ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Weekly Bulletin
12 March 2017
  TALB TAT-TIFĦIR TA’ SBIEĦ IL-JUM F’DAR STELLA MARIS
Infakkru li matul ir-Randan Imqaddes kull nhar ta’ Ġimgħa, fil-Kappella ta’ Dar Stella Maris fis-6.30a.m. isir it-talb tat-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum. Kulħadd mistieden.

‘VIA SAGRA’ ANIMATA BIL-KANT IMTELLGĦA MILL-KORIJIET
Nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Marzu fis-6.30p.m. fil-Knisja ser tiġi organizzata ‘Via Sagra’ b’Talb u Kant quddiem Ġesu Sagramentat animata mill-membri tal-Korijiet ‘Regina Angelorum’ u Santa Marija li tiġi fi tmiema bil-Barka Sagramentali.

IL-FILM ‘THE PASSION OF THE CHRIST’ GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Marzu l-membri tal-Grupp taż-Żgħażagħ se jaraw il-Film ‘The Passion of the Christ’ fis-7.15p.m. fiċ-Ċentru Parrokkjali.

PROVI TAL-KANT GĦALL-MEMBRI TAL-KOR ‘REGINA ANGELORUM’
Is-Sibt 11 ta’ Marzu, fl-4.00p.m. fil-Knisja ser isrir prova tal-kant għall-membri tal-Kor ‘Regina Angelorum’. Il-membri huma mħeġġa jattendu.

LAQGĦA GĦALL-ABBATINI KOLLHA
Is-Sibt 11 ta’ Marzu, ser issir laqgħa oħra għall-Abbatini tagħna. Il-laqgħa tibda fil-5.00p.m. u tkun fiċ-Ċentru Parrokkjali. Imexxi l-laqgħa s-Sem Gabriel Vella.

ADORAZZJONI FIS-SKIET FIR-RANDAN
Is-Sibt 11 ta’ Marzu, t-2 Sibt tar-Randan, wara l-Quddiesa tas-6.00p.m., fil-Knisja tinżamm Adorazzjoni fis-skiet sas-7.30p.m. “Itoblu biex ma tidħlux fit-tiġrib”

AVVIŻ LIR-REFFIEGĦA TAL-ISTATWI TAL-MONUMENT U D-DULURI
Nhar il-Ħadd 12 ta’ Marzu, ir-Reffiegħa tal-Istatwi tal-Monument u tad-Duluri huma ġentilment mitluba jiġu fis-Sagristija bejn l-10.30a.m u l-11.00a.m biex jippruvaw il-konfratiji l-ġodda u titteħdilhom il-keffa skond it-tul tagħhom ħalli fil-ġimgħat li ġejjin tingħatalhom bil-lest għall-Purċissjoni.

IT-TLETTAX LAQGĦA TAL-KORS TA’ TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻWIEĠ
Il-Ħadd 12 ta’ Marzu fl-9.45a.m. fiċ-Ċentru Parrokkjali ‘ssir it-13-il laqgħa tal-Kors ta’ Tħejjija għaż-Żwieġ. Inħeġġu l’dawk l-għarajjes li qed jieħdu sehem biex jattendu.

QRAR U TQARBIN TAL-MORDA U L-ANZJANI FI DJARHOM
It-Tnejn 13 ta’ Marzu filgħodu l-Arċipriet D. Reuben Micallef se jżur il-morda u l-anzjani tas-soltu biex iqararhom u jwasslilhom it-Tqarbin Imqaddes fi djarhom.

EŻERĊIZZI GĦALL-KULĦADD (GĦAN-NISA U IRĠIEL KOLLHA)
Mit-Tnejn 13 sal-Ġimgħa 17 ta’ Marzu se jsiru l-Eżerċizzi Spiritwali għall-kulħadd fis-6.30p.m. Il-Konferenzi ser isiru minn Fr Michael Borg, Rettur tal-Knisja ta’ San Pawl f’Marsalforn u Direttur tal-Karitas, u jinżammu fil-Knisja. Inħeġġu ħafna lil dawk kollha li jaqgħu f’din il-kategorija biex jattendu. Tibdlux dan l-appuntament mal-Kelma t’Alla ma affarijiet oħra li jgħaddu! Il-Mulej qed isejjaħlek!
N.B. Għaldaqstant din il-ġimgħa ma jsirux il-Laqgħat tal-Azzjoni Kattolika, il-Lectio Divina u l-Adorazzjoni tal-Ħamis.

