ZEBBUG PARISH
HOME BULLETIN EVENTS HISTORY MEDIA CONTACT ENTITIES
 
Weekly Bulletin
19 February 2017
  ĠABRA SPEĊJALI GĦALL-PROĠETT TAR-RESTAWR TAL-KNISJA
Nhar il-Ġimgħa 17 (mill-Knisja l’isfel) u s-Sibt 18 ta’ Frar (mill-Knisja l’fuq) ser issir il-ġabra speċjali annwali bieb bieb b’risq il-Proġett tar-Restawr tal-Knisja. Biex naġġornawkom ftit fuq ix-xogħol f’dan il-proġett tajjeb ngħidu li fis-sajf tlesta r-restawr strutturali kollu fuq il-koppla minn Toni Zammit. Fadal biss ftit tikħil li qed isir b’mod volontarju minn Joe Cefai u Joe Vella, li nittamaw li jitkompla appena jibbnazza ftit. Imbgħad ikun fadal ir-restawr ta’ 6 itwieqi minn 8 tal-injam li jdawwru t-tambur t’isfel. 2 minnhom huma lesti minn kollox u nittamaw li sa ma ssir il-ġabra inkunu nistgħu nesponuhom fil-Knisja. Dan ir-restawr fl-injam qed isir minn Bertu Mallia u t-tqiegħid u t-twaħħil tal-ħġieġ u ż-żebgħa qed isir minn Alfred Saliba b’mod volontarju. Imbgħad meta jitlesta t-tikħil isir iż-żarmar tal-iscaffolding minn mal-koppla biex eventwalment jibda jintrema ma’ parti mill-faċċata tal-Knisja biex imbgħad ikun jista jibda r-restawr fuq il-kampnar tal-qanpiena l-kbira. Ta’ min isemmi li dan ix-xogħol kollu qed ikun sorveljat u ikkordinat mis-Sur Emmanuel Cini project manager maħtur mill-Parroċċa u minn hawn nirringrazzjawh ferm tal-interess ġenwin tiegħu. Infakkarkom li l-aħħar ġabra li saret bieb bieb mill-Parroċċa kien fil-bidu ta’ Novembru (għall-festa ta’ S.Fortunatu). Tinsewx li biex inkomplu għaddejjin b’dan il-proġett hekk ambizzjuż hija meħtieġa l-ġenerożita’ kbira tagħkom. Dan hu proġett tant bżonnjuż li għandu jingħata kull prijorita’ anke fl-għotjiet tagħna. Għaldaqstant nappellalkom biex ngħinu lkoll mill-aħjar li nistgħu.

PROVI TAL-KANT GĦALL-MEMBRI TAL-KOR ‘REGINA ANGELORUM’
Is-Sibt 18 ta’ Frar, fl-4.30p.m. fil-Knisja ser isrir prova tal-kant għall-membri tal-Kor ‘Regina Angelorum’. Peress li se jiġi mgħoddi repertorju ta’ kant ġdid, il-membri huma mħeġġa jattendu.

LAQGĦA GĦALL-ABBATINI KOLLHA
Is-Sibt 18 ta’ Frar, ser issir laqgħa oħra għall-Abbatini tagħna. Il-laqgħa tibda fil-5.00p.m. u tkun fiċ-Ċentru Parrokkjali. Imexxi l-laqgħa s-Sem Gabriel Vella.

LAQGĦA ĠENERALI 2016... NHAR IS-SIBT 18 TA’ FRAR 2017
Is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija tistieden lil kulħadd għall-Laqgħa Generali 2017 nhar is-Sibt 18 ta’ Frar 2017, mis-7.00p.m. sat-8.00p.m. ġewwa is-sala prinċipali tal-każin. Matul din il-laqgħa ser jkunu qed jingħataw rendikonti amministrattivi u finanzjarji dwar dak li jkun seħħ fl-aħħar sena u jiġu diskussi punti relatati mal-pjanijiet li s-Soċjeta’ tkun qiegħda tfassal għall-ġejjieni. Kulħadd għandu jħossu liberu li jwassal xi suġġerimenti jew jagħmel xi intervent/ilment waqt din l-istess laqgħa.

AVVIŻ LIR-REFFIEGĦA TAL-ISTATWI TAL-ORT U TAL-KOLONNA
Nhar il-Ħadd 19 ta’ Frar, ir-Reffiegħa tal-Istatwi tal-Ort tal-Getsemani u tal-istatwa tal-Kolonna huma ġentilment mitluba jiġu fis-Sagristija bejn l-10.30a.m u l-11.00a.m biex jippruvaw il-konfratiji l-ġodda u titteħdilhom il-keffa skond it-tul tagħhom ħalli fil-ġimgħat li ġejjin tingħatalhom bil-lest għall-Purċissjoni. Nieħdu din l-okkażjoni biex nirringrazzjaw lil Carmen Mifsud, Kunsilja Cini, Vicky Saliba, Sika Agius, Natalie Cini, Guża Cassar u Gerita Cini li ħietu dawn il-konfratiji u lil Rita Dimech li fasslithom u ikkordinat ix-xogħol kollu.

