhar l-Erbgħa 22 ta’ Marzu, inkomplu bil-Quddiesa tat-Tfal fis-6.00p.m. Janima l-kant il-Kor Regina Angelorum u titqassam l-isticker tad-Duttrina.

IL-ĦAMIS 23 TA’ MARZU: COFFEE MORNING B’RISQ IT-TAGĦLIM TAL-MUŻIKA
Is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija tixtieq tavża li nhar il-Ħamis 23 ta' Marzu fid-9.00a.m. ser jigi organizzat Coffee Morning fil-Kazin. Iħeggukom tattendu għax filwaqt li nqattgħu ftit ħin ta’ divertiment, intom tkunu ta’ għajnuna biex inkomplu bil-ħidma tagħna iddedikata lit-tagħlim u s-servizzi tal-mużika lir-raħal tagħna.

IL-KOR REGINA ANGELORUM F’KUNĊERT KORALI FIL-LUNZJATA
Nhar il-Ħamis 23 ta’ Marzu fil-5.30p.m. il-Kor Regina Angelorum ġie mistieden miċ-Ċentru tal-UNESCO għall-Edukazzjoni u l-Kultura biex jagħti Kunċert Korali ta’ mużika sagra fil-Kappella tal-Lunzjata fl-okkażjoni tal-Festa tal-Lunzjata.

TĦEJJIJIET GĦALL-PURĊISSJONI TAL-ĠIMGĦA L-KBIRA
Dawk kollha li jixtiequ jieħdu sehem fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira huma mitluba jibdew jinkitbu fis-Sagristija minn nhar is-Sibt 18 ta’ Marzu. Jekk jogħġobkom tħallux għall-aħħar. Ir-Reffiegħa li fadlilhom il-konfratiji l-qodma tal-Knisja id-dar huma mitluba jirritornawhom il-Knisja, apparti dawk li jerfgħu f’Santa Marija jew li huma tagħhom personali.

AVVIZ MIS-SEMINARJU MINURI U MILL-KONSERVATORJU TAL-ISQOF
Il-ġenituri/kustodji tal-Istudenti kollha, tal-Year 6 li jattendu fl-iskejjel Primarji kemm tal-Knisja kif ukoll tal-Istat, dejjem jekk iridu, huma ġentilment mitluba jirreġistraw lil uliedhom għad-Dħul fl-Ewwel Klassi tas-Seminarju Minuri u tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju, nhar l-Erbgħa 29 u l-Ħamis 30 ta’ Marzu mit-8:00a.m. sas-2.00p.m. Għal aktar dettalji araw il-Bulettin tal-ġimgħa li għaddiet.

 

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Formosa