IR-RABA’ ANNIVERSARJU MILL-ĦATRA TAL-PAPA FRANĠISKU
Nhar it-Tnejn 13 ta’ Marzu jaħbat ir-4 Anniversarju mill-ħatra tal-Papa Franġisku. F’dan il-jum speċjali nitolbu għalih aktar mis-soltu biex il-Mulej jissokkta jieqaf miegħu ħa jkompli jmexxina lejn il-mergħat ta’ dejjem.

APPELL GĦALL-GĦOTI TAD-DEMM
Nhar it-Tlieta 14 ta’ Marzu d-dipartiment tal-Out patients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ser ikun miftuħ mis-1.00p.m. sal-5.00p.m. għal min jista jagħti d-demm Dawk li se jilqgħu dan l-appell huma mitluba jieħdu magħhom il-karta tal-identita’.

NHAR L-ERBGĦA – IL-QUDDIESA GĦAT-TFAL KOLLHA
Infakkru li nhar l-Erbgħa 15 ta’ Marzu, it-Tfal tad-Duttrina huma mistiedna għal-Quddiesa tas-6.00p.m. Inkomplu l-Katekeżi fuq il-Qaddisin waqt l-omelija.

VIA SAGRA FUQ T’GĦAMMAR GĦALL-ADOLOXXENTI
Nhar l-Erbgħa 15 ta’ Marzu ser issir Via Sagra fuq l-Għolja t’Għammar għall-Adoloxxenti tal-Parroċċa tagħna. Nitilqu bil-Minibus fis-6.45p.m. mill-Pjazza u niġu lura għall-ħabta tat-8.00p.m. L-Adoloxxenti huma mħeġġa biex jattendu.

PELLEGRINAĠĠ PENITENZJALI GĦAL TA’ PINU
Navżaw li nhar il-Ħadd 19 ta’ Marzu fit-3.00p.m. nitilqu Pellegrinaġġ bil-mixi għal Ta’ Pinu. Ikollna Quddiesa fl-4.00p.m fis-Santwarju. Ma jkunx hawn il_Quddiesa tal-4.30p.m. fil-Parroċċa.

EŻERĊIZZI SPIRITWALI TAR-RANDAN 2017
Inħeġġukom iżżommu dawn id-dati liberi
Mit-Tnejn 20 sal-Ġimgħa 24 ta’ Marzu: għall-Koppji Miżżewġin li għadhom irabbu Post: Sala taċ-Ċentru. Ħin: 7.00p.m. Predikatur: Kapp. Charles Sultana
Mill-Erbgħa 29 sal-Ġimgħa 31 ta’ Marzu: għall-Adoloxxenti u Żgħażagħ. Post: Sala taċ-Ċentru Parrokkjali. Ħin: 6.45p.m. Predikatur: Fr Samuel Grech

ROCK OPERA ‘KOLBE’ FL-ORATORJU DON BOSCO
L-Oratorju Don Bosco ser jipprerżenta r-rock opera KOLBE li tittratta l-ġrajja ta’ San Massimiljanu Kolbe li nqatel fil-Kamp ta’ Konċentrament ta’ Auschwitz 75 sena ilu. Il-produzzjonijiet se jsiru s-Sibt 11 ta’ Marzu fis-7.30p.m., il-Ħadd 12 ta’ Marzu fis-2.30p.m. u s-Sibt 18 ta’ Marzu fis-7.30p.m. Il-booking huwa miftuħ. Il-prezz tal-biljetti huwa ta’ €10. Il-booking ikun miftuħ kuljum wara l-5.00pm. Għall-booking tistgħu wkoll iċċemplu fuq 21556616 jew 99487751.

AVVIZ MIS-SEMINARJU MINURI U MILL-KONSERVATORJU TAL-ISQOF
Il-ġenituri/kustodji tal-Istudenti kollha, tal-Year 6 li jattendu fl-iskejjel Primarji kemm tal-Knisja kif ukoll tal-Istat, dejjem jekk iridu, huma ġentilment mitluba jirreġistraw lil uliedhom għad-Dħul fl-Ewwel Klassi tas-Seminarju Minuri u tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof, nhar l-Erbgħa 29 u l-Ħamis 30 ta’ Marzu mit-8:00a.m. sas-2.00p.m. L-applikazzjonijiet għat-tfal subien jimtlew fis-Seminarju Minuri waqt li għat-tfal bniet jimtlew fl-Iskola tal-Konservatorju. Min japplika mitlub jieħu miegħu: Ċertifikat oriġinali tat-Twelid tat-tifel/tifla u żewġ ritratti riċenti tal-passaport tiegħu/tagħha. Tkun mitluba wkoll il-Karta tal-Identita’ tal-Ġenituri. It-tfal iridu jkunu mwielda bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2006. Isir ħlas ta’ €15 mal-applikazzjoni.

 

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Formosa