APPELL GĦALL-GĦOTI TAD-DEMM
Nhar il-Ħadd 19 ta’ Frar id-dipartiment tal-Out patients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ser ikun miftuħ mit-8.00a.m. sas-1.00p.m. għal min jista jagħti d-demm Dawk li se jilqgħu dan l-appell huma mitluba jieħdu magħhom il-karta tal-identita’.

PROVI TAL-KANT GĦALL-MEMBRI TAL-KOR ‘SANTA MARIJA’
Nhar it-Tnejn 20 ta’ Frar, fis-6.30p.m. (wara l-Quddiesa ta’ filgħaxija) fil-Knisja ser issir prova oħra tal-kant għall-membri tal-Kor Santa Marija.

LAQGĦA TAL-KUNSILL PASTORALI DWAR IL-KUNGRESS TAX-XIRKA
Nhar l-Erbgħa 22 ta’ Frar, wara l-Quddiesa ta’ filgħaxija, fis-Sagrestija ser issir Laqgħa għall-membri tal-Kunsill Pastorali dwar il-Kungress tax-Xirka tal-Isem Imqaddes t’Alla li se jsir fil-Parroċċa tagħna l-Ħadd 30 t’April. Il-membri kollha huma mħeġġa biex jattendu.

KIF INDAWLU LIL ULIEDNA DWAR IL-ĦBIEB
Il-Kummissjoni Djoċesana Familja qed torganizza laqgħa ta’ formazzjoni bis-suġġett: Kif indawlu lil uliedna dwar il-ħbieb. Il-laqgħa ser tinżamm fl-Istitut tal-Familja, nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Frar bejn is-6.00pm u s-7.30pm u ser titmexxa minn Dr. Michael Galea (psikologu, family therapist u lecturer fl-Universita’). Mistednin il-ġenituri u carers tat-tfal kollha b’mod partikolari dawk li għandhom tfal adolexxenti.

TIFKIRA TAL-BEATA MARIJA ADEODATA PISANI
Nhar is-Sibt 25 ta’ Frar issir it-Tifkira tal-Beata Marija Adeodata Pisani, Reliġjuża klawstrali u kompajżana tagħna. Infittxu li nsiru nafu aktar dwar il-ħajja qaddisa tagħha u nitolbu bl-interċessjoni tagħha għal aktar vokazzjonijiet reliġjużi speċjalment femminili.

LAQGĦAT/ATTIVITAJIET OĦRA MATUL DIN IL-ĠIMGĦA:
It-Tnejn 20 : Azzjoni Kattolika fil-5.00p.m. fiċ-Ċentru Parrokkjali.
It-Tlieta 21 : Lectio Divina fis-6.30p.m. fil-Knisja.
L-Erbgħa 22 : Quddiesa għat-Tfal kollha fis-6.00p.m. animata mill-Kor Regina Angelorum.
Il-Ħamis 23 : Adorazzjoni (wara l-Quddiesa tas-6.00p.m.) fil-Knisja

COFFEE MORNING KBIR TAL-KARNIVAL FIL-KAŻIN TAL-BANDA
Is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija tixtieq tavża li l-Coffee Morning tal-Karnival ser isir nhar it-Tlieta 28 ta’ Frar fid-9.00a.m. ġewwa is-Sala Prinċipali tal-Każin. Inħeġġukom tattendu bi ħġarkom fejn minbarra l-logħob tat-tombla, bћal kull sena ser ikollna wkoll il-kompetizzjoni tal-isbaћ kostum, b’ġurija minn persuni min barra r-raћal tagћna. Nagħmlu stedina speċjali lit-tfal u lil-ġenituri biex jipparteċipaw. Din is-sena ħsibna biex waqt il-logħob tat-tombla jiġi organizzat wkoll logħob u divertiment għat-tfal. Ser tingħata tifkira lit-tfal kollha li jattendu. Mela narawkom ilkoll...

GRAZZI TAL-ĠENEROŻITA’ TAGĦKOM...
* Lil dawk li taw sehemhom fil-ferta li kienet saret fil-Knisja fl-1 ta’ Jannar 2017 b’risq id-Dar tal-Providenza fejn kienet inġabret is-somma sabiħa ta’ €500 u lil dawk li taw sehemhom fil-ferta li kienet saret fil-Knisja tagħna fl-20 u l-21 ta’ Jannar 2017 b’risq l-Art Imqaddsa fejn kienet inġabret is-somma sabiħa ta’ €518.17.
* Lil Nina Saliba u l-klijenti ta’ Saliba Store li għaddew is-somma sabiħa ta’ €200 lil Moviment Ġesu fil-Proxxmu.
* Lil familja NN li fl-okkażjoni tal-Magħmudija ta’ binthom taw €25 għall-bżonnijiet tal-Knisja.

 

Copyright © 2011. All Rights Reserved.
Website Administrator: Ms R. Formosa